Illum previous editions

ILLUM 3 July 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1472274

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 23

09 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 3 TA' LULJU 2022 Għases mintna, pagi baxxi u kundizzjonijiet 'tat-tielet dinja'... L-MPU tgħid li l-moral tal-pulizija huwa baxx Il-Malta Police Union tgħid fuq il-midja soċjali li "l-pulizija qed jiġu trattati bħal klieb iċċippjati u kulħadd imxebba sal-ponta ta' mnieħru." Il-gazzetta ILLUM titkellem iktar dwar dan mas- Segretarju tal-unjin Neville Mercieca MARIANNA CALLEJA Minn mindu inbiddel il- Kummissarju, il-Korp tal-Pulizija għadda minn tibdiliet notevoli. Iżda dawk it-tibdiliet minn qed iħallas prezzhom u qed isiru sew? Il-gazzetta ILLUM żaret lill- Malta Police Union (MPU) ġewwa l-Marsa u tkellmet mas-Segretarju tal-unjin, Neville Mercieca. Fil-fehma tiegħu dawn il- bidliet fi ħdan il-Korp, għalkemm importanti, uħud "jirriflettu biss nuqqas ta' ħsieb." Mercieca saħaq li qabel ma setgħu iseħħu dawn it- tibdiliet kollha il-Korp ried l-ewwel jara li għandu biżżejjed riżorsa inkluż dik umana. L-MPU fl-aħħar snin kienet voċifera fuq il-midja soċjali u bi grafika oriġinali qed twassal messaġġ wara l-ieħor dwar in- nuqqasijiet fil-Korp. Fi grafika riċenti l-unjin esprimiet diżappunt kbir għal dik li tisħaq illi hija "tmexxija ħażina tal-Korp li qed twassal biex il-membri jkunu demotivati jew jitilqu għal kollox mill-Korp." L-over time, il-leave u t-training fost eżempji li rrikjedu aktar ħsieb "Qisu l-id ix-xellugija ma tafx x'inhi tagħmel il-leminija u jaħtbu ġo xulxin, u b'hekk ibatu n-nies," qal Mercieca. Fost politiki li elenka, huwa semma l-politika tal-leave, l-over time, l-aħħar politika tal-body cams u l-politika dwar kif il-pulizija jiċċekjaw lin-nies. Intant, l-iktar waħda li fetaħ dwarha kienet dik tat-taħriġ. "M'hemm xejn ħażin li tibgħat pulizija għat-taħriġ imma trid tara min se jpoġġi minflok dawn in- nies," żied jgħid mal-ILLUM. Spjega kif fejn qabel kull għassa kien ikollha madwar ħames jew sitt pulizija, dan iż-żmien ikollok tlieta jekk tkun ġurnata tajba. Dan qed iseħħ minħabba li, skont hu, il- Korp tal-Pulizija għandu medja ta' 300/400 persuna inqas milli kemm suppost. "Konna għamilna Talba għall- Informazzjoni f 'Jannar u kienu qalulna li sal-2021 kien hemm madwar 250 pulizija inqas fid- distrett mis-sena ta' qabel. Dan hu l-istess perjodu li matulu beda l-Community Policing." 'Tajjeb li noqgħodu nduru bir-rota imma jekk jisirquk, jistuprawk u jsawtuk, il-pulizija tad-distrett iridu jgħinuk' Fl-2019 il-Pulizija għall- Komunità ġie introdott fil-Mellieħa bħala proġett pilota u sa' sena ilu 'l fuq minn 12-il lokalità setgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. Din l-iskema kienet mmirata sabiex il-Korp tal-Pulizija jibni relazzjoni mal-komunità. Neville Mercieca mal-ILLUM iċċara li huwa jaqbel magħha ġaladarba topera kif suppost. Għaldaqstant, insista li din l-iskema ma tistax iseħħ fi żmien fejn m'għandekx pulizija fid-distretti. Fakkar li pulizija f 'din l-iskema ma jagħmlux l-istess xogħol bħal pulizija tad-distrett, anke jekk fil- verità jikkumplimentaw lil xulxin. "Tad-distrett ma jmurx iqassam il-muffins, idur bir-rota u jħabbat lin-nies biex jara jekk hux kollox sew. Tajjeb li jduru bir-rota imma n-nies jirrikjedu servizzi tal- għassa. Jien naf, alla ħares qatt, serquk, sawtuk, stuprawk, jew anke vandaliżmu, f 'dawn iċ-ċirkostanzi l-pulizija tal-għassa li jrid jaqdik, mhux il-pulizija tal-komunità," qal Mercieca mal-ILLUM. Huwa temm jgħid li għalkemm il- kunċett kien tajjeb, il-ħin li fih saret din il-miżura ma