Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1496172
15 opinjoni illum • IL-ĦADD 2 TA' APRIL 2023 Ir-rwol tal-Membri tal-Parlament I ktar kmieni din il-ġimgħa, tlabt lill-Awditur Ġener- ali biex jinvestiga l-ingaġġ tal-Onorevoli Rosianne Cutajar bħala konsulent taċ-Chief Executive Officer (CEO) tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Meta wieħed jaqra l-kuntratt tax-xogħol ta' Cutajar mal-ITS, li kien ippubblikat minn Shi News bħala riżultat tal-applikazzjoni tal- liġi għal jedd għall-aċċess għall- informazzjoni, wieħed jista' malajr jikkonkludi li r-responsabbiltà tal-konsulenza ta' Cutajar kien fil-qasam tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-ITS. Cutajar kienet mistennija li taħdem mill-viċin mas-CEO u mad-Diretturi tal-Istitut għall- Istudji Turistiċi fit-tħejjija tal- budget annwali, tas-sorveljanza u kontroll tal-kwalità, biex ikunu stabiliti miri, biex tassisti fit- teħid tad-deċiżjonijiet meħtieġa fit-tmexxija ta' kuljum, fl-analiżi ta' rapporti kemm dawk ta' natura finanzjarja kif ukoll ta' dawk li mhux, kif ukoll li tidentifika soluzzjonijiet u titjib fl-operat kif meħtieġ. Meta hu fatt magħruf li Cutajar hi mħarrġa bħala għalliema tal-lingwa Taljana fil-livell sekondarju, hu raġjonevoli li tassumi li dan hu kuntratt biex inħoloq impieg fantażma, imħallas minn fondi pubbliċi. Fid-dawl ta' dan jiena tlabt lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga lill-ITS u lit-tmexxija tiegħu għax fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà għal dan kollu hu tas-CEO tal-ITS. Huwa jrid jispjega dak li għamel lit-tim investigattiv tal-awditur ġenerali biex ikun stabilit eżattament x'ġara. Il-ħolqien ta' impiegi fantażma fis-settur pubbliku jsir biex jibbenefika lill-bażużli u jħallashom ta' ħidmiethom f 'oqsma oħra. L-impieg fantażma ta' Rosianne Cutajar's mhux l-unika wieħed li nafu bih. Tiakru lil Melvin euma, dak li għamilha ta' sensar biex tinqatel Daphne Caruana Galiza? Anke lilu kienu taw impieg fantażma fis-settur pubbliku, ringrazzjament għal dak li kien qiegħed iwettaq! Wieħed jistaqsi il-għala, Rosianne Cutajar, li jiena u qed nikteb għadha Membru Parlamentari, għaliex mhiex iffukata fuq xogħolha bħala membru tal-parlament? Jidher li għandha ħafna ħin li ma tafx x'ser tagħmel bih biex tista' tiddedika ta' l-inqas 24 siegħa kull ġimgħa għal xogħol ta' konsulenza lill-ITS, b'żied mal-ħin meħtieġ "għar- responsabbiltajiet Parlamentari" tagħha, u ta' hekk titħallas €27,000 fis-sena. Il-problema hi ferm ikbar minn hekk għax hu mistenni li bħala parti mir-responsabbiltajiet tagħha ta' membru parlamentari tissorvelja l-istess ITS u tara li l-Ministru tat-Turiżmu jerfa' ir-responsabbiltà politika għall- operat ta' dan l-istitut. Imma kif tista' tagħmel dan jekk għandha kuntratt ta' konsulenza li bih hi involuta fit-tmexxija tal-istess istitut? Safejn naf jien, qatt ma irtirat minn dibattitu parlamentari dwar it-turiżmu minħabba xi konflitt ta' interess! Il-problema mhiex ristretta għall-konsulenza ta' Cutajar. B'mod partikolari sa mill-2013, dan seħħ fil-grupp parlamentari Laburista in vista anke ta' emendi għal diversi liġijiet li ippermettew li Membri Parlamentari jinħatru f 'karigi diversi. Kellna, per eżempju, lil Deo Debattista u lil Manwel Mallia li kienu nħatru Chairperson tal-Awtorità għall- Ħarsien tas-Saħħa fuq il-Post