Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1481354
08 analiżi IL-ĦADD 09 TA' OTTUBRU 2022 • illum 'Dejjem inaqqru mis-servizz u naqqset il-kunfidenza ... il-fast ferry essenzjali u għandu jkun hemm skeda fissa' Diversi Għawdxin huma rrabbjati bl-iskeda l-ġdida tas-servizz tal-fast ferry hekk kif l-operaturi naqqsu drastikament il-vjaġġi. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija jisħaq li dan is-servizz huwa essenzjali u għandu jkun offrut taħt Public Service Obbligation. Il-Ministeru jisħaq li għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li s-servizz jissaħħaħ bi skeda fissa li taqdi l-interess tal-Għawdxin YENDRICK CIOFFI Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal- Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg saħaq li s-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex huwa servizz essenzjali u għandu jkun offrut taħt "Public Service Obbligation." Insista li l-iskeda kif inhi bħalissa mhijiex adegwata u dan qed iwassal biex tonqos il- kunfidenza fis-servizz. Borg qal dan f 'kummenti mal- gazzetta ILLUM wara li ż-żewġ operaturi tal-fast ferry ħabbru skeda li tinkludi ħafna inqas vjaġġi. Biss biss, fost il-ġimgħa, hemm biss ħames vjaġġi minn Għawdex u erbgħha biss jitilqu mill-Belt Valletta. Mill-Belt, l-aħħar vjaġġ jitlaq fl-4:30pm. Daniel Borg tenna għal aktar minn darba li dan is-servizz huwa ta' importanza u interess pubbliku u għandu jkompli jkun offrut taħt 'Public Service Obbligation.' Fil-kuntest tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, Public Service Obbligation hija obbligazzjoni imposta minn organizzazzjoni b'liġi jew kuntratt biex ikun offrut servizz ta' importanza u interess pubbliku. "Illum minħabba n-natura tax- xogħol ma tistax tgħid taħdem mit-8am sal-5pm. Ikun hemm min ikollu jibqa' wara l-ħin, b'mod partikolari l-professjonisti. L-anqas l-Università ma tispiċċa fil-5pm. Anke jekk tispiċċa fil-5pm tkun tard wisq biex taqbad il-fast ferry u titla' lura Għawdex," insista. Daniel Borg saħaq li fil-bidu tas-servizz, iż-żewġ kumpaniji tkissru bil-kompetizzjoni li ħolqu bejniethom anke jekk aktar tard indunaw u kellhom joffru skeda waħda komuni. "Madanakollu, fl-aħħar xhur, kien ċar li s-servizz huwa wieħed essenzjali. Jidħolx għalih il-Gvern, jew jibqax f 'idejn il-Privat, dan is- servizz għandu jkompli taħt Public Service Obbligation." Borg insista li anke jekk il-pajjiż irid jasal f 'punt li jnaqqas it-traffiku u l-karozzi mit-toroq, dan is-servizz huwa importanti u jemmen li f 'dan ir-rigward kien ħalla effett. Qal li jaf Maltin li għax kien hemm dan is-servizz, għażlu li jidħlu għal impjiegi ta' kwalità f 'Għawdex. 'Investejna ħafna fit-toroq ... għalina l-Għawdxin dan is- servizz huwa bħal triq fil-baħar' "Qatt ma kien hemm skeda konsistenti. Kontinwament inaqqru mis-servizz. Ma tistax tbiddel skeda mil-lum għall- għada. Meta tagħmel hekk tkun qed tnaqqar mill-kunfidenza fis-servizz," insista Borg. "Jgħidulek għax ma kellhomx id-domanda li ħasbu li se jkollhom. Imma d-domanda tkun ibbażata fuq il- kunfidenza." Kompla jgħid li bis-sitwazzjoni kif inhi , ħaddiem, student jew professjonist ma jistax jippjana l-ġranet jew il-ġimgħat tiegħu. "Ma nafx x'tista tkun l-aħjar soluzzjoni imma li hu żgur huwa li dan is-servizz għandu jibqa. Il- Gvern investa u qed jinvesti ħafna fit-toroq. Għalina l-Għawdxin, dan is-servizz qisu triq fil-baħar," insista Borg. Tenna li s-servizz mhux biss għandu jibqa' imma għandu jkun hemm skeda rregolata li toffri aktar konsistenza. I n s i s t a li Għawdex għandu jkun trattat bħala reġjun distint bid- diffikultajiet kollha tiegħu. Fil- fatt, stqarrija li ħarġet l-istess Kamra tisħaq li l-Kummissjoni Ewropeja għandha tirrikonoxxi d-diffikultajiet ta' Għawdex bħala gżira reġjun, u li l-aċċessibiltà ta' Għawdex hija kundizzjoni neċessarja biex Għawdex jimxi 'il quddiem. 