Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1478014
12 illum • IL-ĦADD 4 TA' SETTEMBRU 2022 kultura 'L-Isla grata lejn minn xerred demmu:' Il-monument Nhar il-Ħamis Malta tieqaf biex tiċċelebra s-solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija, jew aħjar il-festa tal-Bambina kif nafuha l-Maltin. Apparti minn hekk, f'din il-ġurnata, magħrufa wkoll bħala l-Vitorja, il-Maltin ifakkru r-rebħa fuq l-Assedju l-Kbir u jirringrazzjaw lill-Bambina għaliha. Fl-Isla, il-Belt qatt mirbugħa, dawn il-ġrajjiet huma ċċelebrati bi kbir tant li fil-qalba tal-armar, wieħed isib ukoll monument f'ġieħ Malta Rebbieħa FABIAN MANGION It-tmienja ta' Settemrbu hija ġurnata mniżżla fil-kalendarju tal-festi nazzjonali. Meta niftħu l-paġni tal-istorja, niftakru li dan il-jum twieled mar-rebħa tal-Kavallieri u l-Maltin fuq l-għadu Mislem, vittorja li tqieset bħala t-tmiem ta' theddida fuq it-twemmin u ċ-ċiviltà Nisranija, aktar u aktar meta ġiet lejlet il-festa tat-Twelid tal-Madonna. Il-poplu feraħ u għammed dan il-jum bħala l-Festa tal-Vitorja. Fl-ewwel Otto Settembre, fil- Birgu saret purċissjoni mill- knisja tal-Lunzjata għall-Knisja Konventwali ta' San Lawrenz, bis-sehem tal-Gran Mastru La Valette. Hawn, tkanta l-innu ta' radd il-ħajr. Monument tar-rebħa Fl-1581, il-knisja ewlenija tal-Isla nħatret parroċċa bl- isem ta' 'Santa Marija tal- Vitorja', b'tifkira tar-rebħa l-kbira tal-1565, kif jixhdu l-kliem minquxa fuq il-faċċata tagħha: Monumentum Insignis Victoriae MDLXV. Hekk, id- data liturġika tat-Twelid tal- Madonna, ingħaqdet ma' jum il-rebħa u l-kelma 'vitorja' saret sinonima mal-festa tat-Twelid tal-Madonna. Ma' ftuħ Settembru fil-qlub Maltin, l-aktar tas-Sengleani, jixgħel is-sens patrijottiku ta' Malta rebbieħa. Dawn is- sentimenti, nisslu l-ħsieb u x-xewqa li fl-Isla, Civitas Invicta, tiġi ċċelebrata bil-kbir il-festa tal-Vitorja mat-tifkira tal-Assedju l-Kbir. U fis-6 ta' Settembru, qrib Jum il-Vitorja, l-Isla tfakkar din ir-rebħa bi gratitudni lejn dawk l-antenati li xerrdu demmhom. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, is-Sengleani xeħtu ħarsithom fuq tnejn minn 'ħuthom', magħrufin sew għall-ħila artistika tagħhom. L-istatwarju Karlu Darmanin, talbuh isawwar statwa ta' Malta Rebbieħa u lid-disinjatur u skultur Aristide Bonnici, talbuh iħejji disinn għal kolonna kbira li fuqha kellha titqiegħed dik l-istess statwa. Xi żmien qabel l-1888, iż-żewġ opri tlestew u saru parti mill- armar tat-toroq għall-festa tal- Bambina. L-istatwa ta' Malta Rebbieħa Fl-istatwa allegorika ta' Malta naraw il-figura ta' mara liebsa korazza pettorali fuq libsa bajdanija li toħroġ minn taħt din l-armatura u tasal sal-wiċċ ta' sieqha filwaqt li l-kmiem jgħattu parti mid-dirgħajn. Fuq rasha għandha elmu bi tliet pjumi, waħda bajda f 'nofs tnejn ħomor. Dawn l-istess kuluri narawhom jiddominaw l-ilbies tant li, jikkumplimenta l-bjuda tal-libsa, naraw mant ħamrani li jaqa' minn wara d-dahar u jibqa' nieżel sa taħt saqajn il-figura. Id-driegħ lemini hu mgħolli 'l fuq, ixejjer xabla misluta. Id- driegħ tax-xellug, hu aktar baxx u ħiereġ 'l barra bil-figura qed iżżomm lasta bil-bandiera tal- Ordni tperper