Illum previous editions

ILLUM 19 June 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471184

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 23

14 illum • IL-ĦADD 19 TA' ĠUNJU 2022 festi Enċiklopedija tal-Festa Maltija: Il-gazzetta ILLUM tkompli b'sensiela ta' artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta' barra u n-nar. Dak tal-lum huwa l-aħħar wieħed dwar l-armar fil-knejjes Il-Mazza u l-Kapitlu Kieku kellna nistaqsu liż- żgħażagħ xi tfisser il-mazza, żgur li mhux se jgħidulna li hija dik li tinġarr quddiem il-kanonċi. Jekk fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ, il-mazza tfisser xi persuna sabiħa ħafna, fil-knejjes tagħna (u mhux biss) għandha tifsira kompletament differenti. Il-mazza mhux se ssibha armata jew tintuża fil-knejjes kollha. Se ssibha biss f 'dawk il- knejjes li għandhom id-dinjità ta' Kolleġġjata. Jekk wieħed iħares lejn l-etimoloġija tal-kelma Kolleġġjata, jinduna li din tfisser għaqda (kolleġġjalità). Fil-fatt, f 'Kolleġġjata jkun hemm grupp ta' qassisin. Dawn il-qassisin f 'din l-għaqda jissejħu kanonċi u flimkien jifformaw il- kapitlu. Il-kanonċi jintagħrfu mill- ilbies tagħhom. Apparti s-suttana, dawn ikunu liebsa r-rukkett (bħal spelizza bil-bizzilla), il-muzzetta (bħal kappa żgħira roża bil- buttuni), ir-rużetta (ċurkett) is-salib (li jkun iddekorat differenti skont il-Kolleġġjata) u l-berettin (li dari kien jintlibes mill-qassisin kollha). Dan kollu jissejjaħ ilbies korali. Jintagħrfu wkoll għax jimxu wara l-mazzier. Il-mazzier jakkumpanja lill-Kapitlu kemm waqt il- funzjonijiet fil-knisja u anke waqt il-purċissjonijiet. Huwa jżomm fuq spallejh il-mazza, li hija dik l-insinji li tirrappreżenta l-kapitlu. Fil-Parlament Ingliż, pereżempju, għadna naraw il-mazza, bil-kuruna fuqha, li tirrappreżenta lir-Re jew ir-Reġina. L-istess tagħmel il-mazza fil-Kolleġġjata. Il-mazza tinżamm minn lasta ħoxna u fuq nett tkun iddekorata, x'aktarx bix-xbieha tal-patrun jew il-patruna li għaliha tkun iddedikata l-knisja. Il-mazza tkun tal-fidda. Fil-funerali, jew inkella fil-Ġimgħa l-Kbira, bħala sinjal ta' luttu, il-mazza tinżamm fuq l-idejn u mhux fl- ispalla. Il-mazza ġeneralment titpoġġa maġenb l-artal maġġur, biswit is-sedili tal-kor (il-parti ta' wara l-artal) fejn il-kanonċi jpoġġu waqt il-mumenti komuni ta' talb. YENDRICK CIOFFI Il-mazzier miexi bil-mazza fuq spalltu quddiem il-Kapitlu Senglean Il-Virga u l-Kantur Anke jekk il-qassisin li jkunu membri tal- kapitlu kollha kemm huma jissejħu kanonċi, dawn kollha jkollhom dinjità u magħha jkun hemm marbuta uffiċċju (responsbabilità) partikolari. L-ogħla grad ivarja. F'xi kolleġġjati, l-ogħla grad huwa dak tal-Kanonku Arċipriet iżda f 'Birkikara, il-Prepostu għandu l-ogħla dinjità. Fost oħrajn, ikun hemm ukoll il- kanonku Teżorier, il-kanonku Teologu, il- kanoku Penitenzier (jieħu ħsieb il-Qrar) u anke l-kanonku Kantur, jiġifieri dak li jmexxi l-kant. Jekk is-surmast tal-orkestra jżomm f 'idu l-bakketta, il-kanonku Kantur jintagħraf għax iżomm fuq spallejh il-virga, bħal qasba żgħira. Fit-tarf tagħha jkun hemm jew boċċa, li permezz tagħha kien juri n-noti minn fuq libruni kbar tal-mużika li kienu jitpoġġew f 'leġiju kbir fin- nofs tal-kor (wara l-artal), xbieha tal-patrun/a jew l-arma tal-Kolleġġjata. Il-kantur narawh iġorr il-virga waqt il-purċissjoniijet u anke waqt il-funzjonijiet fil-knisja, meta jmur quddiem iċ-Ċelebrant u jintonalu minn taħt l-ilsien xi vers partikolari, bħal pereżempju l-Glorja. Iċ-Ċelebrant imbagħad jirrepeti b'vuċi għolja l-vers li jkun intonalu l-Kantur. Bħal mazza, il- virga tintrama wkoll mas-sedili fil-Kor, viċin il- post fejn ipoġġi l-kanonku Kantur. F'xi knejjes tar-reliġjużi, jiġifieri fi knisja tal-patrijiet li jappertjenu għal xi ordni reliġjuż, ukoll issib il- virga u l-funzjoni tagħha hija l-istess. Il-Missall u l-Leġiju Fuq il-gradenzina, iżda mhux biss, ikun hemm ukoll il-messall. Il-messall huwa dak il- ktieb oħxon li juża s-saċerdot waqt il-quddiesa u li fih ikun hemm miġbur it-talb kollu tal- Quddiesa. Jekk matul is-sena, il-messall ikun sempliċi ktieb b'qoxra ħoxna, fil-festa dan jinbidel għal wieħed b'qoxra tal-fidda. X'aktarx li fuq din il-qoxra jkun hemm disinn u saħansitra anke armi jew inkella xbieha ta' xi qaddis jew qaddisa li għalihom il-knisja jew inkella l-artal partikolari jkun iddedikat. Fil- fatt, x'aktarx li knisja se jkollha aktar minn messall wieħed tal- fidda. Ġaladarba, qabel il-Konċilju Vatikan II, kien isir ħafna quddies anke fuq l-artali laterali (għax ma kinux isiru konċelebrazzjonijiet), kull artal kien ikollu t-tagħmir u l-armar tiegħu, inkluż il-messall. Fil-ġranet tal-festa, diversi knejjes għadhom jarmaw dawn il-messalli jew fuq il-gradenzina jew fuq l-artali nfushom, fis- sagristija jew inkella fin-niċċa tal-vara biex ma tibqax vojta. Miġbura flimkien, dawn il- messalli, jkun fihom spetakklu. Il-leġiju mbagħad huwa dak l-apparat li fuqu jitpoġġa l-messall biex is-saċerdot ikun jista' jaqra b'aktar kumdità. Hemm leġiji tal-injam iżda hemm oħrajn tal-fidda, ewlenin fosthom dawk li wieħed isib fis- Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Il-mibki Kanonku John Ciarlò iżomm il-virga tal- Kapitlu tal-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta Messall tal-fidda tal-Kolleġġjata ta' San Pawl tal-Belt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 June 2022