Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1501167
13 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 11 TA' ĠUNJU 2023 • illum Fi żmien meta l-prezz tal-ivvjaġġar għola u qed jitqies bħala parti mill-problema tat-tibdil fil-klima, Elena Cardona tissuġġerixxi mod nadif ta' vjaġġar. Vjaġġi rħas Xi minn daqqiet, aħna l-kbar naħsbu li t-tfal huma limitati fil- ħsieb jew ir-raġunar tagħhom. Nibżgħu li jekk niddiskutu magħhom temi u suġġetti tqal dawn iħawdu lit-tfal, igerfxu l-mod ta' kif jaħsbu u minflok ikabbru l-għarfien tagħhom jispiċċaw b'sensiela ta' trufijiet li jtaqlulhom moħħhom. Huwa minnu dan? Għandna nillimitaw lit-tfal milli jkunu midħla ta' aspetti u temi kurrenti? Nemmen f 'żewġ affarijiet: lit- tfal qatt m'għandek iċċaħħadhom milli jkunu jafu l-verità u li kollox għandu jsir f 'ħinu u f 'waqtu. Lit- tfal m'għandekx tigdbilhom, anzi b'paċenzja, dedikazzjoni u mħabba tfehemhom billi tuża l-lingwaġġ tagħhom fuq kwistjonijiet kurrenti bħal gwerer, sfruttar tal-ambjent u n-nies, l-identità tal-persuni jew fuq affarijiet personali u familjari bħal mard, firdiet jew abbużi fil- familja. F'sitwazzjonijiet bħal dawn il-verità u s-sempliċità huma l-isbaħ affarijiet għaliex iserrħu moħħ it- tfal, mingħajr il-ħtieġa li jfittxu r-risposti waħedhom u jispiċċaw b'risposti żbaljati u mhux kompluti. Hekk jagħmel l-awtur Noel Tanti, fil-ktieb tiegħu Fil-Kamra ta' Jonas, illustrat minn Matt Stroud u ppubblikat minn Merlin fl-2018. Permezz ta' storja fantastika u suspans kontinwu, Tanti jindirizza perjodu partikolari li kien qiegħed jgħaddi minnu Jonas, tifel imfarfar, li jsibha bi tqila biex jobdi lil ommu. Għoġobni immens dan il-ktieb għaliex l-awtur mhux biss ilaqqagħna mar-realtà li jinsab għaddej minnha Jonas – bħalissa hu mifrud minn missieru għax dan jinsab il-ħabs, imma wkoll jiddeskrivi b'reqqa kif iħossu Jonas. Il-protagonista jħossu frustrat f 'din is-sitwazzjoni li jrid imur f 'kamartu fit-tmienja ta' filgħaxija għax jaf illi kieku kien hemm il-papà l-affarijiet kienu jkunu differenti. Il-mod kif Jonas jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu jġib lill-qarrejja konxji – f 'dan il-każ lit-tfal iżda tgħodd ukoll għall-kbar – li kulħadd jgħaddi minn żmien fejn iħossu frustrat, imdejjaq u mbikkem. Il- qarrejja ċkejkna jistgħu jassoċjaw ruħhom ma' Jonas għax xi darba jew oħra żgur li ħassewhom bħalu. Jirrealizzaw li ma fiha xejn ħażin li tħossok mhux tajjeb għax din hi xi ħaġa normali u dawn is-sentimenti jħosshom kulħadd. Imma bi it rieda tajba kapaċi tħossok aħjar bħal Jonas. Apparti mill-element realistiku li fih dan il-ktieb, jiġru wkoll affarijiet imsaħħrin. Kemm is-sodda, kif ukoll il-ħuta jibilgħu lil Jonas. X'waħda din! Fejn jispiċċa Jonas? Jeħles minn taħt idejn is-sodda u l-ħuta? Barra minn hekk, laqtitni wkoll il-qoxra tal-ktieb. Dan il-ktieb kont ilni narah għand tal-ħwienet tal-kotba u fuq is-sit ta' Merlin, però qatt ma kont ħarist u wisq iktar ħsibt fuq il-qoxra u t-titlu. Innutajt li l-qoxra ta' quddiem hi ddominata minn Feliċ, il-ħuta oranġjo ta' Jonas, li fl-istorja Tanti jgħidilna li kienet bil-ġuħ. Tgħid għalhekk tibla' lil Jonas jew għax trid twasslu xi mkien? Il-ħuta b'ħalq daqsiex u Jonas iwerżaq u jitħabat għax imwerwer ifakkruni fil-profeta Ġona u l-ħuta kbira – xi wħud isejħulha balena – li wieħed isib fit-Testment il- Qadim. Il-profeta Ġona ma riedx li jmur Ninwè jgħallem lin-nies t'hemmhekk għax dawn kienu ħżiena u għedewwa ta' Iżrael. Iddeċieda li jaħrab u qabad dgħajsa lejn Tarsis. Minħabba li ħakmithom maltempata, l-ekwipaġġ tad- dgħajsa ddeċidew li jitfgħu lil Ġona l-baħar u b'hekk tieqaf il- maltempata. Imbagħad tibilgħu l-ħuta l-kbira. Wara tlett ijiem ta' talb, maħfra u tifħir lil Alla, il- ħuta tobżoq lil Ġona fuq ix-xtajta ta' Ninwè. Tgħid Jonas jibilgħu Feliċ għax ma jobdix lil ommu? U fejn jobżoq Feliċ lil Jonas? Veru li l-post fejn jispiċċa Jonas hu ikrah u