Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1472869
08 aħbarijiet IL-ĦADD 10 TA' LULJU 2022 • illum 'Droga, gangs u ġlied ... Marsalforn ma għadux li kien' Il-gazzetta ILLUM titla' Marsalforn u tiltaqa' mas-sidien tar-ristoranti, il-bars, il-ħwienet u r-residenti mħassba dwar is-sitwazzjoni f'din il-lokalità YENDRICK CIOFFI U ANTHEA CACHIA "Marsalforn ma għadux sigur." "In-nies ma għadhomx jinżlu." "Droga timxi fuq l-idejn, ġlied u nies fis-sakra." "Lanqas lit- tfal ma tista' tafda." "Marsalforn qerduh." Dawn kienu l-kummenti ta' wħud mis-sidien tan-negozji u r-residenti ta' Marsalforn mal- gazzetta ILLUM. Nhar it-Tlieta din il-gazzetta qattgħet ġurnata Marsalforn, tiltaqa' u titkellem man-nies. Kieku ma tlajnix għall-għarrieda, konna naħsbu li qabel ma tkellmu magħna, is-sidien u r-residenti ltaqgħu u ehmu x'se jgħidulna. Tkellimna ma' min tkellimna, kulħadd kelma waħda, jiġifieri li Marsalforn ma għadux sigur. Dawk li l-ILLUM tkellmet magħhom, kollha kemm huma u bla eċċezzjoni, semmew il- problemi tad-droga, il-gangs li qed jiltaqgħu, il-ġlied u n-nuqqas ta' sigurtà fost kwistjonijiet oħra dwar nuqqas ta' infurzar fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet, il-mużika mill-istabbilimenti u t-tined tar- ristoranti. 'Droga timxi fuq l-idejn u fuq l-imwejjed' L-akbar tħassib komuni li qasmu mal-ILLUM is-sidien tan-negozji u r-residenti ta' Marsalforn kien dak dwar id-droga "Id-droga taraha timxi fuq l-idejn qisu xejn mhux xejn. Mhux fil- ħdax ta' bilejl ta! Fis-sagħtejn ta' waranofsinhar. Id-droga l-ħin kollu! Kull ħin tal-ġurnata," qalet waħda mis-sidien li tkellmet magħna. "Jiena ma npejjipx, imma nispiċċa npejjep il-ħaxixa bla ma rrid. Riħa ta' ħaxixa u droga kullimkien," qalilna żagħżugħ li wkoll huwa sid ta' negozju fix-xatt ta' Marsalforn. Persuna oħra li ilha diversi snin tgħix Marsalforn qalet mal-ILLUM li qatt ma tiakar din it-tip ta' laxkezza fejn tidħol id-droga. Fi kliemha, min qed imexxi d-droga f 'Marsalforn lanqas biss jipprova jaħbi dak li qiegħed jagħmel. "Id-droga jbiegħuha qishom qed ibigħu l-pastizzi. Ejja u arahom ibiegħu d-droga fuq l-imwejjed fid- dawl tax-xemx," insistiet. Eks uffiċjal tal-Pulizija li jgħix Marsalforn ukoll tkellem dwar din il-problema. Innota kif l-anzjani li jinżlu jieħdu flixkun birra Marsalforn ma għandhomx idea ta' kif tkun id-droga għax ma għandomx l-esperjenza li kiseb hu kemm kien ilu Pulizija. "Dawn ma għandhomx esperjenza. Lanqas jafu kif tkun droga. Imma ma tridx tkun xi għaref biex tinduna meta jkunu qed ibiegħuha. Anke l-anzjani jindunaw," kompla jisħaq. "Hawn supermarket u kafetterija partikolari li fihom qed jinġabar il-ħorrox borrox kollu," qaltilna anzjana. Bosta qalu li dawk li jmexxu d-droga ħadd ma jista' għalihom. Anke jekk ix-xatt issa sar pedonali, dawn xorta waħda jidħlu bil- karozzi qisu xejn mhu xejn. 'Gangs u ġlied ... nagħlaq il- ħanut bil-mus fil-basket' Is-sidien u r-residenti ta' Marsalforn tkellmu wkoll mal- ILLUM dwar is-sigurtà u anke hawn qablu fil-kummenti tagħhom. Fi kliemhom: "Marsalforn ma għadux sigur" u saħqu li dan qed jidher biċ- ċar għax in-nies mhux qed jinżlu. "Ħares lejn it-triq. Qegħdin Lulju. Is-soltu nkunu mifqugħa bix- xogħol. Ix-xogħol mejjet filgħodu u filgħaxija. Qatt ma nafu hekk lil Marsalforn," qaltilna waħda mis- sidien. Insistew kif il-qtil ta' Fawaz Najem, żagħżugħ ta' 25 sena, f 'Mejju li għadda, kompla jgħarraq is-sitwazzjoni. "Kemm ilu li ġara dak il-qtil, Marsalforn inbidel. Ħa isem ħażin u n-nies mhux qed jinżlu. Jien ilni 44 sena hawn u qatt ma niakru hekk," qalet waħda mis-sidien. Tkellmu fuq il-ġlied u s-sokor. Qalu li f 'Marsalforn, anke għax il-prezzijiet tal-proprjetà u tal- kirjiet huma baxxi ħafna, inġabru komunitajiet