Illum previous editions

ILLUM 17 April 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464864

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 23

17 Kotba illum • IL-ĦADD 17 TA' APRIL 2022 Mark Vella jintervista lil Glen Calleja, artist-ħaddiem 360°, li bejn il-produzzjoni tal-kotba artiġjanali, l-editjar u l-pubblikazzjoni, il-poeżija u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti varji, huwa parti mit-tmexxija tal-HELA, fondazzjoni għall-eċċellenza fl-arti letterarja, liema kwalità ma tasalx bil-paroli imma bis-saħħa ta' ħafna fatti ktieb, mill-kittieb u l-pubblikatur sal-illustratur, il-qarrej tal-provi u l-istampatur. Calleja jsemmi wkoll ħafna l-kunċett tal-editur, irwol li beda dieħel qajl qajl dan l-aħħar f 'Malta, iżda li għadu mhuwiex proprjament mestier. Hawnhekk, il-HELA wkoll daħlet għal xogħol bħal workshops dwar l-edizzjoni u l-editorija li jħarsu lejn dan l-aspett fundamentali tal-ħajja tal-ktieb u tax-xogħol letterarju. U minn hawn tibda tiem daqsxejn aktar il-kunċett tal- eċċellenza: kunċett li jdur ma' kull aspett tal-ktieb, fejn il-fondazzjoni tista' tgħid qed taħdem biex toħloq standards ta' prodott tajjeb li mhux bilfors inqisuhom dejjem. Anki ħwejjeġ kruċjali u bażiċi f 'kull industrija bħal kuntratti, kundizzjonijiet u ħlas xierqa għall-awturi, u l-għarfien tal-mekkaniżmi industrijali u kummerċjali. Lil hinn min dan, hemm ukoll l-istandards tal-mestier, l-ekosistema għal darb'oħra, fejn xogħol isir tajjeb u xieraq minnufih, u fejn il- konsumatur jieħu dak li għandu jedd għalih. Jew kif jispjegaha Glen tajjeb immens: mhux kwistjoni tikolx il-kavjar u l-awwista f 'ristorant lussuż inkella l-burger mill-gabbana fil-pjazza. Anki l-burger irid ikun eċċellenti! F'din il-kampanja favur l-eċċellenza (u naturalment kontra medjokrità li tixref f 'diversi forom), il-HELA għandha żewġ kampanji ewlenin, fost il-proġetti, bejn kbar u żgħar, ifaqqsu bla waqfien. Raħal il-Letteratura huwa proġett li jrodd lura lill-komunità li tilqa' l-organizzazzjoni, f 'dan il- każ ir-Rabat li qed igawdi minn rivista letterarja perjodika u għadd ta' attivitajiet, bħal mixjiet u żjajjar letterarji, u qari fl- iskejjel, fost l-oħrajn. Dan l-aħħar, imbagħad tnediet x'aktarx l-aktar biċċa xogħol rappreżentattiva tal- fondazzjoni: id-depożitorju tal- kittieba (www.helamalta.com), li huwa sit elettroniku li dejjem għaddej bħala xogħol u se jkompli jikber, fejn wieħed jista' jsib lista interattiva u eventwalment multimedjali tal-kittieba Maltin. L-għan ta' xogħol bħal dan, apparti milli jinkludi bijografiji, siltiet, u media diversi, huwa wkoll li joffri tieqa, lill-Malti u lill-barrani, fuq id-dinja mżewqa tal-kitba bil-Malti, u li tista' tappella sew lill-viżitatur kurjuż, imma anki lir-riċerkatur kif ukoll lill-interess barrani, anki dak kummerċjali. M'għandniex xi ngħidu, għad m'hemmx kull kittieb, u xi wħud l-assenza tagħhom hija lampanti. Calleja jispjegali li kallu bilfors tirfsu: hemm min se jkollu biżżejjed grazzja li ma jgħid xejn, u min se jilmenta u jieħu għalih. Imma lil hinn mill- polemiki individwali, il-kriterji ewlenin għall-inklużjoni f 'din il- verżjoni pilota tad-depożitorju kienu l-bilanċ bejn il-ġeneri, ir- rilevanza u l-impatt. Fuq din tal- aħħar, nieqfu mhux ħażin: impatt jiġifieri impenn, forsi anki kif xi kultant tiniehem jiġifieri kemm xejjirt bnadar, kemm żanżant armi mal-pavru, jew kemm tikteb posts magħġuba fuq il-midja soċjali? U minkejja li llum mhux liebes il-fardal tax-xogħol, bla ma jaf Calleja jissuġġerili t-titlu għal- lum. Irid jivvalorizza l-kittieba li jħammġu idejhom: kunċett tqil ieħor imma li jissuġġerixxi li jista' jkun hemm xogħol artistiku li jindirizza lill-istruttura, hijiex organizzattiva, morali, ta' klassijiet jew kategoriji. Essenzjalment, il-poter, fil-forom kollha tiegħu, jew almenu hekk niimha jien, fejn il-kittieb, anki jekk mhux neċessarjament iġorr id-dbabar friski taż-żejt fuq il-boiler suit, issibu fit-test bħala xi ħadd li xammar il-kmiem u ma ddejjaqx jidħol għal xogħol li, fil-kuntest tal-mestier tiegħu, għandu l-iskabrożità tiegħu. Ħsieb li jimmira kontinwament mhux biss lejn professjonalizzazzjoni neċessarja li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnha l-qarrej bħala konsumatur u li għandu jedd għall-kultura, iżda wkoll maturazzjoni tant meħtieġa fl-awturi stess, ewlenin u indispensabbli fir-rabtiet tagħhom mal-industrija; u dan sabiex il- kelma tassew tibda tgħodd, tikseb valur tanġibbli u li jħalli effett, u forsi, min jaf, il-ktieb ma jibqax biss għelm tal-vanità iżda wkoll artefatt li jixhed il-ħidma u l-involviment. Huwa l-ixprunar tal-ħsieb kritiku, anki fost dawk li, minħabba l-mestier tagħhom, jafu jilludu ruħhom li jsorru l-veritajiet, li għandu jseħħ, anki b'ħidmet b'fondazzjoni bħal HELA, biex il-kitba tibqa' aħda fittiexa ta' idjoma ġdida u li tibqa' tisfida sew is-sens komun, filwaqt li tkompli tittanta tnaqqax niċeċ ta' setgħa u ta' tifsir minkejja l-isfidi oġġettivi li tħabbat wiċċha magħhom.

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 April 2022