Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471698
20 opinjoni IL-ĦADD 26 TA' ĠUNJU 2022 • illum Vjaġġ lura għall-ħajja N har it-Tlieta 21 ta' Ġun- ju, smajna bl-istorja ta' Andrea Prudente, mara tqila fl-isptar ta' Mater Dei, imbeżża' li ser tmut. Din it-turista Amerikana ġiet Malta għal vaganza iżda bdiet tkorri. It-tobba stqarrew li minkejja li qalb il-fetu għadha qed tħabbat ma fadallux ċans ta' ħajja. Andrea Prudente u Jay Weeldreyer ħadu d-deċiżjoni iebsa li jwaqqfu t-tqala, iżda f 'kuntest ta' fetu b'qalb tħabbat il-liġijiet antikwati ta' Malta ma jippermettux li t-tobba jieħdu azzjoni. Dan minkejja li f 'sitwazzjonijiet bħal dawn, ir-riskju serju li jinqalgħu kumplikazzjonijiet mediċi huwa kbir, b'konsegwenzi ħorox fuq il-mara. Iżda qabel ma l-mara tkun f 'riskju imminenti li tmut, it-tobba ma jistgħux jabortu t-tqala. Andrea Prudente u Jay Weeldreyer issa sejrin għall-għajnuna Spanja. Fi żmien tant kiefer u fejn jeħtieġu - partikolarment Andrea Prudente - kull għajnuna medika possibbli, ser ikollhom jitilgħu fuq ajruplan u jivvjaġġaw fit-tul. Malta tibqa' pajjiż b'wieħed mill-aktar liġijiet stretti tal-abort fid-dinja. Dan apparti n-nuqqas ta' servizzi tal-ippjanar tal-familja u l-kontraċezzjoni b'xejn. Il-każ ta' Andrea Prudente mhuwiex każ iżolat. Ħafna nisa bdew jagħmlu l-kuraġġ u jistqarru li ġralhom l-istess. Ħarġet pereżempju l-istorja ta' mara Maltija li damet sitt ġimgħat fil-kundizzjoni ferm prekarja ta' Andrea Prudente. Dawn huma r-riperkussjonijiet tal-istat attwali tal-liġi Maltija fuq l-abort. Attwalment Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropeja fejn l-abort ma jista' jseħħ taħt l-ebda ċirkustanza. Madanakollu madwar 400 mara Maltija jagħmlu abort kull sena billi jsiefru jew billi jordnaw pirmli minn barra. Dan ifisser li minkejja li l-abort mhuwiex legali, Malta għandha l-istess rata medja ta' abort tal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Huwa ċar għalhekk li l-projbizzjoni tal-abort mhijiex qegħda twaqqfu milli jseħħ. Il-liġi Maltija qiegħda tpoġġi prezz għali fuq l-abort għal min ma jistax iħallas għas-safar u qiegħda twaqqaf lin-nisa li jeħtieġu l-abort milli jirċievu l-għajnuna medika li ħaqqhom f 'pajjiżhom. L-abort ma jseħħx mingħajr raġuni. Huwa proċess li jista jkun ta' uġigħ u trawma, speċjalment minħabba it-tabù madwar is- suġġett. Għal nies bi tqala mhux vijabbli, bħal ta' Andrea Prudente, l-abort jista' jsalva ħajjet il-mara u jgħin lilha u lil familtha jiffaċċjaw it- trawma f 'ambjent li jista' joffrilhom il-kura olistika meħtieġa. Lil hinn mill-każ ta' Andrea Prudente, jeżistu ħafna u ħafna nisa oħra, li minħabba s-saħħa fiżika jew mentali tagħhom, ma jistgħux jgħaddu minn tqala. Oħrajn m'għandhomx l-appoġġ u l-finanzi meħtieġa. Il-pubblikazzjoni 'Dear Decision Makers' tlaqqgħana pereżempju ma' nisa li tefgħu ħajjithom f 'periklu kbir biex iwaqqfu kull ċans ta' tqala - mara ħarġet dawra bir-rota f 'toroq kollha ħofor biex tweġġa', oħra xorbot ammonti kbar u oħra ħadet overdose ta' pilloli li jikkontrollaw it-tqala. Lil dawn in-nisa ħafna jgħidulhom, 'imiskom ittuh għall-adozzjoni'. Tajjeb insemmu madanakollu li f 'dawn l-aħħar għaxar snin, l-ammont ta' tfal Maltin li ġew adottati f 'pajjiżna huwa 27. U l-ammont ta' tfal f 'Malta li ġew adottati minn barra tul dawn l-aħħar snin huwa 234. Meta tqabbel dan in-numru mal- ammont ta' nisa f 'Malta li jagħmlu abort kull sena tinduna li hemm diskrepanza kbira fin-numri. Naturalment, hemm ukoll problemi kbar bl-idea li n-nisa imisshom jgħaddu minn tqala, iwelldu, u imbagħad jabbandunaw il-persuna li jkunu weldu. Fit-22 ta' Ġunju, waqt dimostrazzjoni quddiem il- Parlament biex nesprimu r-rabja tagħna dwar il-każ ta' Andrea Prudente, ġiet mara fuqna u qaltilna li iktar minn 50 sena ilu għamlet abort. Kienet ixxukkjata kif l-abort f 'Malta għadu illegali u li l-ligijiet attwali tal-abort huma l-istess liġijiet li kellna fis-seklu dsatax. Jiena kelli tnax-il sena meta smajt bl-abort. Niakarni nara filmati ta' nies fl-Istati Uniti jwerżqu u jgħajru lin-nisa huma u deħlin fil-kliniċi tal-ippjanar tal-familja u saħansitra jippruvaw iweġġgħuhom. Mill- ewwel intbaħt bl-ironija li dawn in-nies iriduha ta' 'favur il-ħajja'. Kont xortija tajba biżżejjed li qatt ma wrewni filmati trawmatizzanti biex ibeżżgħuni u jgħiduli li ser immur l-infern jekk qatt nagħmel abort. Hija sfortuna kbira li kelli nitgħallem fuq l-abort waħdi għax dan is-suġġett tabù qatt m'għallmuni fuqu l-iskola. Imma ma hemmx għalfejn nibqgħu f 'dan l-istat. Barra minn xtutna jeżistu modi ferm aktar siguri ta' kif persuna tista' ttemm it-tqala tagħha. It-tobba jistgħu jagħtu mediċina li twaqqaf it-tqala mingħajr riskju ta' ħabs jew riskji għal min joħodhom, u l-pazjenti jistgħu jserrħu moħħhom li ħa jkollhom aċċess għall-kura mingħajr ġudizzji fil-każ rari tal- kumplikazzjoniijiet. Ukoll, min ikollu bżonn abort ma jkollux għalfejn jaħbi għax jibża mill-liġijiet drakonjani. Ejja nkomplu nirriflettu fuqhom dawn il-mezzi. Ejja niħu d-djalogu fuq l-abort fl-iskejjel u l-pjattaformi edukattivi u medjatiċi kollha. Ejja nirrispettaw li dan id-djalogu diffiċli għandna bżonnu. U ejja naħdmu favur il-ħarsien ta' ħajjet in-nisa dejjem. Jekk għandek bżonn informazzjoni imparzjali fuq l-abort u kif taċċessah, ikkuntattja lill- FPAS (Family Planning Advisory Service) fuq 2778 0037 jew żur is-sit elettroniku tagħhom. Claria Cutajar hija membru tal-Moviment Graffitti Claria Cutajar