Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1446840
IL-ĦADD 30 TA' JANNAR 2022 • illum aħbarijiet Naqqsu l-paga lill-ħaddiema minħabba l-Covid-19 u ħallewhom hekk bla permess; Investigati 50 każ Bħalissa, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg għandu biss 20 permess attiv biex kumpanija jew negozju tkun tista' tbiddel il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema minħabba l-impatt tal-pandemija YENDRICK CIOFFI Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg investiga 49 każ ta' allegazzjonijiet marbuta ma' ksur tal-liġi tax-xogħol meta impjegaturi ġew akkużati li biddlu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal- ħaddiema tagħhom minkejja li ma kellhomx permess. Il-gazzetta ILLUM kisbet din l-informazzjoni mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li taħtu jaqa' d-Dipartiment tar- Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER). Dan wara li diversi ħaddiema tkellmu magħha dwar il-fatt li għadhom qed jirċievu paga inqas jew saħansitra qed jitħaddmu inqas sigħat, minkejja li fl-aħħar xhur u fil-ġimgħat tal-Milied, ix-xogħol żdied u n-negozju reġa' beda jieħu r-ruħ. Uħud mill-ħaddiema li tkellmu mal-ILLUM saħansitra qalu li ilhom minn April 2020 (meta ddaħħlu l-ewwel restrizzjonijiet minħabba l-pandemija) jirċievu inqas paga u oħrajn insistew li anke meta x-xogħol irkupra, baqgħu jitħaddmu inqas sigħat bil-għan li jitħallsu inqas. Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM tista' tikkonferma li minn meta faqqgħet il-pandemija, infetħu 49 każ relatat ma' allegazzjonijiet dwar ksur tal- liġi tax-xogħol, fejn ħaddiema kellhom il-kundizzjonijiet tax- xogħol tagħhom mibdula mingħajr il-kunsens tagħhom u mingħajr il-permess neċessarju mid- Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (ara aktar 'l isfel). 19-il każ għadhom qed jiġu investigati... Preżentament għad hemm 19-il każ li għadhom qed jiġu investigati. Dan ifisser li mid-49 każ, 29 ġew solvuti. Mistoqsi x'jiġri f 'każ li każ jinqata' favur il-ħaddiem u allura min iħaddem jinstab li qed jikser il-Liġi tax-Xogħol, il-Ministeru saħaq li mill-każijiet riżolti, saru diversi talbiet finanzjarji. Dan ifisser li l-ħaddiem ingħata l-ħlas li kien dovut lilu, matul il-perjodu kollu li fih kienu qed jinkisru l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Preżentament għad hemm każ wieħed pendenti li għadu quddiem il-Qorti. Bħalissa hemm biss 20 permess attiv...il-bqija qed jiskru l-liġi Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata wkoll li bħalissa hemm biss 20 permess attiv biex kumpanija jew negozju tkun tista' tbiddel il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Meta kumpanija tinvoka dan l-Artiklu 42 tal-Liġi tax-Xogħol, id-Dipartiment jinvestiga l-każ u jiżgura, l-ewwel u qabel kollox, li jkun hemm qbil bejn l-impjegati, ir-rappreżentanti tagħhom u min iħaddem biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu jistgħu jinbidlu għal żmien temporanju. Il-Ministeru fakkar kif fl- aħħar mill-aħħar, l-għan prinċipali ta' dan il-permess huwa biex il-ħaddiema ma jitilfux xogħolhom. F'każ li waqt l-investigazzjoni jinstab li dan ma jkunx minnu, jew is-sitwazzjoni tal- kumpanija jew in-negozju tkun inbiddlet u qalbet għall-aħjar, id-Dipartiment ma jagħtix jew ma jġeddidx dan il-permess biex jinbidlu l-kunduzzjonijiet tax-xogħol u anke jaċċerta li l-ħaddiema jkunu qed jiħallsu l-pagi dovuti skont il-liġi. Jekk il-permess ma jkunx imġedded u min iħaddem jibqa' jżomm lill-ħaddiema b'inqas kundizzjonijiet u ma jħallasx il- pagi dovuti, fost oħrajn, jibdew proċeduri kriminali fil-Qorti Kriminali. Il-permess ikun imġedded kull erba' ġimgħat Għalhekk, ta' min wieħed iżomm f 'moħħu li min iħaddem ma jistax jaqbad u jbiddel il- kundizzjonijiet tal-ħaddiema, inkluż il-paga jew anka s-sigħat tax-xogħol, hekk kif imniżżla fil-kuntratt tax-xogħol. Fil-fatt, kwalunkwe negozju jeħtieġ jitlob il-permess speċjali tad-Dipartiment għar- Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi qabel jbiddel il- kundizzjonijiet minħabba l-pandemija. Il-Ministeru fakkar li permess simili huwa validu biss għal erba' ġimgħat. Dan ifisser li jekk impjegatur applika u ngħata l-permess li jbiddel il-kundizzjonijiet tax- xogħol tal-ħaddiema, dan il- permess ried jiġi estiż qabel jiskadi biex jibqa' validu. X'kien qal mal-ILLUM il-Ministru għall-Finanzi? Rigward is-sitwazzjoni ta' ħaddiema li għadhom qed jaħdmu b'kundizzjonijiet inqas, minn dawk li kellhom qabel il- pandemija, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li qal li jirrikonoxxi li għad hemm setturi, inkluż dawk li jiddependu direttament mit- turiżmu u li għad għandhom sfida. Madanakollu saħaq li ma jagħmilx sens li jkun hemm min jilmenta li mhux isib biżżejjed ħaddiema u mbagħad, fl-istess ħin, ma jagħtix lill-impjegati tiegħu l-kundizzjonijiet li kellhom qabel il-pandemija. "Min jagħmel hekk, ikun qed jabbuża," insista l-Ministru Caruana. Dwar dan, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall- Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo u anke mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja li t-tnejn li huma saħqu li jekk hemm impjegaturi li għadhom iħaddmu lin-nies b'inqas kundizzjonijiet mingħajr il-permess tad-DIER, dawn qed jiksru l-liġi. Ħaddiema li huma ċerti li min iħaddihom qed jabbuża mis-sitwazzjoni, għax qed jibqa' jħaddimhom b'inqas kundizzjonijiet, inkluż b'inqas paga, jista' jagħmel rapport, anke b'mod anonimu mad- Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.