magħha. Hawn għandna figura pjuttost movimentata fejn l-id mgħollija tiġi bbilanċjata bl-id li magħha hemm il-bandiera. Filwaqt li l-id il-leminija tenfasizza l-vertikalità tal-figura, l-id ix- xellugija toħroġ 'l barra lejn l-ispettatur b'mod orizzontali u frontali. Il-figura qed iserraħ fuq sieqha l-leminija mentri l-oħra tinsab mitfuħa xi ftit lura u f 'linja djagonali li tkompli tagħti moviment lill-kompożizzjoni. Din l-istatwa tgawdiet għal ftit aktar minn tmenin sena għaliex, sfortunatament, fil-lejl ta' bejn it-8 u d-9 ta' Settembru 1971, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempa qalila. Din ikkawżat ħafna ħsarat fl-armar ta' barra tal-festa tal-Isla li kienet għadha kemm intemmet. Dan it-temp kiefer kien il-kawża li l-Malta ta' Darmanin tintilef għal kollox. Kien diżappunt kbir f 'għeluq il-festi ċinkwantenarji li fakkru l-inkurunazzjoni ta' Marija Bambina. L-istatwa ta' Malta Rebbieħa li naraw illum, b'xebħ mal- oriġinali, saret mill-istatwarju Ġlormu Dingli u żżanżnet fis-6 ta' Settembru 1972. Kolonna monumentali Din il-kolonna kbira b'erba' panewijiet għoljin, fil- kantunieri tagħha għandha figuri ta' erba' Torok, fosthom mara, b'ħarsithom telliefa 'l fuq lejn l-istatwa ta' Malta Rebbieħa. F'idejhom iġibu emblemi tal- Gran Mastri D'Homedes, La Sengle, La Valette u Cottoner. Dawn il-figuri, maħduma wkoll minn Karlu Darmanin, saru ftit snin wara li tlestiet il-Malta, u, sakemm saru, fil-kantunieri tal- kolonna, kienu jintramaw erba' pilandri li, għal xi żmien, baqgħu wkoll jintramaw flimkien mat- Torok. Il-faċċatiet wieqfa tal- kolonna, li jiffurmaw it-tromba, huma mżejna bi skrizzjoni fuq parċmina dekorattiva. Fil-panew ta' quddiem, naqraw hekk: "Dil-Belt li ma ntrebħitx qawwiet il-fidi". L-Isla ssieltet mhux biss biex ma taqax taħt għadu barrani, iżda wkoll biex tibqa' tgħożż il-fidi Nisranija li dejjem ħaddnet. L-istess fidi, raddet lura l-qawwa lis-Sengleani biex belthom ma tintrebaħx mill-għadu Mislem. Fuq waħda mill-faċċatiet tal- ġenb, hemm din l-skrizzjoni: "Qalbiena xejn anqas mill- aqwa ta' kull ġens". Din il-kitba tistqarr li, għalkemm żgħar bħala nazzjon, missirijietna rnexxielhom jirbħu fuq għadu kbir fin-numru u fil-qawwa. Iktar minn hekk, meta naraw iċ-ċokon tal-Isla, bi ftit nies qalbiena u bl-għajnuna ta' xi kavallieri, dawn irnexxielhom ma jħallux lill-għadu qalil jidħol fil-belt u jirbaħha. Fil-faċċata ta' wara, hemm skrizzjoni li taqra: "Malta grata lejn min xerred demmu". Wara l-waqgħa ta' Sant'Iermu, ħarset it-Torok waqgħet fuq l-Isla. Kollox kien jiddependi mit- taqbid ta' fuq l-Isla u l-Forti San Mikiel. Il-Maltin u l-kavallieri, b'qalbhom ittaqtaq, stennew bil- ħerqa l-eżitu ta' din il-battalja. Minkejja kollox, ir-rebħa ġiet. Għalhekk, sejra qatt l-Isla tinsa is-sehem kbir u erojku li taw uliedha f 'din il-ġrajja storika u mdemmija?! Fuq ir-raba' u l-aħħar panew naqraw hekk: "L-Isla stħaqqilha monument f 'ġieħ ir-rebħa". L-Isla kienet protagonista L-istatwa ta' Malta Rebbieħa armata fi Triq il-Vitorja fl- 2010. F'riglejn dan il-monument naraw il-kuruni tar-rand ippreżentati mill- għaqdiet Sengleani u, fosthom, dik imqiegħda mill- Kumitat Festi Nazzjonali