Illum previous editions

ILLUM 26 March 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1495664

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 23

08 analiżi IL-ĦADD 26 TA' MARZU 2023 • illum 'Iċċaraw id-definizzjoni ta' vjolenza qed tinħela ħafna enerġija' ANTHEA CACHIA Il-Ħadd li għadda kienet "Qed tinħela ħafna enerġija fuq każijiet li qed jitqiesu bħala vjolenza domestika u li m'għandhomx jaqgħu f 'dik il-kategorija." Hekk qalet il-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, mal-gazzetta ILLUM, b'reazzjoni għall-konklużjonijiet fl-inkjesta dwar il-femiċidju ta' Bernice Cilia. Immaġinak qiegħed tgħix b'mod temporanju f 'hostel u żewġ persuni li qed jaqsmu l-kamra miegħek kellhom xi jgħidu u wieħed ta daqqa ta' ħarta lill-ieħor. F'għajnejn il-liġi dan huwa każ ta' vjolenza domestika. Fil-verità din mhix skorretta, madankollu l-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, fil- konklużjonijiet, sostna illi din hija definizzjoni "wiesgħa ħafna li tkopri ħafna sitwazzjonijiet li mhux neċessarjament jitqiesu bħala vjolenza domestika, għax ma jeżistux tendenzi ta' imġieba ħażina ." Għaldaqstant din ir-realtà, anke bħalma sostna Valenzia, toħloq inkonvenjent għall- uffiċjali li jaħdmu fi ħdan il-Unit tal-Vjolenza Domestika meta dawn diġà għandhom pressjoni minħabba n-nuqqas ta' riżorsi u żieda sostanzjali fir-rappurtaġġ. L-ILLUM staqsiet lil Friggieri proprju dwar dan u fuq liema aspetti legali din għandha tiġi emendata. Bi qbil ma' Valenzia hija sostniet li huwa veru li każijiet bħal dak li semmiet l-ILLUM jaqgħu taħt l-istess kappa ta' vjolenza domestika għax il-persuni jkunu taħt l-istess saqaf. "Bir-riżorsi prezzjużi li għandna - anke meta wieħed iqis li f 'ċertu każi ikun hemm sitwazzjoni ta' ħajja jew mewt - iva, għandna nirranġaw id-definizzjoni," qalet Friggieri. Hija spjegat illi d-definizzjoni għandha tiġi emendata b'tali mod illi tiffoka fuq membri ta' household u li jinkludi koppji – anke dawk li m'għadhomx flimkien - ħbieb intimi tal-familja u dawk kollha li għandhom jew kellhom relazzjoni ma' xulxin. "B'dan il-mod, ir-riżorsi li għandna nużawhom biex inkunu nistgħu ngħinu lil nies li qed jiġu ivvittimizzati ġewwa darhom," kompliet Friggieri. 'Ikolli nammetti li ma kontx sorpriża bil-konklużjoni' L-Imħallef Emeritu elenka numru ta' raġunijiet li setgħu wasslu għaż-żewġ sfidi li swew ħajjet Bernice Cilia. Valenzia qal illi filwaqt li dak li ġara fil- każ ta' Bernice ma kienx tort ta' persuna partikolari, is-sistema kollha tal-vjolenza domestika "ma ħadmitx kif kellha taħdem billi ma ipproteġietx lil min kien qed jitlobha ripetutatment għall- protezzjoni." Qal illi n-nuqqas ta' riżorsi u ż-żieda fix-xogħol, "wassal għad-dewmien fl-iproċessar tar- rapporti, nuqqas ta' assessjar jew assessjar ħażin u rispons mhux adegwat u immedjat min-naħa tal- Pulizija." Iżda l-Kummissarju sorpriża b'din il-konklużjoni? "Ikolli nammetti li ma kontx sorpriża, le. Ikkonfermajt dak li kont qed nisma' u dak li nħoss, peress li naħdem ma' nies li għaddew mill-esperjenza jew li jaħdmu ma' dawn il-persuni," sostniet Friggieri. Minkejja dan, tinnota b'pożittività l-fatt li dan ġie rikonoxxut mill-inkjesta, għax temmen li dan il-ġudizzju jista' jagħti direzzjoni ikbar lejn miżuri li jeħtieġ li jittieħdu immedjatament. Infakkru li f 'din l-inkjesta Valenzia saħaq li riċerka, dokumentazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar vjolenza domestika hemm kemm trid fil-fatt irrimarka illi "l-inkjesta saret għal xejn u ma kinitx meħtieġa." L-ILLUM tiġbdilha l-attenzjoni u tfakkarha f 'dan il-kliem u tenniet illi filwaqt li għandha rispett lejn ir-riżultat tal-inkjesta, ma tgħidx illi din saret għalxejn għax daħlet f 'dettall b'reqqa kbira. "Nazzarda ngħid illi għalkemm huwa minnu li ċertu realtajiet kienu magħrufa, kienu sporadiċi." Hija qabblet din l-inkjesta ma' persuna li qed tagħmel ir-riċerka u li wieħed ma joqgħodx biss fuq dak li jisma' iżda r-riċerka tkun iffukata u l-persuna tgħarbel is- Nafu li hemm problema ta' riżorsi iżda x'se jsir biex insolvuha? L-ILLUM titkellem mal-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri bħala reazzjoni għar- rakomandazzjonijiet li saru fl-inkjesta dwar il-qtil ta' Bernice Cilia u meta dawn se jiġu implimentati 'Jingħad kemm jingħad, ilkoll nafu x'inhuma l-problemi. Isiru riċerki kemm tird, ilhom snin isiru priedki però fil- prattika ma jsir xejn u kollox jibqa' għaddej avolja huwa magħruf li s-sistema mhux qed taħdem' - L-Imħallef Valenzia Audrey Friggieri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 March 2023