Illum previous editions

ILLUM 26 June 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471698

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 23

11 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 26 TA' LULJU 2022 "Il-mument li tidħol il-Qorti diġà maqtugħa kontrik, jekk tkun raġel" Li noħolqu kuxjenza hija prokrastinazzjoni? Il-kultura Maltija qed toħloq pressjoni fuq koppji separati u t-trobbija tat-tfal? Għaliex għandu jkun hemm trobbija kondiviża? L-ILLUM titkellem ma' Reuben Zammit minn Flimkien Missirijiet Inqumu ANTHEA CACHIA Separazzjonijiet, divorzji jew tmiem ta' relazzjonijiet intimi ma huma faċli xejn - kemm mill-aspett finanzjarju u anke emozzjonali - wisq inqas meta jkun hemm l-involviment tal- ulied. Minkejja li s-sikkina taqta' miż-żewġ naħat, ħafna missirijiet jinsabu bi qtigħ ta' qalb għaliex jemmnu li s-sistema ġudizzjarja hija kontrihom b'mod partikolari fil-każ tal- aċċess tal-ulied. Għaldaqstant il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Reuben Zammit, Segretarju Ġenerali ta' Flimkien Missirijiet Inqumu (FMI). Din l-Għaqda mhux Governattiva (NGO) twaqfet bil-għan li tiġġieled "ideoloġiji sessisti" u l-"preġudizzju", żewġ fatturi li l-NGO tisħaq li jxekklu lill-Qrati Maltin. Zammit saħaq li llum il-ġurnata b'liġijiet li jirriflettu s-soċjetà tal-passat, il-Qorti Maltija u l-liġijiet - speċjalment dawk li jitrattaw il-manteniment u l-aċċess għall-ulied - għandhom bżonn jiġu aġġornati. Dan bil-għan li tonqos l-aspettattiva ta' ħafna missirijiet Maltin, li "jekk tkun raġel, il- mument li tidħol il-Qorti diġà tkun maqtugħa kontrik". 'Il-kelma kuxjenza tbeżżgħani' Bħala parti mill-moviment favur Qrati aktar ugwali, FMI qajmet id-diskussjoni u dan permezz ta' numru ta' avvenimenti, inkluż l-aktar riċenti it żmien ilu, fil-Belt Valletta. F'dimostrazzjoni quddiem il-Qorti, l-għaqda nediet kollezzjoni ta' każijiet ta' rakkonti "minn missirijiet eżasperati li xebgħu" kif ukoll serje ta' proposti oħra. "Din għamilniha biex ikun hemm aktar ċaqliqa. Il-kelma "għarfien" saret tbeżżgħani għax saret skuża għall-prokrastinazzjoni biss. Waqt il-kampanja elettorali tkellimna ma' ħafna politiċi u dejjem kienu jaqgħu fuq l-iskuża tal-għarfien. L-għarfien fuq din il-kwistjoni ilha, iżda minħabba ċertu ideoloġiji l-vuċi tagħna ma kinitx tkun effettiva biżżejjed," qal Zammit. Jemmen li l-Qrati, sfortunatament, huma konservattivi u għalhekk tinħoloq perċezzjoni qawwija li xi relazzjonijiet, awtomatikament, huma superjuri minn oħrajn. Huwa kompla jgħid li b'riżultat ta' dan tinħoloq distinzjoni bejn ir-relazzjoni li jkollha omm ma' uliedha u r-relazzjoni li jkollu l-missier ma' uliedu. "Aħna nemmnu li kollox jiġi mill-ġenituri u l-abilità tagħhom li joħolqu konnessjoni ma' uliedhom u fuq kollox kemm jinvestu ħin mat-tfal minn ta' età żgħira," kompla jispjega Zammit. Dan filwaqt li saħaq li minn riċerka li sabet l-NGO, l-unika differenza ibbażata fuq il-ġeneru, li tolqot lill-ulied hi l-produzzjoni tal-ħalib tas-sider, "fil-fatt ma huwiex rakkomandat li jkun hemm trobbija kondiviża għal trabi ta' inqas minn sena." 