Illum previous editions

ILLUM 30 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1446840

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 30 TA' JANNAR 2022 Carmel Bonnici Jesse James; Ħalliel u qattiel jew eroj? Persuna magħrufa sewwa fil-films, l-aktar f 'dawk Westerns ambjentati fis-snin ta' wara l-Gwerra Ċivili Amerikana, hi dik ta' Jesse James. Dan il-bniedem maħrub mill-liġi, kriminal u kap ta' gang li jisirqu l-banek, il- ferrovoiji, eċċ., kien jobgħoduh ħafna, pero' tant ieħor kienu jqisuh bħala eroj folkloristiku, tip ta' Robin Hood li jisraq lis-sinjuri biex jagħti lill-fqar u lill-batuti. Parti kbira mill-intriċċi ta' dan l-infami nsibu mdaħħal fihom ukoll lil ħuh, Frank. Jesse James li twieled bl-isem ta' Jesse Woodson James fil-5 ta' Settembru 1847 f 'Centerville, Missouri, miet nhar it-3 ta' April 1882, f 'St. Joseph ukoll fl-Istat ta' Missouri fl-eta' ta' 34 sena. Ħuh, Frank James fit-twelid tawh l-isem ta' Alexander Franklyn James nhar l-10 ta' Jannar 1843 f 'Centerville, Missouri u miet fil-15 ta' Frar 1915 f 'Kearney, Missouri fil-għomor ta' 72 sena. Dawn iż-żewġ kriminali, mfittxija mill- liġi kienu tnejn mill-aktar gwappi tal- Punent tal-Amerika, li ngaġġaw ruħhom f 'serq li kien tipikament juri l-periklu tal- fruntiera Amerikana tas-Seklu Dsatax, kif ġiet visibilment murija tant tajjeb f 'diversi Westerns uħud minnhom ta' livell għoli. Imrobbijin ġo razzett f 'Missouri, Frank wera s-simpatija ma' dawk tan-Nofsinhar li riedu jżommu l-iskjavi meta faqqgħet il-Gwerra Ċivili Amerikana fl-1861. Frank ingħaqad mal-gang ta' William C. Quantrill, guerillas li kienu jitterrorizzaw lil dawk li jissimpatizzaw ma' dawk tat-Tramuntana (li riedu jabolixxu l-iskjavitù). Fl-1958 kien ħareġ il-film Quantrill's Raiders fejn dan il-gang jippruvaw jattakkaw post fejn jinżammu ħażna ta' armi f 'Kansas. Hemm, Frank sar ħabib ma' Cole Younger, membru ferventi ta' dan il-gang ta' Confederates (suppost suldati tas-Sud), ukoll kriminal gwapp li dwaru inħaddmu wkoll xi Westerns, fosthom Bad Men Of Missouri (1941), The Younger Brothers (1949), Kansas Raiders (1950), Cole Younger Gunfighter (1958), American Outlaws (2001) u diversi oħrajn. Jesse imita lil ħuh u ngħaqad maċ- ċorma guerillas ta' Bill Anderson li laqqmuh "bloody". Meta spiċċat il-gwerra dawn iż-żewġ gangs ċedew, imma kien irraportat li Jesse James ġie ferut gravi minn tiri ta' xi suldati Federali (tan-Nord) meta beda jxejjer il-bandiera bajda li suppost dak il- ħin jinżamm il-paċi. Wara, Jesse u ħuh Frank, flimkien ma' tmien persuni oħra bdew il-karriera tagħhom ta' serqiet vjolenti f 'bank f 'Liberty, Missouri nhar it-13 ta' Frar 1866. F'dik l-istess sena Cole Younger ingħaqad magħhom flimkien ma' ħutu l-oħrajn li mxew warajh wieħed, wieħed fil-ftit snin ta' wara. Iċ-ċorma ta' Jesse serqu banek minn Iowa, Alabama sa Texas u anki bdew iwaqqfu ferroviji mis-sena 1873. Dawn il-ħallelin irrejdjaw ukoll imħażen, ħwienet u anki individwi. Matul il-karriera twila tagħhom, fejn serqu wkoll karozzelli (stagecoaches), l-intriċċi tagħhom saru wkoll magħrufa barra l-Istati Uniti. Hawn, il-kittieba malajr raw ix-xoqqa f 'moxtha biex jesaġeraw u anki jfaħħru dawn l-atti biex ibiegħu il-kotba tagħhom lill-qarrejja tal-Lvant dwar ħrejjef tal- Punent, ta' perikli