Illum previous editions

ILLUM 4 September 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478014

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 4 TA' SETTEMBRU 2022 • illum 'Għandna problema serja u jeħtieġ nindirizzawha;' Madwar 200,000 persuna f'Malta jħossu sens ta' solitudni L-aħħar studju tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà juri li s-sens ta' solitudni fost il-Maltin qed jiżdied, bil-Fakultà tinsisti li huwa ċar li l-pajjiż għandu 'problema serja' u hemm bżonn soluzzjonijiet urġenti u tanġibbli YENDRICK CIOFFI Huwa naturali li fi żmien meta kulħadd kien imsakkar id-dar minħabba l-pandemija, kien hawn persuni li ħassewhom waħedhom forsi aktar minn oħrajn. Iżda s-solitudni mhijiex xi ħaġa ta' żmien il-pandemija biss. Studju fl-2019 kien diġà wera li s-solitudni hija realtà f 'Malta u r-riżultati preliminari ta' studju li sar riċenti jikkonferma li kulma jmur, din qed issir dejjem iżjed pjaga li jeħtieġ tkun indirizzata. Fil-fatt, studju li l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà wettqet din is-sena wera kif 54.6% tal- Maltin iħossu sens ta' solitudni f 'ħajjithom. Mhuwiex numru żgħir meta tqis li dan il- persentaġġ jissarraf f '198,198 Malti u Maltija. Apparti minn hekk, l-aħħar studju li sar fl-2019 dwar l-istess suġġett, il-persentaġġ ta' dawk li jħossu sens ta' solitudni f 'ħajjithom kien ta' 43.5%. Dan ifisser li fi tliet snin, kien hemm żieda ta' madwar 11% ta' persuni li jħossuhom waħedhom. F'dan l-istudju ħadu sehem it inqas minn 600 persuna li għandhom 'il fuq minn 11-il sena. Il-mod kif kienu mifruxa dawk li ħadu sehem fih, jagħmel dan kampjun rappreżentattiv ta' 363,000 persuna li jgħixu f 'Malta, b'kunfidenza ta' 95%. Ta' min isemmi, li l-istudju ma jinkludix il-barranin li jgħixu f 'Malta jew inkejja dawk li jgħixu f 'istituzzjonijiet. Fost oħrajn, l-istudju staqsa lill-parteċipanti dwar l-abbilità tagħhom li jkampaw meta jiġu fuqhom sitwazzjonijiet stressanti li it li xejn ikollhom kontrol fuqhom. Filwaqt li l-maġġoranza 90.7% qalu li kapaċi jkampaw tajjeb, 7.4% (26,862 persuna) qalu li ma tantx ikampaw tajjeb, filwaqt li 1.8% (6,534 persuna) qalu li ma jkampaw tajjeb xejn. Interessanti kif tnejn minn kull għaxar persuni li ħadu sehem f 'dan l-istudju qalu li jesperjenzaw sens ta' vojt f 'ħajjithom. Il-persentaġġ ta' dawk li wieġbu hekk kien 20.8% li jissarraf f '75,504 persuna. Kienu 57.6% li wieġbu li ma jħossux dan is-sentiment, filwaqt li 21.7% oħra qalu li ġieli jħossuhom hekk u drabi oħra le. Apparti minn hekk, kważi persuna minn kull għaxra li ħadu sehem fl-istudju (9.6% - 34,848 persuna) ma jħossux li hemm biżżejjed nies li fuqhom jistgħu jduru meta jkollhom problema. Aktar minn hekk, 13.8% (50,094 persuna) qalu li ma għandhomx persuna li jistgħu jiddeskrivuha bħala ħabib jew ħabiba tal- qalb. Dan is-sentiment, fil-fatt, kien aktar komuni fost dawk li għandhom aktar minn 51 sena. Għall-Maltin, il-kumpanija hija importanti u fil-fatt dan ħareġ ukoll f 'dan l-istudju. Meta mistoqsija jekk jiddejqux meta ma jkollhomx nies madwarhom, aktar minn tliet kwarti ta' dawk li ħadu sehem fis-sondaġġ (97,647), wieġbu fil-pożittiv. Dan is-sentiment kien l-aktar komuni fost iż-żgħażagħ li għandhom bejn l-20 u l-34 sena u dawk li għandhom bejn 11 u 20 sena. Fuq nota aktar pożittiva, kważi tliet kwarti ta' dawk li ħadu sehem