Illum previous editions

ILLUM 23 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1445229

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 27

IL-ĦADD 23 TA' JANNAR 2022 • illum aħbarijiet B'childcare u nappy changers mhux eżistenti u b'ħinijiet inadegwati; Il-Parlament mhux lest biex jilqa' lill-mara Din is-sena se naraw żieda sostenzjali ta' nisa fil-Parlament iżda l-Parlament lest biex jiftaħ il-bibien għan-nisa? L-ILLUM titkellem ma' Rosianne Cutajar, Claudette Buttigieg u Kristy Debono dwar dak li jaħsbu li għandu jkun il-pass li jmiss. MARIANNA CALLEJJA Is-sena 2022 se tibqa' mnaqqxa fil-kotba tal-istorja bħala s-sena li ġabet magħha iktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament, grazzi għall- mekkaniżmu li jiġi fis-seħħ jekk ma jiġux eletti 40% nisa fil- Parlament. Kollox jidher sabiħ u jleqq iżda bħal ma jgħid il-Malti mhux kull ma jleqq hu deheb. Dan intwera biċ-ċar fi kliem it-tliet Membri Parlamentari li tkellmet magħhom din il- gazzetta, id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg, il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono. L-għajta tagħhom kienet waħda; l-isfida mhux li titla' mara fil-Parlament iżda li tħajjarha biex tidħol għal din il-karriera, mhux għax ma tridx iżda għax is-soċjetà hekk tiddetta. L-istruttura tal-Parlament teħtieġ tibdil biex tilqa' nisa u irġiel bil- familja It-tlett nisa li tkellmet magħhom l-ILLUM ikkonfermaw li fil- Parlament bħalissa la teżisti nappy changer waħda u wisq inqas kamra li tilqa' t-tfal tad-deputati fiha sakemm issir is-seduta. Faċli ngħidu, "imma l-Parlament mhux post it-tfal" imma fir-realtà li ngħixu fiha illum ma nistgħux ninsew li l-maġġoranza tal-ġenituri jaħdmu t-tnejn. Ma nistgħux ninsew ukoll li spiċċa ż-żmien li sempliċiment inħallu t-tfal man-nanniet għax biċċiet minnhom jaħdmu ukoll sforz l-għoli tal-ħajja. Allura x'se nagħmlu? Neleġġu biss nisa u irġiel mingħajr tfal? Kemm Buttigieg u kemm Debono setgħu jitkellmu mill- esperjenza u rrakkontaw li mhux l-ewwel darba kellhom ikaxkru lill-uliedhom magħhom. Fil-każ tagħha, Kristy Debono rrakontat kif darba fil-ġimgħa, it-tifla tagħha jkollha d-duttrina online. "It-tifla għandha sitt snin, minni tiddependi. Ir-raġel jaħdem ukoll. Ikolli Parlament neħodha miegħi u toqgħod tagħmel il-lezzjonijiet tad-duttrina hemm," bdiet tgħid Debono. Irrakkontat wkoll kif mhux l-ewwel darba li t-tifla tagħha tgħolli it leħinha u tmur issikitha. Fil-pront bintha twieġeb "imma mummy qed inkellem lil miss." Lil din iċ-ċkejkna mhux se tagħtiha tort. U xi ngħidu għal tfal iżgħar fl- età, forsi anke ta' età li għadhom iridu minn ommhom biex treddahom? F'dan ir-rigward, Claudette Buttigieg stqarret li hemm il-bżonn ta' kamra fejn mara tredda lil uliedha fil- kumdità u l-privatezza.. Fil-każ ta' tfal imfarfrin, it-tlett nisa li tkellmet magħhom il- gazzetta qablu li m'hemmx bżonn il-faċilitajiet kollha ta' Child Care iżda għandu jkun hemm kamra li tilqa' lil dawn iċ-ċkejkin fiha. Rosianne Cutajar qalet li nnutat kif hemm Ministri li kellhom iġibu t-tfal magħhom u jħalluhom ma' membru tal-istaff tagħhom iżda 'backbencher' ikun irid jagħmel l-istess ma jistax, għax staff m'għandux. Hawn staqsiet x'jiġri jekk in-nisa li jiġu eletti jkunu single mothers. L-aħħar punt li tqajjem mitt- tlett nisa rispettivament kien il-ħin li fih jsir il-Parlament. "Għamilna 'family hours' iżda dawn mill-4:00.p.m sa 6:00.p.m. Allura t-tfal mhux wara l-iskola tgawdihom? U l-mużew, u l-ballet u l-HW?," sostniet Rosianne Cutajar. It-tlett nisa qablu li dawk li kienu imsejħa 'family hours' mhumiex ħlief daħk fil-wiċċ. Dan għaliex filgħaxija huwa l-iktar ħin li tista' tgħid tqatta' mal-familja. "Ġieli ġew kollegi, ħbieb u irġiel, mhux biss nisa, jgħiduli li mhux qed iqattgħu ħin mat-tfal," żiedet tgħid Buttigieg. Huma ssuġerew