Illum previous editions

ILLUM 16 October 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1481867

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 27

'Daphne hija onorata fil-kurituri tal-Parlament Ewropew imma f'Malta għadha mhijiex ... Għadna mhux kapaċi naslu sa hawn' YENDRICK CIOFFI L-analista politiku u l-lettur tal-Università George Vital Zammit qal li f 'soċjetajiet oħra, qtil ta' ġurnalisti, speċjalment bil-mod brutali li bih inqatlet Daphne, iħalli fil- memorja kollettiva element ta' ammirazzjoni lejn xogħolhom għax ikun sinjal li kienu fid- direzzjoni t-tajba u kienu qed iniggżu. F'kummenti mal-ILLUM, fil- ħames anniversarju mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Vital Zammit wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li Malta lanqas wara dan il-qtil makabru ma kienet kapaċi tingħaqad. "Meta ġurnalist jinqatel fuq xogħlu, soċjetà tonorah u tfakkar ix-xogħol tiegħu. Huwa ċar li f 'Malta, dan għadu ma seħħx," insista l-Lettur. Irrifletta li dan jista' jkun ġej mill-fatt li f 'Malta għad hemm elementi li jagħmlu n-nazzjon, jiġifieri li jgħaqdu lin-nies, li huma neqsin. Ġab eżempju bl- Indipendenza u qal li Malta hija fost ftit pajjiżi, li kisbu l-Indipendenza, fejn dan il- jum, għal ħafna snin, ma kienx iċċelebrat mill-pajjiż kollu. "F'pajjiżi oħra li kisbu l-Indipendenza, dik il-ġurnata hija waħda nazzjonali u aħna ma wasalnix hemm," kompla jispjega. Kien hawn li saħaq li waħda mill-akbar problemi tal-pajjiż hija li ftit li xejn kapaċi jagħmel distinzjoni oġġettiva, jiġifieri li l-affarijiet jgħidhom kif inhuma. "Lilhinn mil-legat tax-xogħol ta' Daphne, kapaċi ngħidu li dak li ġara mhuwiex aċċettabbli? Jekk il-Prim Ministru jmur fuq is-sit fejn inqatlet, qed jgħid li dak li ġara mhux aċċettabbli. Hemm ikun qed jirrappreżenta l-Istat u jkun qed jgħaqqad lin- nies flimkien," insista. Saħaq li jista' jkun li l-pajjiż għadu ma wasalx sa dan il-punt u jista' jkun li fadallu biex jasal. "L-ironija hija din," kompla jinsisti. "Daphne Caruana Galizia hija onorata fil-kurituri tal-Parlament Ewropew imma hawn għadna le. Għadna mhux kapaċi nsemmu sala għaliha minkejja li llum nafu li Daphne kienet fit-triq it-tajba." 'Dan ma jistax ikun qtil ieħor li jibqa' mhux solvut' Tkellimna dwar il-proċeduri legali li għaddejin, b'Vital Zammit jgħid li l-pajjiż għandu bżonn jagħlaq il-ferita kkawżata minn dan il-qtil imma għandu jagħmel dan mhux biex jinsa' imma biex tkun saret ġustizzja. "Dan ma jistax ikun qtil ieħor li jibqa' mhux solvut. Jekk isir hekk tkun mhux biss falliet is-sistema ġudizzjarja imma n-Nazzjon. Irridu nħarsu 'l quddiem u ngħidu li din hija tebgħa fuq is-soċjetà Maltija u li ma tistax terġa' tirrepeti ruħha." Fakkar dak li seħħ fl-Italja 30 sena ilu, meta nqatlu l-Maġistrati Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Spjega kif is-soċjetà Taljana għaddiet minn perjodu iebes ħafna. Eventwalment kull min kien involut, tressaq il-Qorti u saħansitra hemm min skonta s-sentenza. Kien hawn li saħaq li bħalma ġara fl-Italja, il-pajjiż jeħtieġ jagħmel 'closure' ta' dan il-mument ikrah. Irrikonoxxa li għall-kuntrarju ta' dak li ġara fil-każ ta' Karin Grech u Raymond Caruana, fil- każ tal-assassinju ta' Caruana Galizia tressqu diversi persuni. Madanakollu qal li dan id-dewmien kollu ma jirriflettix tajjeb fuq sistema li trid tistabbilixxi ġustizzja. "Justice delayed is justice denied," kompla jisħaq. 