tax- Xogħol, inkella lil Konrad Mizzi li hekk kif tkeċċa minn Ministru tat- Turiżmu kien inħatar konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu fuq struzzjonijiet speċifiċi tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan kien ġie stabilit anke bħala riżultat ta' investigazzjoni li kienet saret mill- Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fuq talba tiegħi. Kien hemm ukoll numru sostanzjali ta' ħatriet ta' Membri Parlamentari bħala konsulenti f 'diversi rwoli. F'ħin minnhom, kif ġie emfasizzat mill- Kummissarju għall-Istandards fil- Ħajja Pubblika f 'rapport tal-2019, tnejn minn kull tliet backbencher Parlamentari kellu jew kellha xi ħatra jew kuntratt mas-settur pubbliku. Mhiex funzjoni ta' Membru Parlamentari li jagħti l-pariri lid-Dipartimenti tal-Gvern jew lil xi awtorità pubblika, anke meta jkun (jew tkun) kkwalifikat biex jagħmel dan. Il-Membru Parlamentari qiegħed hemm biex jilleġiżla, biex iħares il-fondi pubbliċi kif ukoll biex jassigura li l-Gvern tal-ġurnata jagħti kont ta' għemilu kontinwament. Dan hu obbligu ta' kull wieħed u waħda mill-Membri Parlamentari. Tul is-snin il-Parlament wera li kien inkapaċi li jagħmel dmiru u riżultat ta' hekk, il-Kabinett, li qiegħed jikber kontinwament b'mod esaġerat, ħassu liberu li jagħmel li jrid, għax jaf li effettivament ħadd ma kien qed jitolbu kont ta' egħmilu. Il-Membri Parlamentari tagħna huma part-timers. L-impieg ewlieni tagħhom jeħdilhom ħinhom u l-enerġija tagħhom. Riżultat ta' hekk nistgħu ta' kuljum naraw parlament ineffettiv b'membri parlamentari bħal Rosianne Cutajar ifittxu impiegi fantażma, u dan sakemm ma tkunx qed tagħmilha ta' sensara tassisti fil-bejgħ tal-propjetà u ddaħħal xi kummissjoni! Wasal iż-żmien li l-Membri Parlamentari jagħmlu xogħol tal- parlament biss u xejn iktar. Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo Dritt tar-Risposta: Fl-artiklu tiegħu dwar il- proġett ta' Villa Rosa, Carmel Cacopardo jagħmel numru ta' argumenti li jistħoqqilhom tweġiba. L-ewwel nett, jargumenta li l-kosta hija tal-pubbliku u m'għandhiex tintmess jew tiġi intensifikata. Bħala s-sidien tas-sit ta' Villa Rosa wara l-Bajja ta' San Ġorġ, naqblu li l-bajja għandha titħalla mhux mittiefsa. Fil-fatt qed nipproponu li l-art privata tagħna nbiddlu fi kważi 11,000 sqm ta' spazju miuħ pubbliku. Minflok nimponu ruħna fuq il-kosta, qed nagħtu aktar spazju lill-pubbliku biex igawdi din il-kosta. Cacopardo jargumenta li f 'Malta, "l-art pubblika qed tkun kontinwament ittrasformata fi profitti għas-settur privat". F'dan il-każ, qed jiġri bil- maqlub. Art privata qed tingħata għall-użu pubbliku, filwaqt li l-manutenzjoni se jsir għall-ispiża tas-sidien tas-sit. Cacopardo jidher li jiddubita wkoll il-vijabbiltà ekonomika ta' dan il-proġett turistiku minħabba n-numru ta' wasliet turistiċi f 'Malta. Dan ir-riskju ekonomiku qed jinġarru bis-sħiħ aħna bħala żviluppaturi ta' dan is-sit. Aħna konvinti li billi naħdmu ma' wħud mill-aqwa ditti fid-dinja, inkluż waħda mid-ditti ewlenin tal-arkitettura, qed nipproduċu proġett ta' klassi dinjija li se jattira kwalità ġdida ta' turist lejn Malta. Mhux biss nistennew li nilħqu l-miri tagħna, iżda nemmnu wkoll li se ngħinu lil Malta tattira infiq turistiku ogħla b'inqas turisti, xi ħaġa li ilha missjoni nazzjonali għal għexieren ta' snin. Anton Camilleri Garnet Investments Limited