Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1482980
23 opinjoni IL-ĦADD 30 TA' OTTUBRU 2022 • illum Robert Louis Fenech L-istess klassi politika għadha għaddejja bl- istess ritmu. Illum għadna naraw membri parlamentari jiddefendu lil Konrad Mizzi minkejja dak kollu li nafu dwaru. Rajna l-ħatra ta' avukat ġenerali involuta fl- iskandlu tal- Electrogas Il-Bajtar, u Ħames Snin mill-Qtil ta' Daphne Caruana Galizia ' Tistenniex il-bajtra taqa' f 'ħalqek', imur il-qawl Malti. Kemm kienu għorrief missirijietna. Jien, ma tantx. It-tifsira tal-qawl, jiġifieri li trid l-impenn personali u l-ħidma biex tasal fejn tixtieq tasal, dik fhimtha meta kont għadni l-iskola. Imma għalfejn propju dik il-frotta minn tant frott, domt ma ħadtha. Domt biex rabbejt apprezzament għall-bajtar ta' San Ġwann. Forsi għalhekk. Kienu l-bajtar tax-xewk li l-aktar kont nibla u moħħi dejjem għalihom kien imur, jien u nistaqsi bejni w bejn ruħi, min hu l-baħnan li qiegħed jistenna frotta mimlija xewk taqa' f 'ħalqu? Eventwalment fhimt li l-bajtar tal-qawl huwa l-bajtar ta' San Ġwann imma dik l-immaġni żbaljata baqgħet tħassibni. Ħames snin ilu fil-Bidnija, ftit 'il bogħod minn fejn trabbejt jiena, grupp ta' kriminali poġġew bomba fil-karozza ta' ġurnalista u splodewha. Stennejna fuq li stennejna u għadna qegħdin nistennew iżda ejja ngħiduha kif inhi – minn dak iż-żmien 'l hawn, waqgħet bajtra waħda f 'ħalqna li ma kinitx mimlija xewk? Kellna ninżlu ngħajjtu fit- toroq għal bidla fis-sistema korrotta u qattiela li wasslet għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Kellna nkunu aħna li nieħdu r-riedni f 'idejna biex inwasslu l-messaġġ li le, dan il-każ ma ntemmx għax qabdu lil min għafas il-buttuna. Stennejna fuq li stennejna, imma l-bajtar dejjem mimli xewk ġie. Rajna inkjesta pubblika tasal għall-konklużjoni li kienet il-klassi politika li wasslet għal klima li għamlet kuraġġ lil min kien lest joqtol lil Daphne Caruana Galizia. L-istess klassi politika għadha għaddejja bl-istess ritmu. Illum għadna naraw membri parlamentari jiddefendu lil Konrad Mizzi minkejja dak kollu li nafu dwaru. Rajna l-ħatra ta' avukat ġenerali involuta fl-iskandlu tal-Electrogas, l-istess skandlu li bdiet tikxef Daphne Caruana Galizia u li wassal għall- assassinju tagħha. Taħt l-istess avukat ġenerali, il-kriminali rajnihom jingħataw maħfra mingħajr patt li jitkellmu u min prova jixtri lil ġurnalist inħeles fuq 'żball'. L-AUM ingħatat iktar art. Steward Healthcare għadna nimpalawlhom il-miljuni fil- ġimgħa. L-art li nbiegħet biċ- ċiċri lid-db f 'proċess qarrieqi għadha tagħhom. Is-sistema manifestament korrotta tal-hekk imsejħa 'donazzjonijiet' għall- kampanji elettorali tal-partiti għadha għaddejja ġmiela. Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti ilha li tqattgħet biċċiet mingħajr ħadd ma lissen kelma. Saret riforma li suppost tipproteġi lill-ġurnalisti mingħajr ebda konsultazzjoni mal-istess ġurnalisti. Il- magni tal-pjaċiri bħal ma hija l-Infrastructure Malta, għadhom jippompjaw il-flus għand tal- qalba filwaqt li l-industrija qattiela tal-kostruzzjoni għadha għaddejja tkisser mingħajr ebda forma ta' regolazzjoni. U min imexxi s-suppost Awtorità jinsab fil-qalba tal-istess industrija u joħroġ għonqu sabiex jiddefendi l-illegalitajiet tagħha. Is-sistema strutturata tal- abbuż imwielda miż-żwieġ bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-barunijiet il-ġodda għadha hemm. Ilna nistennewh il-bajtar jaqa' f 'ħalqna imma dan kollu xewk mhux frott. Iżda jekk min jistenna l-bajtra taqa' f 'ħalqu jaf jimla wiċċu xewk, min iqum fuq tiegħu jaf isib frott aħjar. Ejja niftakru li konna aħna li ħadna lura x-xatt tal-Gżira Manoel, li kienet ilha misruqa kważi għoxrin sena sħaħ. Konna aħna – għaqdiet, residenti, kunsilli – li waqafna għall-mostrożità li riedu jibnu d-db f 'Pembroke u konna aħna li waqafna għall-qerda li kienet ser iġġib magħha marina f 'Wied il-Għajn. Konna aħna, il-poplu Malti, li fl-2019 qomna u għajjatna 'daqshekk dħaktu bina'. Ma kinitx faċli, imma Joseph Muscat kellu jitlaq b'denbu bejn saqgħajh. Huma l-kmamar tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti kuraġġużi li jibqgħu jwasslulna storja fuq oħra ta' ħmieġ u korruzzjoni dwar dik ir-relazzjoni inċestuża bejn il-poter politiku u dak finanzjarju. Kienu dawk li ma stennew l-ebda batra taqa' f 'ħalqhom li rnexxielhom ipoġġu lill-aħwa Degiorgio wara l-ħitan tal- ħabs. Hija l-familja ta' Daphne Caruana Galizia li minkejja kull ma ġarrbet f 'pajjiżha, ma qatgħet qalbha qatt minn Malta u tibqa' sservi ta' eżempju li min jistinka, jieħu l-ħaqq. Jekk inħarsu madwarna naraw pajjiż mimli bajtar. Jekk nistennewh jaqa' f 'ħalqna jaf nimtlew xewk. Jekk inqumu fuq saqgħajna malajr niskopru frott ieħor. Kull ma rridu nagħmlu hu li noħorġu jdejna għalih Robert Louis Fenech huwa attivist tal-Moviment Graffitti