'Il-governanza tibqa' problema ... istituzzjonijiet għadhom mhux jaħdmu' Komplejna nitkellmu dwar il-fatt li forsi hawn min qatt ma fehem is-serjetà ta' dan il-qtil u saħansitra ssib min 'jiċċelebra' dan l-assassinju. Vital Zammit beda jfakkar li minkejja l-qtil ta' Daphne u l-konsegwenzi kollha li ġab miegħu, politikament ma kien hemm l-ebda bidla fil-polls popolari tal-pajjiż, tant hu hekk li l-aħħar elezzjoni ġenerali kkonfermat ir-riżultat ta' ħames snin qabel." "Il-poplu huwa sovran iżda d-distakk jibgħat messaġġ ħażin. Dan id-distakk qawwi, anke fil-Parlament, jista' tagħti dik l-assigurazzjoni lil min hu fil-poter li jista' jagħmel li jrid. Konsegwenzi jkun hemm, imma politikament ma jinbidel xejn," qal Vital Zammit. Irrikonoxxa tibdil li sar fl- aħħar snin fosthom fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura u anke l-fatt li l-Gvern qed jipprova jagħmel riforma għall- protezzjoni tal-ġurnalist. Kien hemm, fuq kollox il-kollass tal- amministrazzjoni Muscat. "Il-qtil ta' Daphne ġab tibdil imma fl-użanzi tagħna għad għanda defiċenzi kbar fejn tidħol il-governanza," insista Zammit. "Wieħed mill-aktar eżempji li mhux aċċettabbli fl-ebda sistema diċenti ta' Gvern hija li jkollok il-karozzi tal-ġudikanti pprovduti minn kumpanija ta' xi ħadd li għandu allegazzjonijiet gravissimi fuq ismu." Hawn Vital Zammit kien qed jirreferi għall-każ ta' Christian Borg, akkużat fost oħrajn, bi ħtif ta' persuna. Insista li dan juri falliment istituzzjonali, għax l-entitajiet li kellhom jiskwalifikaw lil din il- persuna milli titfa' t-tender, ma ħadmux. "Qatt ma kellna naslu sa hawn. Il-ġudikant qed jinstaq f 'karozza pprovduta minn xi ħadd li għandu fuqu allegazzjonijiet serjissimi. Din hija umiljazzjoni għal dik l-istituzzjoni," kompla Vital Zammit. Fakkar li r-rapport tal-inkjesta pubblika, jipponta subajgħ lejn dawn id-defiċenzi, inkluż fl- awtoritajiet regolatorji. "Naraw deċiżjonijet dubjużi ħafna l-ħin kollu. Case officers jirrakkomandaw li proġett ma jkunx aċċettat u mbagħad ikun approvat. L-impunità mhijiex bilfors ġudizzjarja. Għandek istituzzjonijiet li mhux jaħdmu kif suppost, inkluż l-Awtorità tal-Ippjanar u dan l-aħħar għandna każi anke fi Transport Malta u fil-Korp tal-Pulizija. Dawn l-affarijiet iridu jiġu indirizzati bl-aktar mod serju," insista l-analista. 'Meta naqra l-kummenti onlajn ... ninduna kemm il- pajjiż fadallu x'jaqdef ' Fil-fatt, Vital Zammit qal li ħames snin huwa perjodu biżżejjed biex il-pajjiż jibda jagħmel ftit evalwazzjonijiet. Qal li meta jirrifletti dwar kemm is-soċjetà xtarret dan l-episodju, ikun hemm mumenti li jnikktuh, speċjalment meta jaqra kummenti fuq il-midja soċjali tant li jispiċċa jiddubita jekk dawn il-kummenti għandhomx jinżammu. "Filwaqt li hawn min jikkummenta li dan huwa forma ta' demokratizzazzjoni tal-aħbar, għadni nara kummenti ta' spiss li ma joħorġux l-aħjar aspett uman," qal Vital Zammit waqt li rrefera għal kummenti li qed isiru dwar il-produzzjoni teatrali li qed tittella' dwar l-assassinju ta' Daphne (Ara paġna 16). Qal li filwaqt li hu jiddejjaq jiġġeneralizza, meta jara ammont kbir ta' kummenti simili, jinduna kemm il-pajjiż fadallu x'jaqdef. 'Dan ma jistax ikun qtil ieħor li jibqa' mhux solvut. Jekk isir hekk tkun mhux biss falliet is-sistema ġudizzjarja imma n-Nazzjon. Irridu nħarsu 'l quddiem u ngħidu li din hija tebgħa fuq is-soċjetà Maltija u li ma tistax terġa' tirrepeti ruħha' George Vital Zammit 13 ĦAMES SNIN DAPHNE CARUANA GALIZIA Ritratt ta' James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 16 October 2022