'L-aħħar skeda kienet xokk għalina ... l-iskeda għandha ssir skont il-bżonnijiet tagħna' Min-naħa tagħha, Charlene Muscat, mill- Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-ħaddiema Għawdxin, fakkret li meta dan is-servizz ġie introdott, l-għajta kienet li se jagħmel il-ħajja tal-Għawdxin aktar faċli. Fi kliemha, sal-aħħar tas-sena li għaddiet, meta s-servizz kienu joperawh iż-żewġ kumpaniji bi skeda differenti, kien verament qed iservi l-interessi tal- ħaddiema. "Fl-ewwel sajf, kellek vjaġġi bejn 30 jew 45 minuta. Tant kemm kien effiċjenti, li kellek ħaddiema f 'San Vinċenz li minflok kienu jaqbdu l-Gozo Channel u jaqbdu l-vann miċ-Ċirkewwa, kienu rranġaw biex jaqbdu l-vann mill-Belt." Il-problemi bdew meta bdiet ix-xitwa. Il-maltemp jaffettwa s-servizz ħafna aktar milli jaffettwa lill-Gozo Channel imma s-sitwazzjoni marret għall-agħar meta ż-żewġ kumpaniji bdew joperaw skeda waħda. Minn dak iż-żmien bdew jilmentaw kemm mal-Ministeru u anke mal-operaturi infushom tant li almenu sas-sajf li għadda, l-iskeda kienet adegwata għall-ħaddiema. Kien hemm erbatax-il vjaġġ minn Malta u tlettax minn Malta. "Kif ħarġet l-iskeda l-ġdida, kienet xokk għalina. L-agħar huwa l-aħħar vjaġġ li jitlaq mill-Belt fl-4:30pm. Il-ħaddiema diffiċli jlaħħquh." Insistiet li biex ilaħħqu, il- ħaddiema Għawdxin iridu jitilqu mal-fast ferry tas-6am, jibdew xogħol qabel u l-ħaddiema tal-Gvern forsi jitolbu li jaħdmu wkoll il-break. Madanakollu insistiet li hi ma taqbilx li l-ħaddiema Għawdxin jispiċċaw jittalbu biex ikunu differenti mill-kollegi. "Anke hekk xorta ma tlaħħaqx. Jekk ma taħdimx il-Belt, imma x'imkien viċin u taqbad it-trasport pubbliku u dan jittardja, wkoll mhux se tlaħħaq. Diġà nafu nies li jaħdmu l-Belt u ddeċidew li jerġgħu jibdew jużaw il-Gozo Channel. Ħafna mhux jirriskjaw." Muscat laqgħet il-fatt li l-Gvern qed jiddiskuti mal- Kummissjoni Ewropea biex ikun jista' jgħin biex dan is-servizz jissaħħaħ. "Aħna qed ninsistu li nkunu involuti fid- diskussjonijiet biex l-iskeda ssir kif nixtiequ u skont il- bżonnijiet tagħna. Dan l-arranġament jieħu ż-żmien. B'mod immedjat għandhom jiżdiedu l-vjaġġi, almenu mill-Belt ikun hemm vjaġġi aktar fit-tard." 'Għaddejja ħidma biex nassiguraw skeda li tindirizza l-ħtiġijiet tal-Għawdin u li l-operaturi ma jiċċaqilqux minnha' Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li insista li l-Gvern jinsab kommess li jkun hemm konnettività iżda fuq kollox effiċjenza. Mistoqsi jekk hux kuntent bis-servizz eżistenti, b'mod partikolari wara l-pubbli kazzj oni tal-aħħar skeda, il-Ministru saħaq li l-Gvern huwa determinat li jieħu l-passi meħtieġa biex is-servizz tal-fast ferry "jissokta b'mod li jkun qed joffri l-aqwa servizz għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin u l-Maltin, kif ukoll l-ekonomija ta' Għawdex." Fil-fatt, il-Ministru Camilleri insista li qabel tħabbret l-aħħar skeda, il-Gvern kien diġà beda l-ħidma biex jassigura servizz u skeda li tkun xierqa għall- ħtiġijiet tal-Għawdxin u l-Maltin. Dwar dan, il-Ministeru daħal ukoll f 'diskussjonijiet mal- Kummissjoni Ewropea. "Kemm-il darba dan kollu jħalli l-fritt, ikun hemm skeda ġdida li taqdi l-ħtiġijiet tal- Għawdxin u l-Maltin u li l-operaturi ma jkunu jistgħu jiċċaqalqu minnha." Fil-fatt, il-Gvern kien ħabbar li qed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea biex ikun jista' jgħin b'kuntratt ta' servizz pubbliku għas-sentejn li ġejjin. Il-kuntratt ta' servizz pubbliku propost għandu valur ta' €12-il miljun fuq sentejn. Daniel Borg Charlene Muscat Clint Camilleri