Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1443444
21 editorjal illum • IL-ĦADD 16 TA' JANNAR 2022 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt L -ewwel sentejn ta' Robert Abela jistgħu jitpoġġew f 'kelma waħda: Sfidi. Sfidi li sab ma' wiċċu sforz pandemija li ħawdet jekk mhux ġennet lid-dinja u li ħalliet ekonomiji weqfin u Gvernijiet jipprovaw isibu soluzzjonijiet minn manwal li ma kienx jeżisti. Sfidi li intirtu mingħand il-Gvern ta' qablu, l-aktar fil-governanza u l-isfidi marbuta ma' assassinju, li qed ikun akkużat li kien il- moħħ tiegħu Direttur tal-Electorgas (Yorgen Fenech) li kellu rabtiet qawwijin mal-eks Chief of Staff f 'Kastilja Keith Schembri. Sfidi permezz tad-deċiżjoni tal-FATF li titfa' lil Malta fil-Lista l-Griża u issa qed naraw sfida oħra, dik tal-Air Malta - linja tal-ajru li ilha sejra lura. Pero' jekk inħarsu lura biss ma nkunu qed nagħmlu xejn differenti minn dak li għamilna fl-analiżi (ara paġni 10 u 11) fil-gazzetta ILLUM. L-aħjar inħarsu għal li ġej. U allura ma nistgħux ma nsemmux l-isfida tal-Air Malta. Ikun superfiċjali min jipprova jwaħħal fil-PN jew il-PL għax nepotiżmu ilu għaddej u stejjer ta' nies li jiddaħlu jaħdmu mal-Gvern - fil-Freeport, l-Air Malta, l-Enemalta, il-Wasteserve - mhux illum bdew. Jiġifieri huwa tort tal-PL u tal-PN ukoll Il-Gvern jeħtieġ jopera l-kumpaniji u entitajiet tiegħu daqslikieku huma privati: Bis-serjetà, bit-trasparenza, b'kontabilità u fejn għal kull siegħa xogħol li titħallas, tkun ħdimt siegħa xogħol. Fejn jekk fuq kariga jew biċċa xogħol għandek bżonn tlieta minn nies, ma jkollokx 10! Din għandha tkun hekk għax l-entitajiet tal-Gvern, mhumiex tal-Gvern imma huma tal-poplu! Imħallsin mit-taxxi tal-poplu! Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru Clyde Caruana kienet reality check ċar fuq din il-Linja Nazzjonali tal-Ajru. Jista' jkun li għandu raġun min huwa urtat bl-użu tal- kliem u min hu inkwetat fuq l-effett politiku tad-deċiżjoni iebsa fuq il-Partit Laburista. Imma Joe, Mary u Peter li mhumiex tal-qalba it jinteressahom dal- kunsiderazzjonijiet partiġġjani. Jinteressahom li flushom jintefqu tajjeb biex il-Linja Nazzjonali tagħna tibqa' ittir. Jinteressahom kif Konrad Mizzi qalilna li għamlet qligħ meta fil-fatt issa l-Ministru Cyde Caruana jgħidilna li ma għamlet qligħ xejn għax kien hemm sempliċiment dħul 'one off '. Dan jekk ma tridx kien l-istess Super Minister li ta tliet sptarijiet lill-kumpanija falluta (VGH), li bil-flus li taha ma għamlet xejn u meta ġie l-waqt telqu minn Malta! Biex tgħaxxaq l-Air Malta kellha tiffaċċja problemi kbar bil-pandemija: Eluf kbar ta' titjiriet ikkanċellati u xhur sħaħ bla ebda sinjal ta' xogħol. Kienet qed tagħmel €170,000 telf kuljum! Kieku kienet kumpanija privata ilha li ddikjarat falliment u għalqet! Mela allura l-Gvern għandu jieħu d-deċiżjonijiet - kif jidher li qed jieħu u sewwa jagħmel li jieħu - filwaqt li jara li l-ħaddiema ma jħallsux il-prezz tad- deċiżjonijiet żbaljati ta' politiċi li fil-Linja Nazzjonali raw biss baqra li minnha teħleb. Issa jew il-Partit Laburista jrid is-serjetà jew irid jibqa' mwaħħal fl-era mmufata u mranġta li issa qabdet iddejjaq anke lill-aktar Laburisti ġenwini, ta' nepotiżmu bl-addoċċ u "lil min taf mhux kemm taf "! L-Air Malta qed tikkompeti ma' linji tal-ajru oħrajn kbar, li qed joffru servizzi u rotot ħafna iktar estensivi bi prezzijiet iktar raġjonevoli. Illum qed ngħixu f 'dinja u sistema politika u ekonomika fejn min hu l-aqwa jħawwel u allura l-ebda pajjiż u l-ebda linja tal-ajru u l-ebda ajruport u l-ebda passiġġier mhu se joqgħod jistenna lil Malta jew il-Gvern Malti biex jirranġa l-Air Malta. Illum hawn l-għażla u l-konsumatur dik l-għażla qed jagħmilha, Air Malta riformata jew le! Jew qegħdin fit-tellieqa mal-oħrajn - niġru, nikkompetu u ngħaddu lil oħrajn. Jew se niqbgħu ngħumu fil-medjokrità politika ta' "u iva ħa nagħtik ġobb mal- Gvern, ma tagħmel xejn (u jħallas il- poplu!) basta tivvotali". Din l-isfida tingħaqad ma' bosta oħrajn li ma hawnx biżżejjed spazju hawn biex insemmu, pero' żgur li d-deċiżjoni tal- FATF tibqa' sfida li matul l-2022 irridu niffaċċjaw u nirbħu. Iż-żmien qed jinbidel u d-dinja qegħda dejjem aktar issir globalizzata f 'kull sens. Dak li kien jgħaddi 10 snin ilu, illum ma għadux. It-traqqigħ tal-pannu bil-qargħa aħmar tal-bieraħ ma għadux jgħodd illum. Illum kull min huwa politiku u jisraq jew jiaħ xi kumpanija l-Panama jew l-Iżvizzera, kull politiku li ma jħallasx taxxa jinqabad. Il-Gvern ta' Abela għandu juża l-isfidi tal-aħħar sentejn, biex iġib il-bidla fil-mod kif issir il-politika hawn Malta, fil-mod kif jitmexxew l-entitajiet pubbliċi u fil-mod kif inħarsu lejn il-politiku, bidla ta' mhux lil min taf imma kemm taf. Bidla ta' politiċi denji. Bidla għal trasparenza, kontabilità u onestà li sfortunatament kellha sseħħ fl- 2013 imma ma seħħitx! Sfida oħra!