Illum previous editions

ILLUM 5 March 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1494130

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 23

12 illum • IL-ĦADD 5 TA' MARZU 2023 kotba Bejn ħrejjef u sħaħar Il-ħrejjef huma fergħa għammiela fir-rakkontar tal-istejjer li ilha tixxebblek magħna sekli sħaħ. Illum il-ġurnata x'aktarx li aħna familjari magħhom permezz ta' rappreżentazzjonijiet ċinematografiċi jew televiżivi. Biss biss, il-kumpanija Disney għandha kważi monopolju fuq l-għarfien kollettiv ta' dawn l-istejjer għax l-ewwel esperjenza ta' ħafna nies mad- dinja u l-karattri fantastiċi tal- ħrejjef hija dik proposta mill- ġurdien ta' widnejh kbar. Hawn min jgħid li verżjonijiet minn djar tal-produzzjoni kbar inaqqru l-integrità tal-istejjer. Iżda dan huwa żball. Hemm żewġ tipi ta' ħrejjef — dawk li huma anonimi u li ġew trażmessi oralment minn ġenerazzjoni għal oħra; u dawk, bħal ta' Hans Christian Andersen, li huma datati u ffirmati. Għalhekk, għal dawn tal-aħħar, għandna sors oriġinali ma' xiex nistgħu nqabblu adattament. Imma fejn jidħlu ħafna ħrejjef oħra, m'għandniex. Pereżempju, jeżistu bosta verżjonijiet tal-istorja ta' Ċiklemfusa (Cinderella), forsi l-iktar popolari huma tal-aħwa Grimm, ta' Charles Perrault u ta' Walt Disney. Imma l-iktar verżjoni bikrija li għandna ġejja miċ-Ċina u hija tas-seklu disgħa. L-ebda waħda mhi bħall-oħra u hemm minnhom li huma differenti sew minn xulxin. Liema hija 't-tajba'? Ma teżistix. Għax il-ħrejjef huma ritratt sfukat ta' għarfien, użanzi, istinti u modi ta' ħajja li jiżfnu bejn il-konxju u s-subkonxju, individwali u kollettiv. Ma ninsewx li anki dawk il-ħrejjef miktubin minn awturi magħrufa huma l-frott ta' tradizzjoni u ambjent partikolari. Il-ħrejjef jitkellmu dwar il- qagħda kurrenti ta' meta ntqalu jew inkitbu – għalhekk jibqgħu ħajjin u jibqgħu relevanti. Apparti minn hekk, il-ħrejjef għandhom fruntieri porużi ħafna u l-influwenzi tagħhom huma numerużi, mhux lakemm taqta' linja. Fl-ewwel xogħol ippubblikat tagħha, Ktieb tas- Sħaħar (Klabb Kotba Maltin, 2022), Rowena Grech ma taqta' l-ebda linja. Infatti, minkejja li t-titli tal-istejjer jirreferu għal ħrejjef speċifiċi, il-kontenut ivarja: minn satira għal parodija, minn kummenti soċjopolitiċi għal rakkonti allegoriċi. Hemm stejjer li huma adattament jew aġġornament tal-ħrejjef kif bejn wieħed u ieħor nafuhom; imma wħud minnhom jagħtu biss nifs ta' ħjiel tas-sorsi tagħhom. Fost dawn hemm pereżempju "Bajda Silġ" u "Pinokkjo", li lanqas tista' tqishom ħrejjef essaċċ. Grech neżżgħathom kompletament mill-maġija u l-fantasija, tant li saru rakkonti realistiċi fejn isem il-karattri prinċipali mhu xejn għajr referenza niggieża lejn l-istejjer li ispirawha. M'hemmx ambjent li jagħtik sens ta' dinja oħra li infiltrat dik tagħna u li minnha nistgħu nittawlu lejn żewġ realtajiet simultanjament. Il- ħrejjef għandhom laqta realistika għax jitkellmu dwar faqar, mewt, ġustizzja u tbatija; imma jagħmlu dan minn lenti fantastika. Fl-aqwa stejjer li nsibu f 'din il-ġabra, Grech tislet rakkonti ambjentati f 'realtà magħmula m i d - d e m m u l-konkos, imma ma toqgħodx lura milli taħfen idjoma fantastika fejn is-seħer huwa meqjus xi ħaġa normali ta' kuljum. "Id-Daqqaq tal-Fifra" hija dwar il-qerq istituzzjonalizzat u kif f 'tali ekosistema, iż-żgħir huwa dak li fl-aħħar mill-aħħar se jbati — anki għax xi minn daqqiet jitfa' l-ġebla fuq saqajh. F'din il-ħrafa, in-nagħaġ jirrappreżentaw dak is-saff tal-popolazzjoni li ma jridx jaħseb, li ma jridx jitgħabba b'responsabbiltà u aġenzija fejn tidħol it-tmexxija ta' ħajtu. Iżda kollox għandu prezzu u, skont Grech, il-konsegwenza ta' din l-indifferenza hija l-inkapaċità li torqom viżjoni ta' ħajja aħjar. Grech ma toqgħodx tispjega għalfejn in-nies huma nagħaġ, jew tipprova tiġġustifika d-deċiżjoni 'stupida' tar- rappreżentant tal-ħakem li jqabbad daqqaq tal-fifra biex isolvi gażiba politika. Dawn l-affarijiet huma skontati għax qegħdin naqraw ħrafa u l-ħrejjef jeżiġu mill-qarrej twemmin fil- fantastiku u mhux spjegazzjoni Noel Tanti, fl-ewwel reċensjoni tiegħu f'din il-paġna jaqbad f'idejh il-Ktieb tas-Sħaħar, id-debutt ta' Rowena Grech, ġabra ta' ħrejjef miktuba mill-ġdid għal-lum. Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 March 2023