Illum previous editions

ILLUM 5 June 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469872

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 23

17 kotba illum • IL-ĦADD 5 TA' ĠUNJU 2022 Il-kotba jkellmu lil xulxin, u l-inkompletezza mċajpra tal-memorji toħloq narrattivi ġodda. Mark Vella ma jirnexxilux jieħu pawża mill-qari waqt is-safar, u t-testi u l-memorji, u anki Malta, jibqgħu jiġru warajh anki lil hinn minn xtutna. Malta fit-Tieni Gwerra, bħalama nafu, ma kinitx insinifikanti, kif jgħidulna sew il-ġeopolitika taż-żmien, sew il- miti li neċessarjament inbnew frott il-kunflitt dinji. Imma għal dik in-naħa ta' Sqallija, Malta mhux biss kienet importanti, imma misħuta, għax hemm preċiż kien fejn kienu jgħaddu jżuru l-ajruplani tal-Alleati li jkunu telqu minn Malta. Interessanti, anki għal studju eventwali, huwa l-idea tal- kunflitt fil-kuntest Malti-Sqalli: nagħtu każ, hemm jew kien hemm sa ftit ilu qawl, simili għall-'Malta yok' tat-Torok fi żmien l-Assedju, f 'ċertu naħat ta' Sqallija, 'comu truvari Malta a 'u scuru', għal meta jkun tant dlam li ma tista' tara xejn. Malta mitfija, kontra l-bombi tal- għadu, u r-Regia Aeronautica tbati biex isib dil-blata f 'nofs ta' baħar fejn tista' tbattal il-bombi tagħha. L-inġinier, insomma, kien ingħalaq f 'kamra fuq għolja fejn kien beda jibni sensiela ta' tajriet li ried ikollhom imdendla magħhom 50 gramma splussiv. Daħku bih tar-raħal meta qalilhom li l-intenzjoni tiegħu kienet li jużahom biex jibbumbardja 'l Malta: b'ħamsin gramma x'se tagħmel? Imma ħsiebu kien li jibni mijiet minnhom. L-istorja mbagħad ħadet triq oħra. Ftit ġimgħat ilu, ittrattajna l-memorja nazzjonali skont Charles Xuereb: analiżi, fi ftit kliem, tal-fatt li l-istorja mhijiex dak li ġara u daqshekk, imma interpretabbli sew fil-passat u anki b'ħarsa 'l quddiem lejn illum u għada. Għal żminijietna, taf tidher xi ħaġa ovvja u minn ewl id-dinja, fejn tista' tgħid kollox sar jgħaddi minn għeriebel interpretattivi differenti, mhux biss fil-każ tal-istorja u tal-arti, imma anki narrazzjonijiet aktar prozajċi bħall-aħbarijiet, fejn donnok taqta' qalbek issir taf x'ġara tassew, x'inhi l-verità. Għax forsi verità waħda m'hemmx, wara kollox. Jista' jkun ukoll l-istorja ma tintqal qatt tassew, u dak li jkun jibqa' jiskopri l-biċċiet 'l hawn u 'l hinn li jagħmluha misteru dejjiemi, fejn dejjem tkun se tasal għas-soluzzjoni imma titgerbeb fi żrara li ġġiegħlek tħares mod ieħor. Drabi oħra, hija d-dimensjoni umana li twassal għal dan: l-istorja, meta mneżżgħa mill- fatti kronoloġiċi għerja tad- dati u tal-ġrajjiet ewlenin, hija wara kollox magħmula mill- bnedmin u mill-istinti tagħhom, u hemmhekk żgur li l-bir tal- iskoperta jkompli jitfannad. Il-ktieb Għall-Ħolma ta' Ħajtu ta' Lawrence Mizzi jista' jinxtara mingħand m a l t a o n l i n e b o o k s h o p . c o m bħala ktieb rari, u l-ktieb Esercizi di memoria ta' Andrea Camilleri ssibuh mingħand Mallia & D'Amato Bookshop f 'Malta.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 June 2022