fl-istudju wieġbu li meta jkollhom bżonn, iħossu li jistgħu jiħu qalbhom mal-ħbieb. Kienu 13.7% (49,731 persuna) li qalu li mhux dejjem iħossuhom komdi jċemplu lil sħabhom għall- għajnuna. Il-maġġoranza tal-parteċipanti (63.3%) qalu wkoll li għandhom biżżejjed nies li jistgħu jafdaw, iżda numru mdaqqas ukoll (16.6% jew 60,258 persuna) qalu li ma jaħsbux li hemm biżżejjed nies li jistgħu jafdawhom. L-istudju staqsa wkoll lill- parteċipanti jekk qattx iħossuhom mwarrba. Il-maġġoranza, 85.7% wieġbu fin-negattiv imma kien hemm persentaġġ pjuttost qawwi (16.7%) ta' persuni li ma għandhomx impjieg li jħossuhom imwarrba mill-bqija tas-soċjetà. Inqas ħinijiet tax-xogħol u Strateġija Nazzjonali għas-Solitudni; X'qed tipproponi l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà? Il-Fakultà għat-Tisħiħ tas- Soċjetà ma waqfitx biss mal- istudju. Insistiet li l-pajjiż għandu "problema serja" fejn tidħol is- solitudni u hemm bżonn miżuri aktar tanġibbli biex din ir-realtà tkun indirizzata. Il-Professur Andrew Azzopardi, l-awtur tal-istudju, insista li l-awtoritajiet jagħmlu ħażin jekk iweħħlu fil-Covid-19. "Anke jekk dan huwa l-każ (li mhuwiex), la n-numri huma daqshekk għolja jikkonferma dak li jiena ilni ngħid għal dawn l-aħħar 18-il xahar, jiġifieri li mhux qed issir biżżejjed ħidma biex nindirizzaw it-trawma ta' wara l-Covid-19 ... Li għamel il- Covid-19 huwa li tella' fil-wiċċ realtajiet li ma ridnix nitkellmu dwarhom," qal il-Professur Azzopardi. "Ma naħsibx li n-numri u ż-żieda li rajna fl-aħħar tliet snin kienu se jkunu differenti kieku ma kienx hawn il-Covid-19." Propju għalhekk li l-Fakultà qed tagħmel diversi rakkomandazzjonijiet għal miżuri tanġibbli li jistgħu jkunu implimentati f 'qasir żmien u oħrajn fit-tul bil-għan li dan il- fenomenu "li qed issir dejjem aktar kumpless" ikun indirizzat. Fost oħrajn qed tirrakkomanda li jkun hemm aktar servizzi fejn persuni li jħossuhom waħedhom ikunu jistgħu jitkellmu u ħidma aktar fil-qrib mat-tobba tal-familja biex jindikaw kundizzjoniijet tas- saħħa li jistgħu jkunu riżultat tas- solitudni jew viċi-versa. Qalu wkoll li hemm bżonn politika nazzjonali u strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u strateġija oħra speċjalizzata biex tindirizza s-solitudni. Qed tipproponi wkoll bidliet drastiċi bħal pereżempju tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u żieda fil-pagi b'mod li inqas persuni jkollhom bżonn jagħmlu part- time u għalhekk il-ħaddiema jkollhom aktar ħin għalihom, il- familja u l-ħbieb. Tistaqsi jekk wasalx iż-żmien li jkun hawn bidla fil-mudell ekonomiku tal-pajjiż u li kulħadd jevalwa l-istil tal-ħajja tiegħu u l-kilba għall-istatus, il-flus u l-proprjetà li toħnoq lil xi wħud. Tipproponi li jkun hemm Segretarju Parlamentari għas- Solitudni, fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-politika soċjali u anke Kummissarju għas- Solitudni. Il-Fakultà qed tisħaq ukoll li għandu jkun hemm riflessjoni aktar serja dwar il- kura istituzzjonalizzata u aktar koordinament bejn il-programm LEAP tal-Gvern, Dijakonia tal- Knisja u s-Soup Kitchens. "Bħala pajjiż jeħtieġ li naġixxu malajr. L-informazzjoni bbażata fuq l-evidenza u n-numri hemm qegħdin u l-proposti qed jiżdiedu. Li għandna bżonn hija l-azzjoni," temmew jisħqu r-riċerkaturi.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 September 2022