kienx f 'waqtu. Imma dan kollu tort ta' min? Il-gazzetta staqsiet lis-Segretarju tal-MPU ta' min jaħseb li hu t-tort. Għal dan hu wieġeb: "Jien it-tort ta' min hu ma nafx, imma ma tantx hemm fejn iddur. It-tort tal- MPU mhux u t-tort tal-pulizija li qed jaħdmu mhux lanqas. Jien dejjem tgħallimt li hemm il- Kummisarju responsabbli tad- dipartiment, ma nimmaġinax li jinħolqu dawn l-affarijiet mingħajr ma l-Kummisarju ma jkun jaf jew japprova." F'dan il-punt huwa jindirizza direttament lill-Kummissarju Angelo Gafà: "Ilħaqt Kummissarju fl-2020. Iva vera ma kienx żmien feliċi, bi protesti, jiġu jwaddbu t-tadam id-depot... Pero' ma tistax taqbad u tbiddel kollox mil- lejl għan-nhar għax iġġennen lil kulħadd. Ma jfissirx li huma deċiżjonijiet ħżiena imma bil-mod li għamilthom ġennint lin-nies," tenna Mercieca. Huwa saħaq li minkejja li bħala unjin jikkritikaw ħafna, hemm affarijiet li jaqblu magħhom u li kien wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa dwarhom. 'Tidħol l-għassa, l-ewwel kelma li tiġi f'moħħok, mintna' Il-gazzetta ġibdet l-attenzjoni tas-Segretarju tal-MPU dwar kif bħalissa n-nuqqas ta' ħaddiema hija problema f 'numru ta' setturi. Mercieca qabel ma' dan iżda żied jgħid li l-kundizzjonijiet li fihom jinsab il-Korp mhux jgħinu persuni ġodda jikkunsidrawh bħala karriera. Fakkar li pulizija jagħmel sigħat sħaħ fuq saqajh f 'għassa li xi drabi ma tkunx tajba biex tilqa' n-nies fiha. "Tidħol l-għassa u l-ewwel kelma li tiġik f 'moħħok hija mintna. Tgħidli mhux il-pulizija ħamġu? Mhux se tiġi mintna għassa għax pulizija waqqa' naqra te' mal-art u mesħu ta' malajr," saħaq Mercieca. Huwa qal mal-ILLUM li pulizija li jrid imur f 'post ieħor normalment ikollu jaqbad il-karozza tiegħu jew tal-linja. Jekk ikollu bżonn jaħdem fuq il-kompjuter, skont Mercieca, ikollu jistenna lil sieħbu jlesti għax f 'għassa wieħed ikun hemm, jew tnejn l-iżjed. Jekk min-naħa l-oħra pulizija għandu bżonn jgħaġġel u għandu affidavit x'jimla, ikollu jagħmilha mid-dar filwaqt li jekk ikollu bżonn jagħmel telefonata minn post ta' inċident irid jagħmilha minn flusu wkoll. Fuq dan Neville Mercieca temm jgħid li apparti dan kollu hemm ukoll "il- paga miżera." "Kuntistabbli jdum 10 snin biex jilħaq l-ogħla paga, dik ta' €1,200. Dan mingħajr allowance, fil-każ tad-distrett. Hemm allowance li jirċivieh kulħadd massimu ta' €170 imma lanqas dak ma jieħdu tad-distrett. Jiġifieri dawn in-nies imsieken li qegħdin barra fix-xemx u fix-xita, fil-festi joqgħodu mal- burgers, jiġġieldu ma' kulħadd f 'dan l-ambjent inkallat, lanqas naqra allowence m'għandhom." 'L-ewwel li jrid jara l-Korp hu li jgħolli l-moral tal-pulizija' Mistoqsi mill-ILLUM x'jirranġa kieku jista' b'mod immedjat fil- Korp tal-Pulizija, Neville Mercieca wieġeb li l-Korp m'għandux bżonn ta' ħaġa waħda biss. Minkejja dan, huwa jżid jgħid li hija ħaġa amministrattiva li l-Korp irid jaħdem fuqha, u bis-saħħa ta' din jaf isolvi numru ta' problemi oħra. Hawn huwa kien qed jirreferi għall-moral tal-pulizija li, skont hu, bħalissa hu baxx. "Il-Korp ta' Pulizija jrid jara kif se jtella' l-moral tan-nies għax jekk għandek in-nies b'moral baxx minħabba diversi fatturi, għalxejn se tagħmel strateġiji u għalxejn tagħmel posts fuq facebook "ingħaqad fit-tim dinamiku tagħna," saħaq Mercieca. Is-Segretarju tal-MPU Neville Mercieca temm jgħid li huwa importanti li l-moral tan-nies jogħla mhux biss għal pulizija stess ħalli jkunu jistgħu imorru għax-xogħol għal qalbhom iżda importanti ukoll għal poplu, għax "fl-aħħar minn l-aħħar is-servizz li ħa jagħtu jkun aħjar." Neville Mercieca

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 July 2022