mudlam imma Jonas ikollu sorpriża u jieħu tagħlima. Fittxu aqrawh ħa taqtgħu l-kurżità. Ġibditli l-attenzjoni t-tipa tal- kliem. Kważi kważi l-kliem jibda jiċċaqlaq minn fuq il-paġna u jkun irid jaqbeż mill-paġni tal-ktieb. L-awtur juża tipa kbira, bil-grossett jew differenti biex jgħin lill-qarrejja fejn ipoġġu l-enfasi waqt il-qari ħalli jkollhom tonalità aħjar. Meta Feliċ ikun bil-ġuħ u jibda jdur ċrieki mal-vaska, l-istess tagħmel il-kelma 'iddur' – il-kelma ddur biex issir tixbah lill-moviment tal-ħuta. Meta s-sodda u Feliċ jibilgħu lil Jonas, il-paniku u t-tensjoni jinħassu fil- kliem miktubin b'ittri kapitali u qegħdin jixxenglu 'l isfel. L-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sensi huma miktubin bil-korsiv u meta Jonas ikun tiela' t-taraġ ta' kamartu u jibda jgħodd it-turġien, in-numri wkoll huma miktuba mtarġa. Ta' min jinnota li l-kliem hu miktub bl- iswed jew l-abjad, li joħloq kuntrast tajjeb mal-illustrazzjonijiet. Anke l-pożizzjoni ta' fejn qiegħed stampat il-kliem iġiegħel lill-qarejja jiffukaw fuq id-dettalji tal-illustrazzjonijiet. It-tieni ktieb li għażilt inzerta wkoll għandu l-illustrazzjonijiet ta' Matt Stroud. Il-Ħamiem ta' Matty ta' David Aloisio hu dwar Matty u n-nannu tiegħu. Darba n-nannu jiddeċiedi li jixtri par ħamiem lil Matty minn fuq il-monti. Il- ħamiem, Bżara u Melħa kienu ħbieb kbar ta' Matty sakemm jiddeċiedu li jesploraw id-dinja. Tgħid jerġgħu jiġu lura lejn il-gallinar tagħhom? U kif ikun iħossu Matty? Dan il-ktieb ippubblikat fl-2017 minn Klabb Kotba Maltin hu mmirat għal dawk t-tfal li diġà mħarrġa sew fil-qari jew inkella biex il-kbar jaqraw din l-istorja lit-tfal. Waqt li kont qed naqra dan il-ktieb, bdew ġejjin sensiela ta' memorji li kelli man- nanniet tiegħi meta kelli l-istess età ta' Matty. Kemm konna nieklu frejjeġ flimkien imma mhux tal- bajd tal-ħamiem. Barra minn hekk, it-tfal isiru konxji ta' dar tipika Maltija, li l-karatteristiċi tagħha kważi nqerdu mis-soċjetà tagħna. Ikolli nistqarr li minkejja li dan hu ktieb għat-tfal xorta rnexxieli nitgħallem xi ħaġa fuq il-ħamiem u t-trobbija tagħhom. Biex il-ħamiem ma jaħarbux dawn iqasqsulhom it-tarf tal-pinen. Hekk jagħmel in- nannu ta' Matty ħalli meta n-neputi jkun jilgħab mal-ħamiem, huma jtiru biss fil-baxx. Fil-vertità din il- prattika toħloq dibattitu kbir fost dawk li huma favur l-annimali u jħobbu lill-għasafar. Hawn min iqis dan l-att bħala stressanti u li jaffettwa psikoloġikament lill- għasfur tant li dan jaqbad il-vizzju li jintef rixu stess. Oħrajn jgħidu li jekk il-pinen ikunu imqasqsin b'mod tajjeb, l-għasfur ma jsofrix u ma jbatix. Imma x'jiġri meta fil-ħarifa Bżara u Melħa jbiddlu r-rix u jindunaw li r-rix tagħhom reġa' ġie sħiħ? Ovvjament dawn ħadu l-opportunità biex itiru 'l fuq mill- ħitan għolja tal-bitħa. Melħa u Bżara għandhom karattri kuntrastanti: Melħa hi l-avventuruża waqt li Bżara hi marbuta ma' Matty. X'jaraw fil-vjaġġ tagħhom 'il bogħod mill-bitħa tan-naffar? U x'kellha speċjali l-ħolma ta' Matty? Il- pinen il-ġodda ta' dawn il-ħamiem ġegħluni naħseb kemm xi kultant aħna l-bnedmin nixbhu lil dawn il-ħamiem. Jiġu mumenti f 'ħajjitna li minħabba xi ċirkostanzi jew xi nies madwarna nħossu l-libertà tagħna tonqos u titnaqqar. Ma nkunu nistgħu mmorru mkien u bħal donnu nistaġnaw f 'xi episodju partikolari. Imma meta l-affarijiet jinbidlu u nkunu kurraġġużi bħal Melħa nerħulha biex nesploraw id- dinja. Fost il-ħafna kwotazzjonijiet tiegħu dwar il-qari, Dr Seuss jgħid li iktar ma taqra iktar tkun taf affarijiet, u li iktar ma titgħallem iktar tmur f 'postijiet. Dan kollu jista' jsir mill-kumdità ta' darek jew mill-post favorit tiegħek fejn taqra. Għalhekk aqraw dawn iż-żewġ kotba biex titilqu fi vjaġġ fejn is- sodda tittewweb u titmattar u forsi l-ħuta tibla' lilek ukoll u tieħdok f 'post maġiku. Jew inkella ttir fuq widien, siġar u ibħra ma' Melħa u Bżara. Il-ktieb hu vjaġġ li jqum it flus. Gawdih!