kbar ta' barranin. "Jekk xi ħadd minnhom ikollu xi jgħid, se tingħaqad gang sħiħa u jaqbdu jiġġieldu," qalet sid ta' negozju ieħor. Insistew li ħafna minn dawn il- barranin ġejjin minn pajjiżi fejn il-konsum tal-alkoħol mhuwiex daqshekk komuni u għalhekk ma flixkun birra jitilqu. "Dawn f 'pajjiżhom qatt ma ħadu flixkun birra," qalilna raġel li daħħalna fil-garaxx tiegħu. "Dawn jibdew mit-tmienja ta' filgħodu bil- birra u ma tnejn jitilqu mill-ewwel." Kienu diversi dawk is-sidien ta' negozji li qalulna li jibżgħu jkunu waħedhom. "Ilni 20 sena hawn jiena. Marsalforn inbidel. Niġi kmieni filgħodu biex narma u meta nkun waħdi ma nħossnix safe," qaltilna sidt wieħed min-negozji max-xatt. Oħra saħansitra qalet li tibża' tagħlaq waħedha filgħaxija tant li ma ddejqitx tgħid magħna li żżomm mus fil-baskett. "Mela jien naf lil min se nsib jistennini wara l-bieb sakemm nitla' d-dar?", staqsitna. 'It-tfal ma nħalluhomx waħedhom' Kienu bosta dawk li wrew it- tħassib tagħhom dwar it-tfal li qabel kienu l-hena tagħhom jiġru ma' Marsalforn. Żgħażagħ oħra li għandhom inqas minn 18-il sena, kienu jinżlu wkoll ma sħabhom imqar biex jieħdu ġelat minn waħda mill-gabbani. "Illum lit-tfal ma nafdahomx waħedhom," qaltilna persuna oħra li tkellmet magħna. Sidt ta' wieħed min-negozji rrakkontatilna kif milux it-tifla tagħha riedet tmur tixtri ġelat minn supermarket. Marret u ġiet lura mwerwra għax kif kienet hemm, kien hemm żewġ gangs li qabdu jagħtu. "Lanqas biss nafu x'għandna ma saqajna," insistiet anzjana. "Jarrestawhom anke minħabba d-droga jew il-ġlied, jitilquhom u jerġgħu jiġu jduru hawn ma saqajna. Kif nistgħu nħossuna siguri?" Bħat-tfal jibżgħu wkoll l-anzjani. Sid żagħżugħ qal li kien jinnota grupp ta' anzjani li kienu jinżlu joqogħdu bilqiegħda bil-pultruni ħdejn ix-xatt. "Saru jibżgħu jinżlu u mbagħad iridu jidħlu d-dar waħedhom," qalilna. 'Lil Pulizija lanqas nagħtuhom tort...' L-ILLUM staqsiet dwar l-infurzar. Hemm Pulizija? Jagħmlu rondi? Kulħadd faħħar il-fatt li fl-aħħar ġimgħat, anke wara li ġiet irrinovata l-għassa, qed ikun hemm aktar Pulizija u qed jiżdiedu r-rondi. "Xi it jew wisq il-Pulizija jgħinu," qalulna bosta iżda saħqu li dan xorta waħda mhux biżżejjed għax id-droga, il-ġlied u s-sokor hemm għadu. Madanakollu insistew li lanqas jagħtu tort lill-Pulizija. "Il-Pulizija qed iduru imma x'se jagħmel wieħed waħdu jew tnejn?" qalilna eks uffiċjal tal-Pulizjia li kien stazzjonat f 'Marsalforn. "Lanqas nagħtihom tort. Ħafna minnhom għadhom żgħar u għandhom familja. Dan malajr tmur tikkoreġi lil xi ħadd u jtik xi daqqa ta' mus." Sidien u residenti qalu li l-problemi jibdew mix-xitwa anke għax dak iż-żmien, Marsalforn ikun aktar kwiet u ma jkunx hemm daqshekk Pulizija. "Fix-xitwa jieħdu over u fis-sajf ikun tard wisq," qaltilna persuna oħra. Imwejjed, tined, storbju u breakwater Fost it-tħassib tas-sidien ta' xi ħwienet u tar-residenti kien hemm ukoll kwistjonijiet oħra marbuta mal-imwejjed u s-siġġijiet u anke t-tined tar- ristoranti. Fi kliem bosta, ma hemm l-ebda restrizzjoni u infurzar. "Kulħadd jagħmel li jrid. Lanqas timxi fuq il-bankina u lanqas tista' tgħaddi biex tinżel tgħum. Jimlew kullimkien anke meta ma jkunx hawn ruħ," qalet waħda mis-sidien. Fil-fatt, fil-ħin li l-ILLUM kienet Marsalforn, kien hemm mijiet ta' mwejjed imma kont tgħodd fuq subgħajk dawk mimlija. Fl-aħħarnett xi wħud semmew ukoll il-kwistjoni tal-breakwater li s-sidien ta' Marsalforn ilhom snin jisħqu li għandu jsir imma li qatt ma feġġ. Fi kliemhom minħabba dan, lanqas jistgħu jinvestu. Intant, il-gazzetta ILLUM ipprovat tiltaqa' jew titkellem mas- Sindku taż-Żebbuġ Marlene Cini. Minkejja dan u anke minkejja li bgħattna imejls biex niltaqgħu magħha, bqajna bla tweġiba.