u kuraġġ kbir. Għan-nies tal-muntanji Ozark ta' Missouri, lil Jesse kienu jqisuh bħala figura romantika li ta ruħu għall-ħajja kriminali minħabba li l-awtoritajiet qatt ma ħafrulu billi appoġġja lis-Sud fil- Gwerra Ċivili Amerikana. Però, Jesse u Frank attribwew din il- persekuzzjoni, li minħabba fiha telqu r-riedni, għall-ħajja ta' reati kontra l-poplu. Nhar is-7 ta' Settembru 1876 il- gang ta' Jesse kważi ġie eliminat meta ppruvaw jisirqu l-First National Bank ta' Northfield, Minnesota. Thomas T. Crittendon offra rigal ta' $10,000 għal min jaqbadhom jew joqtolhom. Jingħad li Crittendon wiegħed immunita' għall-qtil tal-aħwa James lil Robert Ford u lil ħuh Charles li kienu membri ta' dan il-grupp ġdid. Din l-immunita' ħadet il-forma ta' maħfra governattiva wara li Ford kien mixli bil-qtil ta' Jesse James u nqatgħetlu għall-mewt. F'dan l-avveniment Jesse kien jgħix f 'St. Joseph, Missouri, taħt il-psewdonimu ta' Thomas Howard. Hu li ma kellux armi fuqu kien fuq siġġu fid-dar tiegħu jirranġa kwadru mmejjel li fuqu kien hemm il-kliem "In God We Trust" miktubin bil-ħjata. Waqt li kien daharu lejh, Robert Ford sparalu u miet mill-ewwel. Fis-snin ta' wara lil Ford kienu jqisuh bħala "Ġuda" jew traditur infami l-aktar minħabba l-kanzunetta ta' Billy Gashade "The Ballad Of Jesse James" li fiha Gashade jirreferi għalih "a dirty little coward", li saret kanzunetta popolari folkloristika u tradizzjonali. Din il-kanzunetta, rrikordjata matul is- snin minn Vernon Dalhart, Pete Seeger u Bruce Springsteen, fost diversi oħrajn, probabilment kellha ħafna x'taqsam mat- tradizzjoni ta' Robin Hood Amerikan. Lil Robert Ford inniffsu sparalu Edward Capehart O'Kelley fi Creede, Colorado nhar it-8 ta' Ġunju 1892 li ħafna jqisuh il-vendikatur ta' Jesse James. Hu ġie kkundannat għomru l-ħabs għall- qtil ta' Ford u fl-1901 din is-sentenza ġiet mibdula mill-Gvernatur ta' Colorado, James Bradley Orman għall-risposta għall-maħfra totali minn żewġ avukati storbjużi. Ftit xhur wara l-mewt ta' ħuh, Frank ċeda. F'ġuri f 'Missouri sabuh mhux ħati ta' qtil, f 'ġuri ieħor f 'Alabama reġgħu sabuh mhux ħati ta' serq u f 'Missouri xlewh b'serqiet bl-armi, pero' reġa' nħeles. Issa liberu, rtira għall-ħajja kwieta fir- razzett tal-familja fejn miet fl-1915 fl- istess kamra li fiha twieled. Dwar Jesse James, ħuh u l-gang tiegħu nħadmu ħafna films. Fost dawn insibu – 1939 – Jesse James bl-attur Tyrone Power; 1946 – Badman's Territory bl-Lawrence Tierney fil-parti ewlenija; 1952 – Macdonald Carey kien Jesse f 'The Great Missouri Raid; 1953 - Kansas Raiders kellu lil Audie Murphy; Willard Parker bħala Jesse f 'The Great Jesse James Raid; 1956 – Robert Wagner ħadem f 'The True Story Of Jesse James (U.K. – The James Brothers); 1956 – Fighting Man Of The Plains b'Dale Robertson; 1972 – The Great Northfield Minnesota Raid b'Robert Duvall; 1980 – James Keach f 'The Long Riders; Colin Farrell fit-2001 kien f 'American Outlaws u fl-2007, Brad Pitt interpretah f 'The Assassination Of Jesse James By The Coward Robert Ford. Fost dawn kollha, l-aqwa 3 kienu: Jesse James b'Tyrone Power, dak tal-1980 The Long Riders u The Assassination Of Jesse James By The Coward Robert Ford tal-2007.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 January 2022