'Tikkonformawx mal-aspettattivi tal-ġeneru!' Zammit stqarr li l-kultura Maltija titfa' l-piż tal-karriera fuq l-irġiel u l-piż ta' trobbija tal-familja fuq il-mara. Fuq hekk Zammit qal li parti mill- irwol tagħhom bħala għaqda hija li jinkoraġixxu missirijiet, lil hinn mill-istat ċivili tagħhom, biex jaħsbu dejjem f 'uliedhom u ma jikkonformawx mal- aspettattivi tal-ġeneru, jitgħallmu jibbilanċjaw il-ħajja u jqattgħu l-ħin mal-ulied bħalma suppost jagħmlu l-ġenituri, lil hinn mill- ġeneru. "Madankollu meta tidħol il- Qorti - għax tkun raġel - jassumu l-kontra mingħajr ma jkollok iċ- ċans li turi li ma intix hekk, mentri dan ma jkunx il-każ," kompla jgħid Zammit. Qal li bħala NGO raw każi ta' ulied li trabbew mal- missirijiet anke tul il-perjodu ta' separazzjoni u l-mument li daħlu l-Qorti, "bl-intervent tagħha (bħal pereżempju separazzjoni legali), minkejja li jkun inxteħet dubju fuq it-trobbija tal-omm, jinħareġ digriet biex l-ulied joqgħodu fil- maġġoranza tal-ħin magħha u l-missier ikollu l-aċċess għal xi ġranet biss. Nissuspettaw li dawn l-Imħallfin bilkemm iħarsu lejn il- bidu tal-proċess tas-separazzjoni." 'Jew jinforza d-dritt u jidher li qed jimpika jew iċedi kollox' Zammit stqarr li xi drabi, biex missier jeżerċità d-dritt li jkun involut fid- deċiżjonijiet bażiċi li jolqtu l-ħajja tat-tfal, "wieħed ikollu r-riskju li jidher pikuż, mentri fil- verità jkun jixtieq li d-deċiżjonijiet jittieħdu miż-żewġ ġenituri." "Ġieli smajna b'każijiet li l-ommijiet stess jheddu lill- missirijiet għax jemmnu li l-Qorti xorta se tagħtihom r-raġun. Allura se tikber dik l-arroganza li ċertu deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr ċertu konsiderazzjoni. B'hekk il- missier - minkejja li mhux dejjem il-każ - jew jinforza d-dritt tiegħu u jidher li qed jimpika jew iċedi kollox," qal Zammit. Madankollu huwa żied jgħid li f 'ċertu sitwazzjonijiet li fihom l-ulied iqattgħu aktar ħin ma' ommhom, jista' jagħti l-każ li l-omm tkun tista' tidentifika aħjar il-bżonnijiet tagħhom. B'hekk itenni l-importanza ta' trobbija ugwali u kondiviża biex il-ġenituri, permezz tat-trobbija, ikunu jafu t-tnejn x'inhu l-aħjar għal uliedhom u jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni informata flimkien. 'L-aħjar trobbija hi meta t-tfal ma jkunu mċaħħda mill-ebda ġenitur' Jemmen bi sħiħ li l-ħin li jqattgħu t-tfal ma' ommhom u missierhom għandu jinqasam bin-nofs għax jgħid li l-aħjar trobbija hi meta t-tfal ma jkunu mċaħħda mill-ebda ġenitur, sakemm ma tkunx qed issirilhom il-ħsara jew ikunu f 'xi periklu. Fil-każi kollha li jaraw b'għajnejhom qed jiġi nnotat ukoll konverġenza ta' każijiet ta' separazzjoni u l-kustodja tal-ulied. Hawn huwa rrimarka li dawn ma għandhom x'jaqsmu xejn ma' xulxin. Fil-fatt huwa jgħid li dawk il-ġenituri li ma humiex miżżewġin qed jittieħdu inqas bis-serjetà mill- Qrati, "jgħidulek; 'fuq hekk biss mhux qed jaqblu? Mela injorahom. X'jinteressani?" qal Zammit. 'Is-somma tal-manteniment sar qisu rkant' Intant huwa qal li s-sistema li biha jinħadem il-manteniment għandu jinbidel għaliex hija problematika ħafna. "Waqt id- deċiżjoni tal-manteniment kulħadd joħroġ somma, meta ma jaqblux il- maġistrat jipproponi oħra sakemm jintlaħaq ehim u jkun qisu rkant. Dan mingħajr ma jiddeċiedu għaliex dan l-ammont u kif jagħmel sens." Fl-aħħar huwa saħaq li anke fid-dawl tat-trobbija ugwali, huwa xorta jemmen li għandu jkun hemm manteniment żgħir li jaċċerta li t-tfal ikollhom bejn wieħed u ieħor l-istess livell ta' għixien kemm ma' ġenitur u anke ma' ġenitur ieħor, speċjalment f 'każi li l-livell ta' edukazzjoni u paga jkunu differenti bejn ġenitur u ieħor.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 June 2022