Illum previous editions

ILLUM 30 April 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1498222

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 19

11 opinjoni illum • IL-ĦADD 16 TA' APRIL 2023 editorjal illum • IL-ĦADD 30 TA' APRIL 2023 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Imma x'ċans għall-vittma? Ħ afna rrabjaw meta l-ġimgħa li għaddiet il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Yana Stafrace tat sentenza sospiża lil raġel li tajjar lil Moira Cauchi, waqt li kienet qed taqsam minn fuq pelican crossing u ħalliha mkissra għal ħajjitha. Dakin- har, is-sewwieq, Renald Aquili- na, kien qiegħed isuq taxi. Mill-fatti li ħarġu fil-Qorti, r-raġel li kien għad kellu 21 sena meta seħħ l-inċident fl-2016, kien qed isuq b'110 kilometri fis-siegħa fix-Xatt tal-Gżira. Cauchi, ta' 50 sena, kienet qed taqsam minn fuq il-pelican light crossing flimkien mal-ħabiba tagħha wara li waqqfu xi karoz- zi, meta ż-żagħżugħ għadda straxnat. Mad-daqqa, l-mara għoliet u spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Fortunatament, il-ħabiba tagħha laħqet għamlet pass lura u ma ntlaqtitx. Madankollu, fil-Qorti ħareġ li l-mara sofriet ġrieħi gravi li kkundizzjonawlha ħajjitha. Ir-raġel tal-vittma xehed fil- Qorti dwar il-qagħda fiżika u medika tal-mara tiegħu u kif l-istess inċident affettwat il- familja kollha. Minn maniġer ta' bank il-mara spiċċat ma tafx tikteb, ma taħdimx fil-kariga li kellha u tbati minn telfien ta' memorja. Il-vittma kellha terġa' titgħallem tagħraf lill-familja, titgħallem tiekol u tagħmel affarijiet bażiċi li lkoll kemm aħna noħduhom 'forgranted' bħal pereżempju, tmur taqdi l-bżonnijiet tagħha. Minkejja dan kollu, l-ogħla piena skont il-Liġi li setgħet tagħti l-Qorti kienet sa sena ħabs. Iżda l-Maġistrat dehrilha li kellha tkun it iktar ħanina u minflok piena effettiva, tat sentenza ta' sena ħabs sospiża għal erba' snin flimkien ma' multa ta' €1,200 u sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin. Meta wieħed iqis is- sitwazzjoni prekarja li tħalliet fiha l-vittma ta' dan l-inċident kappriċċjuż, din il-gazzetta temmen li kien jagħmel iktar sens li kieku l-piena ta' ħabs kienet effettiva. Dan kien każ ta' sewqan perikoluż f 'żona urbana u biex tgħaxxaqha, l-inċident seħħ fuq pelican crossing. Il-Maġistrat stess innutat dan kollu fis- sentenza tagħha iżda dehrilha li kellha tagħti ċans ieħor liż- żagħżugħ. Il-motivazzjoni tal-Maġistrat għas-sentenza sospiża kienet l-età tal-persuna. Riedet tagħtih ċans ieħor mingħajr ma jduq il-ħabs. Min tkessaħ u saq daqslikieku kien qed itellaq ingħata ċans ieħor. Iżda x'ċans ingħatat il-vittma? Min tkessaħ baqa' għaddej b'ħajtu, jmur il-parties u jtella' r-ritratti fuq il-mezzi soċjali qisu xejn m'hu xejn. Fil-fatt, hekk se jibqa' jagħmel wara din is-sentenza, iżda l-futur tal- vittma, jidher li se jibqa' wieħed mimli tbatija. Min-naħa l-oħra l-vittma innoċenti, minn dakinhar tal- inċident għexet ħajja miżera, tipprova tirritorna għal ħajja li kienet taf qabel. U tajjeb li nsemmu wkoll illi din il-ġrajja ta' orrur ma kinitx biss għall- vittma iżda wkoll għall-membri tal-familja tagħha. Meta tara dan kollu, mingħajr ma trid wieħed jistaqsi jekk saritx ġustizzja mal-vittma u mas-soċjetà. Hu minnu li għall- vittma ma tagħmilx differenza x'sentenza waħel is-sewwieq; tbati kienet u tbati se tibqa'. U filwaqt li l-Qrati għandhom juru wkoll il-wiċċ uman meta jiġu biex jaqtgħu s-sentenzi tagħhom, ma jistgħux japplikaw din ir-regola fil-konfront ta' persuni li l-fatti juru biċ-ċar li tkessħu. Sena ħabs effettiva kienet twassal messaġġ qawwi lill-bqija tas-soċjetà li s-sewqan perikoluż u l-qżież fit-toroq għandhom konsegwenzi koroh ħafna. Mhux kull inċident għandu jwassal għall-ħabs imma lanqas m'għandna nqegħdu l-ksuħat u d-dardir fuq l-istess pedestall ta' inċidenti ordinarji, li jistgħu jiġru lil kulħadd. Hawn wisq cowboys fit-toroq li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. U l-Qrati għandhom ikunu sensittivi għal din il- pjaga li tħalli vittmi jaffaċċjaw l-konsegwenzi li għal uħud ibidlulhom ħajjithom għal dejjem. Il-pajjiż jitkaża u jixxokkja ruħu meta xi ħadd imut b'diżgrazzja fit-toroq u bir- raġun għaliex ir-rata ta' mwiet fit-toroq Maltin splodiet is-sena li għaddiet. Iżda hemm ħafna iktar inċidenti li ma jwasslux għall-mewt u mhux bilfors jidhru fuq l-aħbarijiet li xorta waħda iżda joħolqu problemi kbar għall-vittmi u l-familji tagħhom. Irridu nsemmu wkoll ir-realtà ta' dawn il-vittmi li jsalvaw. Dawn jispiċċaw jitilfu ħobżhom għax ma jistgħux jaħdmu aktar. Ikollhom jonfqu l-mijiet f 'kura u mediċini. Vittmi li jibqgħu diżabbli għal ħajjithom kollha. Jeħtieġ li jkun hemm iktar infurzar fit-toroq li jservi ta' diżinċentiv għal min irid ikun a la biebu. Jeħtieġ li l-infurzar jinħass u l-awtoritajiet ġudizzjarji – it-tribunali lokali u f 'xi każijiet anki l-qrati – japplikaw il-pieni skont il-Liġi mingħajr tidwir tal-lewża, speċjalment fil-konfront ta' min hu bully. Magħdud ma' dan jeħtieġ tagħlim għal kulħadd dwar ir-regolamenti tas-sewqan u l-mod ta' kif wieħed iġib ruħu jekk qed juża t-triq. L-inċidenti dejjem se jibqgħu jiġru. Iżda b'iktar ħsieb, ħafna azzjoni u deċiżjonijiet iebsa fejn hemm bżonn, forsi jkollna ħafna inqas vittmi li jsofru minn problemi serji minħabba inċidenti fit-toroq.

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 April 2023