Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1459404
IL-ĦADD 13 TA' MARZU 2022 • illum aħbarijiet 'Kif jista' wieħed joħloq ġnien fil-Furjana waqt li jeqred spazju naturali mill-isbaħ bħal Wied Żnuber?' ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Grupp ta' għaqdiet non governattivi ressqu 'l quddiem disa' talbiet ambjentali ewlenin għall-Elezzjoni Ġenerali 2022: "Għall-Ambjent tagħna: Mill-kliem għall- Fatti". Tnejn minn dawn it-talbiet huma fuq l-oqsma importanti ħafna tal-Ħabitati u l-Bijodiversità u ż-Żoni tal-Baħar. Il-front ta' NGOs jemmen bis-sħiħ li fid-dawl tal-fatt li Malta hi pajjiż pjuttost żviluppat kif ukoll hija l-aktar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) li għandu bini, jeħtieġ li Malta tibda tindirizza immedjatament il-problema kbira ta' telf ta' ħabitat naturali u, konsegwenza ta' dan, it- telf tal-bijodiversità li tgħix fih. "Huwa diżappuntanti ħafna li tara liż- żewġ partiti politiċi l-kbar aljenati mill- fatt li l-impronta naturali qiegħda kulma jmur tiċkien u mill-ħtieġa li tiġi mħarsa. Li ninvestu €700 miljun f 'ġonna urbani m'għandu x'jaqsam xejn man-natura u l-bijodiversità. Anke jekk importanti, din hi purament infrastruttura ħadra li bl-ebda mod tiġġustifika l-qerda kontinwa tal- ħabitati naturali," sostnew fl-istqarrija dawn l-għaqdiet. "Kif jista' wieħed joħloq ġnien fil-Furjana waqt li jeqred spazju naturali mill-isbaħ bħal Wied Żnuber?" staqsew. Huma laqgħu l-proposta tal-PN li jiżdiedu z-Żoni Barra mill-Iżvilupp (ODZs) imma qalu li dawn ikunu kredibbli biss jekk magħhom ikun hemm impenn u sforz konkret biex inbiddlu l-policies tal-ippjanar tagħna, "li wħud minnhom joħolqu lakuni u jippermettu li jsir żvilupp f 'ODZs xorta waħda." Fakkru li l-bijodiversità hija kruċjali għall-benesseri tas-soċjetà tagħna u trid tiġi mħarsa b'mod olistiku. "Ngħidu dan għax b'xorti ħażina l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) m'għadhiex tipprovdi aktar għal-liġijiet tal-ħarsien tal-għasafar u l-infurzar tagħhom, u din ir-responsabbiltà tpoġġiet taħt entità separata li ħsiebha biex taġevola lill-għaqdiet tal-kaċċaturi u n-nassaba, aktar minn kull ħaġa oħra." L-għaqdiet sostnew li r-riżultat ta' dan hu sforz kontinwu biex jiġu mdgħajfa l-liġijiet li jħarsu l-ambjent naturali u t-tfittxija għal mezzi kif nidderogaw mid-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar. Dawn l-għaqdiet qalu li l-istaġuni tal- kaċċa fir-rebbiegħa u l-istaġuni tal-insib tal- għasafar imorru kontra d-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar u "jkun min ikun fil-Gvern, meta jasal l-aħħar ta' Marzu, se jkollu jiffaċċja l-Proċeduri ta' Ksur tal-Kummissjoni Ewropea fuq dawn il-kwistjonijiet kollha." Fakkru li l-akbar riżorsa naturali li għandna huma l-ibħra tagħna, iż-żoni marittimi. "Madanakollu jidher li m'hemm l-ebda pjan biex dawn is-siti ekoloġiċi ta' importanza kbira jiġu ġestiti kif xieraq u protetti waqt li tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom għall-benefiċċju ta' kulħadd." Għalhekk huma qalu li jixtiequ jaraw sforz konkret biex jiġu mħarsa z-Zoni Marittimi Protetti waqt li nħawi popolari għat-tbaħħir iridu jibdew jipprovdu rmiġġi li jkunu eco- friendly sabiex il-Posidonia tiġi mħarsa minn aktar degradazzjoni. Grupp ta' għaqdiet jesprimu diżappunt għall-proposti ambjentali taż-żewġ partiti politiċi • Iwaqqaf immedjatament il- kontinwazzjoni tal-qerda tal-impronta naturali • Jelimina lakuni fil-policies tal-ippjanar biex jiżgura li ODZs ma jintmessux • Joħloq u jara li jimplimenta l-pjani ta' ġestjoni tas-siti kollha Natura 2000 fuq l-art u fil-baħar b'attenzjoni partikolari lil Kemmuna • Joħloq żoni fejn il-kaċċa ma tkunx permessa f 'siti Natura 2000 • Iwaqqaf id-derogi mid-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar għaliex mhumiex ġustifikati u mhumiex sostenibbli • Joħloq Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta' Malta li jkun responsabbli għar-reati kollha relatati mal-ħabitat fuq l-art u filbaħar u l-bijodiversità, biex jiġu infurzati l-liġijiet li jħarsu n-natura • Iħares il-bijodiversità b'mod olistiku, inkluż l-għasafar, taħt awtorità waħda, fi kliem ieħor l-ERA • Joħloq aktar riservi naturali fejn il-bijodiversità tingħata prijorità • Iwaqqaf kull pjan għar-reklamazzjoni tal-art • Jibda kampanja biex jitnaqqsu l-iskart fil-baħar u l-ghost fishing • Joħloq irmiġġi eco-friendly • Jippjana strateġija nazzjonali b'saħħitha biex jiġu indirizzati speċi aljeni invażivi. Bħala eNGOs, ninsistu li l-bijodiversità jistħoqqilha tkun fil- pjani u l-viżjonijiet kollha li jiġu mfassla għall-futur tal-pajjiż X'qed jipproponu dawn li għandu jagħmel il- Gvern wara l-elezzjoni l-għaqdiet ambjentali?