Illum previous editions

ILLUM 4 December 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1487298

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 04 TA' DIĊEMBRU 2022 • illum 'Il-Belt saret vittma tas-suċċess tagħha ... qed naħdmu biex insaħħu s-settur tar-retail fil-Belt' YENDRICK CIOFFI Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar, Abigail Mamo, żvelat mal-gazzetta ILLUM li għaddejja ħidma biex fil-Belt Valletta jissaħħaħ is- settur tal-bejgħ bl-imnut, bħall- ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn li jbiegħu prodotti essenzjali, bil-għan li dawn flimkien mal-lukandi, il-Boutique Hotels u l-istabbilimenti tal-ikel u d-divertiment, jikkumplimentaw aktar lil xulxin. Din il-gazzetta tkellmet ma' Mamo dwar ix-xiri fi żmien il-Milied iżda anke dwar il- fatt li fil-Belt Valletta, ħafna ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn qed jispiċċaw iżarmaw, anke minħabba l-prezz tal-kirjiet u minflokhom qed jinfetħu biss barijiet, ristoranti u kafetteriji. Fil-fatt, jekk qabel il-Belt kienet id-destinazzjoni ideali għax-xiri tar-rigali, illum bosta huma dawk li qed ifittxu ċentri kummerċjali oħra, bil-Belt issir sempliċiment destinazzjoni għad-divertiment. Mamo rrikonixxiet dan u filwaqt li tkellmet dwar il-mod kif inbidlet il-Belt u l-investiment kbir u importanti li sar fiha mill- Gvern u l-privat, saħqet li jista' jkun li l-Belt Valletta spiċċat vittma tas-suċċess tagħha stess. Għax inħoloq ambjent sabiħ ħafna, spiċċat destinazzjoni ideali għad-divertiment aktar milli għax-xiri. 'Ħasra jagħlqu ħwienet bħal tal-ħwarar ... din telfa għal Malta' Fost dawn semmejna l-famuż ħanut tal-ħwarar, li jinsab fi Triq San Ġwann jew Triq il-Ganċ kif inhi magħrufa u li se jkun qed jagħlaq wara 135 sena. Bħal dan il-ħanut, fil-Belt għalqu għexieren. Abigail Mamo qalet li meta jagħlaq ħanut bħal dak tal- ħwawar hija telfa ta' patrimonju mhux biss għall-Belt Valletta imma għall-pajjiż kollu. "Hija ħasra li jagħlqu ħwienet bħal dawn. Aħna rridu li nsaħħu l-prodott lokali. Fil-Belt ma rridux biss ditti internazzjonali," insistiet. Mill-banda l-oħra semmiet li fil-Belt Valletta hemm ħafna ħwienet ta' marki lokali li għamlu suċċess anke għax kienu kapaċi jirreklamaw tajjeb il-prodott tagħhom u rnexxielhom iżidu l-interess u anke d-domanda billi żiedu l-viżibilità. 'Qed naħdmu biex il-Belt issir destinazzjoni għall-familja kollha' Kien hawn li qalet li għaddejja ħidma biex fil-Belt Valletta jissaħħaħ is-settur tar-retail anke għax fi kliemha, dan huwa importanti biex jikkumplimenta l-investiment li sar fil-Belt. "Jekk hemm Boutique Hotel, jagħmel ħafna sens li t-turisti li qed jgħixu fiha, isibu l-ħwienet kollha li għandhom bżonn fil- viċin," qalet Mamo waqt li insistiet li għaddejja ħidma biex il-Belt issir destinazzjoni għall-familja kollha u mhux għat-turisti biss. Semmiet l-edizzjoni tan-Notte Bianca u qalet li din hija prova ċara kemm dak li qed tgħid hi jista' jseħħ, għax fi kliemha, il-ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn, irrapportaw li kellhom negozju tajjeb dakinhar. Fi kliemha, fin-Notte Bianca, in-nies ma daħlux biex jieklu u jixorbu biss. Insistiet li minkejja kollox, anke dakinhar tal-Black Friday, ħafna xorta waħda għażlu li jidħlu fil-Belt u jduru l-ħwienet li hemm. Kien hawn li qalet