Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1481867
08 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' OTTUBRU 2022 • illum X'jaħsbu l-istudenti dwar il-partiti l-kbar? 'Il-PN dgħajjef wisq u l-PL qed jagħmel li jrid' Is-sondaġġ tal-ILLUM li kien ippubblikat il-ġimgħa l-oħra wera li ż-żgħażagħ u dawk b'edukazzjoni terzjarja l-aktar li jridu l-bidla, inkluż il-ħolqien ta' partit ġdid. Għaliex m'għandhomx fiduċja fil-partiti l-kbar? L-ILLUM tmur l-Università u tistaqsi lill-istudenti ANTHEA CACHIA "Le" u "żgur li le". Hekk ġiet milqugħa l-ILLUM mill- istudenti meta staqsiethom jekk għandhomx fiduċja fiż-żewġ partiti li qed jirrappreżentaw lill-poplu fil-Parlament. Meta imbagħad ġew mistoqsija jekk jixtiqux jaraw partit ieħor fil- Kamra tar-Rappreżentanti, hemm inqalbet il-folja. Minn 20 student li l-gazzetta intervistat fid-daħla tal- Univeristà nhar il-Ħamis li għadda, 15 qalu li m'għandhom l-ebda fiduċja fil-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, erbgħa qalu li għadhom indeċiżi u kienet żagħżugħa waħda biss li qalet li għandha fiduċja u dan għax qalet li partit huwa aktar konviċenti minn ieħor. Dawn il-figuri mhumiex sorpriża, hekk kif sondaġġ xjentifiku magħmul mill- ILLUM, wera li 56% tal-poplu jemmen li hemm bżonn ta' partit ġdid. Minn dan l-istess sondaġġ ġie indikat ukoll li dan is-sentiment għall-bidla, jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ, dawk b'edukazzjoni terzarja u dawk li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni. Kienu xejn inqas minn 70% tal-parteċipanti b'edukazzjoni terzjarja li jemmnu fil-ħtieġa ta' partit ġdid, 59.5% ta' dawk li għandhom livell post- sekondarju li jaħsbu l-istess filwaqt li 68.8% tal-parteċipanti li għandhom bejn 16 u 35 sena li jaqblu magħhom ukoll. U fil-fatt dan l-istess sentiment reġa' ġie ikkonfermat, waqt l-inkontru tal-gazzetta mal- istudenti. 'Hemm bżonn ta' bidla elettorali radikali, bħal dik tal-2013' L-ILLUM mill-ewwel ġiet miluqgħa minn żewġ nisa ta' 30 sena li saħqu li tilfu kull tip ta' fiduċja, kemm fil-PN kif ukoll fil-PL. Dawn iż-żewġ nisa, minkejja li t-tnejn bl- istess ħsieb, kellhom esperjenzi differenti maż-żewġ partiti. Studenta minnhom saħqet li hija trabbiet f 'familja Mintoffjana. Madankollu l-elezzjoni tal- 2013 kienet l-aħħar darba li misset vot b'idejha. Tisħaq li minn dak iż-żmien 'l hawn "il- PL qabad in-niżla". Mistoqsija biex telabora aktar, l-infermiera prospettiva saħqet li disa' snin ilu l-PL beda verament tajjeb madankollu, is-snin għaddew u l-prioritajiet tal-partit inbiddlu kompletament. Min-naħa l-oħra l-ħabiba tagħha, stqarret li m'għandhiex fiduċja fil-mod ta' kif Bernard Grech qiegħed imexxi l-PN għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba r-riżultati li qalet illu mhux qed jikseb il-partit kemm ilu mmexxi minnu. Meta imbagħad ġew mistoqsija jekk wasalx iż-żmien li naraw it-tielet partit fil-Parlament, it- tnejn qablu. Minkejja li saħqu li opinjoni u perspettiva oħra hija importanti, jisħqu li ma jafux jekk dan hux possibbli kemm għax jgħidu li l-poplu mhux lest għal partit ieħor kif ukoll minħabba l-mekkaniżmu tal- proporzjonalità. Il-mekkaniżmu jippermetti