li l-Parlament jibda' jiffunzjona fuq bażi full- time fis-sigħat tax-xogħol ta' filgħodu. Meta jiffunzjona b'dan il-mod, il-Parlament ikun qiegħed isir iktar attraenti għal nisa u irġiel bil-familja. Tajjeb li wieħed jiakar li dan is-sentiment mhux biss tkellmu fuqu it-tlett membri parlamentari li tkellmet magħhom il-gazzetta iżda ġie ssuġġerit saħansitra mill- Kunsill tal-Ewropa. F'Novembru tas-sena l-oħra dan kien talab biex jitwaqqaf Parlament fuq bażi full- time, "b'kapaċità suffiċjenti biex iwettaq il-funzjonijiet leġiżlattivi u ta' sorveljanza tiegħu kif suppost f 'soċjetà dejjem aktar kumplessa." 'Il-politika f 'Malta għandna timbru ikrah. Ħadd ma jrid jmiss ma' dan il-ħmieġ' Jekk isir dan kollu li s'issa isemma, tkun diġà qed tissolva l-ewwel uġigħ ta' ras, imma dak hu l-eħfef li tista' tirranġa. Il- pass li jmiss hija bidla fil-kultura Maltija u l-mentalità fis-soċjetà. X'jiġifieri? Mingħajr ma ġew mistoqsija mill-gazzetta, it-tliet nisa li tkellmet magħhom il-gazzetta, ammettew li mara fil-politika taqla' aktar kritika, tgħajjir, u tkun iktar suġġetta għal sterjotipi. Claudette Buttigieg irrakkontant kif kemm il-darba tipprova tkellem nisa biex tħajjarhom jingħaqdu fil-Parlament mal-partit. "Taf x'jgħidulek? Għalfejn?"qalet Buttigieg. Ejja għal sekonda ninsew li biex tidħol għal politika onesta, hemm sagrifiċċju finanzjarju kbir. Ma' dak is-sagrifiċċju, trid tinsa' wkoll il-karriera, bħal ma Buttigieg insiet il-karriera ta' xandara. Għaldaqstant Buttigieg irrimarkat ukoll li milli tinnota l-politika f 'Malta għandha timbru ikrah u "ħadd ma jrid jidħol f 'dan il-ħmieġ." Hawn fejn naslu għall-bidla fil-mentalità ukoll. Fost dawn l-iskandli kollha li għaddejna minnhom f 'dawn l-aħħar snin, indunajtu li Membru Parlamentari nisa qalgħu iktar tgħajjir minn Membru Parlamentari raġel, anke jekk ikunu involuti fi skandlu ferm iżgħar? "L-irġiel ukoll jkollhom minn dawn imma ma' mara jkun hemm ċertu ton ta' intimidazzjoni," tenniet Buttigieg mal-gazzetta ILLUM. Anke jekk ma tkunx implikata f 'xi allegazzjonijiet jew skandlu, faċilment wieħed jinnota li mara fil-politika li titkellem fuq materja politika, tispiċċa tiġi rredikolata fuq x'inhi liebsa, kif tidher u kif tkellmet - daqs tazza ilma. Fid-dawl ta' dan, kemm Kristy Debono u kemm Rosianne Cutajar ammettew li dejjem sabu appoġġ mill-kollegi tagħhom. "Qatt ma kelli Membri miż-żewġ naħat tal- Kamra li trattawni differenti għax jien mara. Dejjem kienu ġentili," stqarret Debono. Min-naħa l-oħra Buttigieg qalet li minkejja dejjem ġiet milqugħa mill-kollegi tagħha fi ħdan il-partit, ġieli kien hemm okkażjonijiet fejn membri tal- partit oppost trattawha differenti, iżda mhux għax hi mara, "iktar minħabba d-deċiżjonijiet li nieħu bħala Deputat Speaker." L-imbierek mekkaniżmu! Għaddiet il-liġi imma x'aħna nagħmlu biex ma nagħmlux użu minnha? Il-mekkaniżmu li bih jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tan-nisa tiżdied kien wieħed kontroversjali ħafna. Buttigieg fakkret li għalkemm il-liġi qegħda hemm, il-pajjiż jista' ma jagħmilx użu minnha jekk in-nisa jitilgħu minn jeddhom fil- Parlament. Claudette Buttigieg u Kristy Debono mal-ewwel qalu li huma kienu xettiċi tal-mekkaniżmu. Filwaqt li Rosianne Cutajar iċċarat li hi minn dejjem qalet li "l-kwota mhux se tkun is-soluzzjoni ta' kollox." Min-naħa tagħha Debono stqarret li skont hi l-problema mhux biex titla mara. Filwaqt li tirreferi għad-disa' distrett, minn fejn hi ġiet eletta, hija spjegat kif "wieħed minn kull tliet voti li ħa l-PN tawh lili, biex tara li jekk mara taħdem, titla'." Temmet tgħid pero' li ġieli ħasset li kellha taħdem iktar minn raġel biex tkisser l-isterjotip u tagħti prova li hi kapaċi. Claudette Buttigieg Rosianne Cutajar Kristy Debono

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 January 2022