Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1469872
16 kotba IL-ĦADD 5 TA' ĠUNJU 2022 • illum It-taħdit tat-testi Qatt ma ħsibt kemm ir- reċensjoni tista' taħtaflek ħajtek, speċjalment waħda fil-ġimgħa, fejn tiġri wara l-qari, jew inkella jiġri warajk hu. Il-qari kważi kważi jsir xogħol, u kultant tistenna l-waqt li ssib dik il-felli ħin biex taqra dak li tassew tixtieq int. Hija, fil-fatt, l-ironija ta' xogħlijiet bħal dawn, simili għal tal-akkademiċi, li jaħdmu bil-pjaċir u d-delizzju l-kbir tagħhom, iżda ironikament jafu jispiċċaw ikollhom jerħu l-aħjar parti tiegħu għall-qari tax-xogħlijiet li fl-aħħar mill- aħħar iġibulhom ix-xogħol. Għalhekk, waqt vaganza kemxejn twila u mhux tas-soltu, ħadt il-libertà li nieħu pawża għal ġimagħtejn. Naqas il-qari, imma kotru l-laqgħat miegħu xorta waħda, u hekk reġa' ġie skopert id-delizzju, imqar tal-laqgħat ma' ismijiet u titli li ma kontx taf bihom, u li donnhom ikunu ilhom hemm qed jistennewk. Mawra Trapani qatt ma tkun kompluta jekk ma ngħaddix sal- Libreria del Corso, il-ħanut tal- ħabiba tiegħi Teresa Stefanetti fir-triq ewlenija tal-belt Sqallija: ħanut tal-kotba bħalma kellna xi darba Malta u nixxennaq għalih bħalissa. Tafuha l-istorja: dit- tgergira jaf inleħħinha ġimgħa iva u ġimgħa le. Teresa qarrejja klubija, u taf x'qed tbigħ, u kulma trid tagħmel huwa li ssaqsiha x'hemm ġdid li jgħodd għalik, u mbagħad tibda taħbat f 'xogħol ieħor li donnu jkun qed jistenniek. Dik il-kumbinazzjoni feliċi li l-Ingliż għandu kelma mill-isbaħ għaliha –serendipity– fejn donnu l-univers jallinja b'tali mod li tasal għall-pass li jmiss, li kellu jkun, mingħajr ma qatt bassartu jew ippjanajtu. Niltaqa' għalhekk ma' Andrea Camilleri, li l-editorija Taljana żżommu jferfer wara mewtu, mhux biss bix-xorti ta' Montalbano, iżda anki kitbiet oħra bħalma hu Ezercizi di Memoria (Rizzoli 2017), issa fit-tielet edizzjoni, fejn il-kittieb ċelebri, li fl-aħħar snin ta' ħajtu kien għama għal kollox, jiddetta l-memorji tiegħu, f 'dak li hu jgħid huwa wkoll eżerċizzju tat-tifkir. Il-ktieb għandu wkoll għadd ta' disinni minn artisti magħrufa li ġew deskritti bil-pinna u bil- klamar biex Camilleri jkun jista' jimmaġinahom minn wara d-dlam ta' għajnejh. U bħalma jiġri meta sens minnhom ikun intilef, l-oħrajn donnhom iqumu biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas: l-għama ta' Camilleri mhux neċessarjament affettwa l-memorja, imma l-iddettar 'furzat' fin-nuqqas tal- kitba fiżika donnu serva biex it- tifkira tingħata b'mod aktar akut u preċiż. U allura, jien u nqalleb qabel xtrajtu, nara l-isem ta' Borg Pisani f 'wieħed mit-titli. B'xi mod jew ieħor, dan il-ktieb għandu diversi laqgħat ma' nies magħrufa, jew inkella, jekk mhux laqgħat diretti, laqgħat bi żbrixx. Bħal meta Camilleri ma' sħabu għamel kampanja, sew fi żmien il-Faxxiżmu sew wara l-waqgħa tiegħu, biex il-fdalijiet ta' Pirandello jinġiebu lura skont l-aħħar xewqat tal-awtur; jew inkella kif kellu jiltaqa' mal- mafjuż notorju Luciano Liggio, iżda baqa' bir-riħa. Fil-każ ta' Borg Pisani, Camilleri tifel jiltaqa' miegħu mistieden għall- ikel id-dar ta' familtu, taħt isem ieħor u nervuż għall-aħħar, għax fil-fatt kien se jitlaq fi ftit sigħat oħra għall-ispedizzjoni traġika tiegħu lejn Malta. Il-bqija tal- istorja tista' tgħid jafha kif nafuha aħna U hawnhekk il-kotba jibdew ikellmu lil xulxin. Ftakart f 'xogħol li kien laqatni ħafna ta' Laurence Mizzi Għall- Ħolma ta' Ħajtu (1983), fejn l-inizjalment storiku jittanta bi prudenza, u x'aktarx imnebbaħ mill-empatija għas-suġġett, jidħol narattivament, jew b'mod kważi rumanzesk, fil-ħajja tal- protagonista. Kotba u awturi oħra li ġew reċensiti hawnhekk ippruvawha din ukoll, bħal fil- każ ta' Paul P. Borg, Daniel Massa b'suċċess dwar Peter Serracino Inglott, imsaħħaħ sew mill- konoxxenza personali imma wkoll mill-ħila rumanziera, u Mark Montebello dwar Mintoff fejn kien kapaċi jelabora fuq il- memorji tas-suġġett u x-xhieda kotrana dwaru. Montebello kien ippruvaha din anki fil-każ ta' Manwel Dimech, bħalama jagħmel ukoll Francis Galea għal Juann Mamo, imma forsi dawn iż-żewġ eżempji kienu ta' inqas suċċess, u jixhdu d-diffikultà tat-traduzzjoni tas-simpatija u l-empatija mas-suġġett studjat, fejn iseħħ tentattiv biex isem iffossilizzat mill-istorja jerġa' jingħata ħajja tad-demm u l-laħam mill-ġdid. Lura għal Camilleri, Malta terġa' tissemma, fi ġrajja oħra dwar inġinier eċċentriku f 'Porto Empodocle, fejn twieled u trabba' l-awtur. Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb