Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478014
11 intervista illum • IL-ĦADD 4 TA' SETTEMBRU 2022 mhux palazz għall-qaddisin... l-orjentazzjoni tiegħi mhux dnub' jiddominaw l-ewwel il-komunitijiet LGBTIQ fl-Istati Uniti u bil-mod sabu triqithom lejn il-gżejjer Maltin ukoll. Il- gazzetta staqsiet lil Chetcuti jekk għandux opinjoni dwar dan. "Il-ġenerazzjoni tal-lum jgħidu li ma jridux tikketti. M'għadhomx omosesswali u spiċċaw jagħtuna ruxxmata tikketti iktar milli aħna qatt stajna nimmaġinaw. Illum kulħadd non-binary. Ftit, ftit, qed jidħlu lura f 'qoxrithom, fil-kabinett. Jiġġieldu għaż-żwieġ imma jridu jibqgħu jgħixu qishom mhumiex miġġewwġa. Bla responsabbilitajiet. Għalija t-tikketti juru nuqqas ta' rispett lejn id-dinjità tal- bniedem. M'għandi ebda interess inkun naf jekk wieħed hux top jew bottom. Jekk wieħed jgħabbi jew jiġix mgħobbi." Spjega li fis-70ijiet, il-moviment kien maħtuf, skont hu, mill-lesbjani separatisti u radikali, it-Trotkyites, l-Internationali Socialists, l-iSpartacists u l-Anarkisti. Minkejja dan iżied jgħid li dawn kienu gruppi zgħar li qatt ma rrapreżentaw lill- kommunità inġenerali. Fakkar li issa hemm dik imsejħa bħala 'Cancel Culture,' li tiddeskrivi moviment li jikkanċċela l-istima ta' ċelebrità, persuna, post, jew ħaġa bbażat fuq imġieba li għalihom titqies offensiva. Huwa jgħid li jekk ma taqbilx ma' dan il-moviment dlonk tarahom iqaċċtuk u għalhekk persuna trid toqgħod mitt darba iktar attenta xi kliem tuża. Skont Chetcuti din hi forma ġdida ta' ċensura. "Pressjoni biex tagħlaq ħalqek. Fis- 70ijiet kellna ċ-ċensura mill-lemin, illum ċensura mix-xelluġ. Mill-kommunità tagħna stess! Nemmnu jew ma nemmnux fid-diversità? Jew nemmnu fid-diversità meta u fejn jaqblilna?" 'Lanqas biss kien jgħaddili minn moħħi li jien kont bħal 'dawk" Chetcuti jirrakkonta mall-ILLUM kif meta kien żgħir..."Konna noqgħodu Strada Skoccese, il-Belt. Darba minnhom kont fil-gallerija. Rajt 'sinjorina' nieżel it-taraġ lejn il-Mandraġġ. Naħseb kien il-Każan. Għalija kien miexi qisu mara għalkemm ma nafx jekk il-mixja tan-nisa hiex daqstant differenti minn dik tal- irġiel. Insomma, kien qed iżegleg!" Jgħid li dak iż-żmien ma kienx iħoss li kellu identità omosesswali u lanqas biss kienet tgħaddilu minn moħħu li seta' kien omosesswali. Żmien wara huwa gradwa fix-xjenza politika, mill-Università ta' Melbourne, b'liċenzja wkoll fit-Teoloġija tant li daħal novizz mal-Franġiskani Minuri Kontwentwali ġewwa Anglesey, North Wales. "Darba minnhom, is-surmast tan- novizzi qalilna li jekk aħna omosesswali, il-ħajja reliġjuza mhux għalina. Bdejt naħseb jekk kienx qed jirreferi għalija. Illum naf li kien hemm iktar minn wieħed. Dak seħħ fl-1969, wara l-irvellijiet ta' Stonewall. Dak iż-żmien ma kontx naf bihom dawn l-irvellijiet. Ftit snin ilu indunajt li kien hemm konnessjoni bejn x'qal is-surmast tan-novizzi u l-irvellijiet imma kif jgħid l-Ingliż, God works in mysterious ways!" L-irvellijiet ta' Stonewall kienu sensiela ta' protesti spontanji minn membri tal- komunità omosesswali b'reazzjoni għal rejds tal-pulizija li bdew fis-sigħat bikrin ta' filgħodu tat-28 ta' Ġunju, tal-1969, fi Stonewall Inn fil-viċinanzi ta' Greenwich Village, fil-Belt ta' New York. Pass pass l-istorja politika mill-1973 sal-lum Id-29 ta' Jannar, 1973. Il- Parlament Malti taħt it-tmexxija tal- Prim Ministru Dominku Mintoff japprova d-dekriminalizzazzjoni tal- omosesswalità, bi 28 vot favur u 26 kontra. "Il-wasla tal-Ingliżi f 'Malta fetħitilna tieqa. Bdejna naraw dak li fl-imgħoddi kien mistur. L-immigrazzjoni minn Malta lejn l-Awstralja kellha l-istess effett fuq il-Maltin ta' Malta. F'daqqa waħda sabu Maltin, bħalhom, li ma kinux jaħsbu bħalhom f 'kollox. Is-sħubija fl-UE ftit kellha impatt fuq l-omosesswali f 'Malta." Chetcuti jirrikonoxxi it-tibdil li seħħ u jgħid li dan seħħ bil-kuraġġ ta' Perit Duminku Mintoff u Joseph Muscat. Jgħid li l-unika differenza bejn it-tnejn kienet li Mintoff stenna rebħa elettorali qabel ħabbar li kien se jemenda l-Kodiċi Kriminal biex jiddekriminalizza atti omosesswali u l-adulterju filwaqt li Muscat ħabbar kollox qabel l-elezzjoni. Mistoqsi liema kienu l-iktar tragwardi diffiċli għal komunità huwa wieġeb li hemm tnejn. L-ewwel waħda hi t-tneħħija ta' atti omosesswali minn reat tal-1973 li offriet l-opportunità unika lill-omosesswali ta' Malta biex joħorgu fil-beraħ. Iżda skont Chetcuti, "sfortunatament, ħafna minnhom baqgħu reqdin. Ma kien hemm ebda ġlieda għal-liberazzjoni kif rajna fl-Awstralja, l-Ingliterra, l-Amerika, il-Kanada u New Zealand." It-tieni tragward kien iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess li ta rikonoxximent ċar tal-ugwaljanza bejn koppji eterosesswali u koppji omosesswali. Hawn huwa jżied li l-iktar importanti minn dan ir-rikonoxximent, hi l-kwalità ta' mħabba li terrenja bejn raġel u raġel, u mara u mara. "Ma tantx jien dilettant tal-espressjonijiet 'husband' u 'wife'. M'hemmx bżonn nimmitaw lill- eterosesswali," qal l-attivist. Imma minn wara l-1973 ġraw numru ta' liġijiet li skont Chetcuti huma "importanti ħafna". Dawn huma; • Is-Civil Unions Act (2014), • Il-Gender Identity, Gender Expression and Sex Characteristics Act (2015), • L-Affirmation of Sexual Orientation, Gender Identity and Gender Expression Act (2015), • Il-Marriage Act and Other Laws (Amendment) (2017), u • Il-Cohabitation Act (2020). Minkejja dawn il-liġijiet Joseph Carmel Chetcuti jgħid li tibdil fil-ligijiet jirrapreżenta biss parti mill-ġlieda tal- omosesswali. "L-ikbar ġlieda hi li nbiddlu lilna nfusna u nirbħu l-appoġġ tal-poplu," tenna. Kemm kienet iebsa biex naslu fejn wassalna illum? Fl-1973 probbabli ħadd ma kien jimmaġina li l-omosesswali f 'Malta se jkollhom il-libertà li tant kienu joħolmu li se jkollhom, wisq aktar li jiġu trattati bħal kwalunkwe koppja oħra. Minkejja it-titli bombastiċi fuq ġurnali barranin bħal "għaliex il-gżira żgħira ta' Malta għandha l-aktar liġijiet progressivi favur l-omosesswali, il-kommunità għaddiet minn bidliet u sfidi liema bħalhom sabiex tasal hawn. Il-gazzetta għalhekk staqsiet: Kemm kienet iebsa biex Malta tasal hawn? Huwa b'umiltà wieġeb li xejn mhu faċli fid-dinja u li hemm bżonn niġġieldu għal dak li rridu u nemmnu fih u li fuq kollox hu ġust. Fakkar li meta kien Malta, ċertu isqof sostna li l-aġenda ta' Chetcuti kienet qed tagħmel il-ħsara lill-Knisja imma "illum nafu minn kellu raġun." Dan għaliex anke l-Papa Franġisku biddel il-mod ta' kif il- Kinsja tħares lejn l-omosesswali. "Fl-aħħar mill-aħħar, il-knisja hi sptar għall-midinbin, mhux palazz għall-qaddisin. Dnubiet għandi iżda l-orjentazzjoni omosesswali tiegħi u l-espressjoni responsabbli ta' din l-orjentazzjoni żgur mhumiex fost id- dnubiet tiegħi," temm jgħid mal-ILLUM Joseph Carmel Chetcuti.