li jkun hemm aġġustament fid-daqs tal-Parlament, meta s-siġġijiet Parlamentari mirbuħa mill-partiti politiċi ma jikkorrispondux mal- proporzjoni tal-vot popolari li jkunu kisbu. Dan il-kunċett daħal fil-liġi Maltija wara l-elezzjoni tal-1981 li fiha l-Partit Laburista ġab aktar siġġijiet Parlamentari u ggverna, minkejja li ma kellux maġġoranza ta' voti. Fil-fatt minħabba dan il-mekkaniżmu u dak tal-bilanċ tal-ġeneru, l-ADPD fetaħ kawża kostituzzjonali hekk kif dawn "huma diskriminatorji." 'Partit ieħor inaqqas il-pika bejn il-PL/PN, iżda l-poplu għadu mhux lest' Il-maġġoranza tal-istudenti, b'eta medja ta' 25 sena, qablu li hemm bżonn ta' partit ieħor u dan għal numru ta' raġunijiet. Ħafna sostnew mal-ILLUM li partit ieħor fil-Parlament ifisser, aktar rappreżentanza, aktar ideoloġiji u uċuħ ġodda. Ħafna minn dawk li kellmuna enfasizzaw li partit ieħor għandu jwassal biex iż-żewġ partiti, li ilhom is-snin jiddominaw is- siġġijiet Parlamentari, jieqfu mill-pika żejda u ma jiħdux il-pożizzjoni Parlamentari tagħhom 'for granted.' Propju fuq hekk numru ta' studenti jemmnu li l-PN, illum il-ġurnata, "lanqas tista' tqisu bħala partit tant hu dgħajjef " u kawża ta' hekk il-PL, "li huwa konxju ta' kemm għandu poter, qed jagħmel li jrid." L-inkwiet fost dawn l-istudenti kien ukoll illi s-sistema demokratika ta' llum hija waħda dgħajfa, b'partit wieħed biss li għandu s-saħħa assoluta. B'kuntrast għal dan, filwaqt li żagħżugħ ta' 22 sena saħaq mal- ILLUM li m'għandu fiduċja fl-ebda partit, qal li partit ieħor joħloq aktar toqol finanzjarju għall-pajjiż. Apparti minn hekk huwa qal ukoll li l-poplu "ma jridx partit ieħor." Żagħżugħ ta' 18-il sena qabel miegħu, sa' ċertu punt. "Hemm bżonn ta' aktar rappreżentanza, iva. Iżda l-poplu għadu wisq maqsum bejn aħmar u blu. Dan kien ċar fid-dibattitu pubbliku li sar fl-Università waqt l-aħħar kampanja elettorali." Żied li kien diżappuntat li l-partit ABBA, ngħata pjattaforma u l-partit Volt ma' ngħatax. "Ħadd mhu lest li jitkellem fuq l-abort, ħlief xi individwi tgħoddhom fuq ponot subajk fil-Parlament. Volt kellu ċ-ċans li jitkellem fuq dan, iżda dak iż-żmien ma ngħatawx iċ-ċans," qal iż-żagħżugħ. L-ILLUM tkellmet ukoll ma' żewġ tfajliet li qed jistudjaw biex isiru għalliema li jemmnu li minflok neleġġu partit ieħor, il-PL u l-PN "għandhom jirrealizzaw x'inhuma l-prioritajiet tagħhom, jaħdmu u jiffukaw fuqhom aktar milli jintilfu jargumentaw bejniethom." Intant studenti tal-liġi qalu li l-Maltin għandhom il-kultura ta' "mhux kemm taf, iżda lil min taf " u saħqu li tkun idea tajba li kieku jiġi iffurmat partit ieħor, li ma għandux influwenzi u mottivi ulterjuri, ħlief li jkunu l-Gvern u l-Oppożizzjoni. Minkejja li dawn l-istudenti kienu ġejjin minn sferi soċjali differenti, għandhom għażliet edukattivi differenti u l-etajiet ivarjaw minn 17-il sena sa' 30, il-maġġoranza assoluta qablu li l-akbar problema għalihom kienet il-korruzzjoni b'enfasi fuq iż-żewġ partiti, il-pika li tiddomina fuq l-aġenda tal- Gvern u l-Oppożizzjoni u l-bilanċ tal-poter; realtajiet li għal ħafna mill-istudenti li tkellmet magħhom l-ILLUM jistgħu jiġu solvuti, biss minn partit li mhux il-PN u lanqas il- PL.