Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471698
Funded by the European Union Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta. 08 aħbarijiet IL-ĦADD 26 TA' ĠUNJU 2022 • illum 'Irranġaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema imbagħad tkunu tistgħu tesportaw lejn l-Ewropa' Il-Parlament Ewropew b'riżoluzzjoni li fiha jappella biex kumpaniji u fornituri ma jkunux jistgħu jesportaw lejn l-UE jekk ikun hemm suspett li l-ħaddiema tagħhom jinsabu f'impjieg sfurzat... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-Parlament Ewropew se jkun qed jagħfas dejjem aktar kontra l-abbuż, l-iskjavitù u t-tħaddim ta' nies kontra l-liġi, anke jekk dan ikun qed isir barra mill- Unjoni Ewropea. F'riżoluzzjoni li ġiet approvata dan ix-xahar stess il-Parlament Ewropew tratta x-xogħol sfurzat (forced labour) u qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tassigura illi toħloq mekkaniżmu li permezz tiegħu kumpaniji li jkunu suspettati illi qed iħaddmu lin-nies b'mod sfurzat ikunu jridu jirranġaw is-sitwazzjoni tagħhom qabel ikunu jistgħu jesportaw il- prodotti tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt il-Parlament qed jisħaq li l-Unjoni Ewropea jibda jkollha d-dritt li twaqqaf prodotti deħlin fi stat membru jekk l-awtoritajiet ikollhom suspett li magħmulin minn ħaddiema impjegati b'mod sfurzat. Fil- fatt il-Parlament Ewropew qed jisħaq li prodotti li ġejjin minn postijiet tax-xogħol fejn hemm abbuż fuq il-ħaddiema għandhom ikunu ipprojbiti. Dan apparti li qed jisħqu wkoll li taħt qafas ewropew ġdid - l-awtoritajiet lokali, bl- inizzjattiva tagħhom stess, għandhom iżommu f 'detenzjoni kull oġġetti fil-fruntiera ewropea jekk għandhom provi biżżejjed li dawn kienu magħmulin jew inkella trasportati b'xogħol sfurzat. Is-sid tal-kumpanija għandu jagħti provi li s-suspett fondat tal-awtoritajiet mhuwiex minnu u jkun hekk biss li l-prodotti jkunu jistgħu jitħallew jidħlu fl- Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew qed jisħaq ukoll illi kumpaniji jistgħu jiġu mistoqsija sabiex jagħtu informazzjoni "rilevanti" li tikkonċerna is-sussidjarji, il- fornituri, kuntratturi u sħab fin-negozju fil-katina kollha tal-forniment. Għalhekk il- Parlament qed jistieden lill- Kummissjoni sabiex toħloq linji gwida biex b'hekk kumpaniji kbar ikunu assistiti fi proċess li permezz tiegħu jkunu jafu x'inhi l-katina kollha ta' forniment. Apparti minn hekk iżda l-Parlament Ewropew qed jappella sabiex tinħoloq lista ta' entitajiet, reġjuni u prodotti li fuqhom jkun hemm sanzjonijiet ta' dan it-tip. Fil-fatt l-istess Parlament qed jisħaq li għandu jinħoloq database li fih jkun hemm fornituri individwali u l-periklu jew riskju li dawn joħolqu f 'termini ta' xogħol diċenti. Miljuni f 'impjieg sfurzat madwar id-dinja... Il-Parlament Ewropew ifakkar li skont il-konvenzjoni tal- Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), xogħol sfruzat huwa ddefinit bħala kwalunkwe impjieg jew servizz li jsir taħt theddida ta' multa u f 'liema każ persuna ma tkunx qed tagħmel ix-xogħol b'mod volontarju. L-ILO tuża 11-il indikatur sabiex tiddefinixxi xogħol sfurzat li huma: 1) abbuż tal- vulnerabbilità ta' ħaddiema, 2) ingann, 3) restrizzjoni fil- moviment tal-ħaddiema, 4) iżolament, 5) vjolenza fiżika u sesswali, 6) intimidazzjoni u thedid, 7) iż-żamma ta' dokumenti ta' identità - primarjament il-passasport - 8) iż-żamma tal-ħlas jew pagi, 9) kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' ħajja ħżiena, 10) overtime eċċessiv u 11) l-użu tad-dejn biex titħaddem persuna. B'kollox l-ILO tistma' li hawn 25 miljun persuna li jinsabu f 'impjieg sfurzat, li minnhom il- maġġoranza il-kbira jew kważi 21 miljun jinsabu f 'impjieg sfurzat minn kumpanija privata, filwaqt li 4.1 miljun jinsabu f 'impjieg sfurzat impost mill-istat. Ir-riżoluzzjoni tfakkar illi n-nisa jiffurmaw xejn inqas minn 61% tal-persuni f 'din is- sitwazzjoni, b'nisa immigranti jkunu l-aktar vulnerabbli. L-istess ILO tistma' - b'mod xokkanti - illi xejn inqas minn 160 miljun tifel u tifla kienu qed jagħmlu xogħol sfurzat, b'nofs dawn ikunu vittmi tal-agħar tip ta' xogħol sfurzat, f 'ambjent perikoluż għalihom. 'Jekk l-impjieg prekarju huwa l-unika alternattiva għall-ġuħ jiġi forma ta' xogħol sfurzat' L-MEP Claire Daly mill-Partit The Left qalet illi qatt mhu ser issib lil ħadd li se jgħid illi huwa favur ix-xogħol sfurzat, imma minkejja dan "din ir-realtà qegħda kullimkien. Għaliex?" Hija qalet illi filwaqt li hawn realtà tal-agħar tip ta' abbuż, bħat-traffikar, hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-linja bejn il-legalità u l-abbuż mhuwiex daqstant ċar. "Il-konsegwenzi tal-kapitaliżmu qed iħallu ħafna nies bla ebda għażla ħlief li jsibu impjieg b'kundizzjonijiet ħżiena ħafna." Daly qalet li anke dan huwa forma ta' xogħol sfurzat, jekk l-alternattiva għal impjieg prekarju huwa l-ġuħ. "Hija responsabilità tagħna li nitrattaw din il-kwistjoni b'mod adegwat," temmet tisħaq Daly.