kif minkejja ħafna vantaġġi, il-Belt għandha żvantaġġ wieħed. Spjegat kif hubs kummerċjali, bħal Tignè u oħrajn, għandhom koordinatur li jorbot lill-ħwienet b'kuntratt. Fil-Belt, kollox jiddependi mir-rieda tas- sidien u xejn aktar. "Dan irridu nsaħħuħ. Qed naħdmu biex noħolqu kumitat ġdid għall-komunità kummerċjali fil-Belt. Il-ħidma għaddejja, hemm ideat sbieħ ħafna għall- Kapitali u għandna l-appoġġ ukoll tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Aħna rridu naraw attività kummerċjali li tikkumplimenta l-investiment li sar fl-aħħar snin," saħqet Mamo. Xiri tal-Milied: 'Tħassib hawn imma s-sidien huma ottimisti u pożittivi' ll-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll lil Mamo dwar ix-xiri fi żmien il-Milied b'mod inġenerali u anke dak li tal-ħwienet qed jistennew. Filwaqt li rrikonoxxiet li it tħassib hawn, minħabba ż-żieda fil- prezzijiet, qalet li s-sidien huwa pożittivi li dan se jkun Milied tajjeb. "Il-ħin kollu nisimgħu b'aħbarijiet negattivi dwar dak li għaddej imma xorta għad hawn spirtu sabiħ. In-nies iridu joħorġu, iridu jixtru, iridu jgawdu. Din hija xi ħaġa pożittiva. Ma kinitx xi ħaġa awtomatika li wara l-Covid-19 in- nies se toħroġ u tgawdi u tixtri. Il- fatt li hemm dik ix-xewqa u n-nies iridu din l-esperjenza, dik hija xi ħaġa pożittiva," kompliet tgħid Mamo. Mistoqsija jekk taħsibx li ż-żieda fil-prezzijiet tistax twassal biex il- Maltin jonfqu inqas f 'dan il-Milied, Mamo qalet li n-nies qed jaraw kif se jimmitigaw dan l-impatt. "Jista' jkun li n-nies se jonfqu aktar b'kawteka. Imma ma jfissirx li l-impatt se jkun kbir," qalet Mamo. Fakkret li fil-Milied ikun hawn aktar attrazzjonijiet u affarijiet x'wieħed jagħmel. Fi kliemha, filwaqt li fil-Black Friday bosta ħarġu biex jixtru affarijiet tal-bżonn u rigali u jgawdu minn prezzijiet aħjar, fi żmien il-Milied se jmorru aktar għall-kapriċċi u se joħorġu aktar biex jiddevertu. 'Tal-ħwienet ħasbu minn kmieni biex iġibu x-xogħol' L-ILLUM staqsiet lil Mamo dwar il-problema tal-importazzjoni minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u l-prezz tat-trasportazzjoni u jekk dan hux qed jaffettwa x-xogħol tal- ħwienet. Spjegat kif fil-Black Friday kien hemm xi ħwienet li qalu li ma kellhomx stock bħas-soltu, iżda qalet ukoll li dawn kienu ftit. Fi kliemha, ħafna ħasbu kmieni biex jordnaw ix-xogħol tagħhom għax bassru x'ġej. "Bosta ħasbu kmieni għax issa tgħallimna li ma tistax tissogra. Dejjem jara x'jinqala'. Kellna l-pandemija, imbagħad il-gwerra fl-Ukrajna u issa erġajna qed naraw żieda fil-każi fiċ-Ċina li reġa' kellu mpatt fuq id-distribuzzjoni minħabba li kien hemm fabbriki li reġgħu waqfu jaħdmu. Għalhekk tal- ħwienet qed jaħsbu minn qabel biex ikunu ppreparati," temmet tgħid Mamo. Fil-Belt Valletta r-ristoranti, il-bars u l-kafetteriji qed ikomplu jfaqqsu iżda l-ħwienet tal-ħwejjeġ u tal-prodotti essenzjali qed ikomplu jonqsu tant li l-Belt ma għadhiex id-destinazzjoni ideali għax-xiri inkluż fi żmien il-Milied. Il-Kap Eżekuttiv tal- Kamra għan-Negozji Żgħar Abigail Mamo tiżvela mal-ILLUM li għaddejja ħidma biex is-settur tar-retail fil-Belt jissaħħaħ anke biex l-istabbilimenti kollha fil-Belt jikkumplimentaw lil xulxin u l-investiment li sar fl-aħħar snin Abigail Mamo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 December 2022