Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1501167
04 aħbarijiet IL-ĦADD 11 TA' ĠUNJU 2023 • illum "Il-ħtieġa ta' din il-protesta tmur 'lil hinn mill-partiti politiċi." Hekk qal tas-Sindku ta' Ħal Qormi, Josef Masini Vento, wieħed mill-sindki Laburisti li attendew il-protesta kontra l-isfreġju ambjentali u l-iżvilupp bla rażan, bl- isem ta' 'Xebbajtuna!' B'mod notevoli, apparti Masini Vento kien hemm ukoll Conrad Borg Manché u Paul Buttigieig, żewġ sindki oħra Laburisti magħrufa għall-ġliediet rispettivi tagħhom biex jippreservaw l-ambjent fil- lokalitajiet tagħhom. Il-protesta nazzjonali ġiet organizzata minn Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, BirdLife Malta, Għawdix, Ramblers Association Malta, Nature Trust – FEE Malta u Friends of the Earth Malta. Il- protesta kellha wkoll l-appoġġ ta' 80 gruppi ta' residenti, studenti, għaqdiet kulturali u NGOs u 'l fuq minn 250 akkademiċi. Masini Vento stqarr li meta kien preżenti fil-protesta, ma rax Laburisti u Nazzjonalisti, iżda ra x-xellug. Fil-fatt, f 'kummenti lill-ILLUM, huwa qal li din il- protesta hija xhieda li l-forzi tax- xellug f 'Malta qawwew qalbhom, hekk kif ir-rabja lejn l-Awtorità tal-Ippjanar u d-deċiżjonijiet kollha li qed iwasslu għal sfreġju ambjentali hija waħda maqsuma mis-soċjetá Maltija kollha. Dan, qal Masini Vento, "huwa magħruf min-nies tal-lokalitá tiegħi," hekk kif Ħal Qormi hija fost l-irħula u bliet Maltin li qed iħossu l-impatt tal-iżvilupp bla rażan. Fl-2020, minkejja pandemija globali, Ħal Qormi rat it-tielet l-aktar permessi ta' bini jiġu approvati, b'296 permess approvat. B'rabta mal-isfreġju ambjentali u żvilupp bla kontroll, is-Sindku Qormiż iddeskriva l-pjanijiet lokali tal-2006 bħala l-bidu ta' dak li qed jesperjenza Malta u Għawdex illum, iżda nnota li wieħed ma jistax ikompli jinħeba wara dawn il-pjanijiet bħala skuża biex ma jsir xejn. Fil-lokalità li jirrappreżenta hu f 'Mejju li għadda, Masini Vento kien stqarr li l-Kunsill Lokali Qormiż ma kienx se jibqa sieket quddiem il-qerda ambjentali kontinwa li qed jhedded lil dan ir-raħal, b'referenza għaż- żona magħrufa bħala n-naħa ta' Farsina. Hawn, anke permezz ta' filmat fuq il-midja soċjali, stqarr li l-kunsill, flimkien mar-residenti, se jieħdu l-passi kollha meħtieġa u jużaw l-għodda legali kollha li għandhom sabiex jipproteġu din l-art. L-Awtorità tal-Ippjanar kienet qatgħatha li din l-art riedet tinbena akkost ta' kollox, iżda Masini Vento kien stqarr li, "f 'dawn l-inħawi u żoni oħra fir- raħal, se jkun hemm reżistenza, biex il-it ambjent li fadal f 'Ħal Qormi jkun protett." Fil-fatt, is-Sindku Qormiż qal li kien sopriż iżda sodisfatt bl- ammont kbir ta' persuni mill- lokalità tiegħu li esprimew ir- rabja tagħhom fil-protesta. Stqarr ukoll li l-ammont kbir ta' Laburisti preżenti fil-protesta huwa xhieda li l-affarjiet mhux qed isiru kif suppost. Filwaqt li nnota li l-istess partit li jirrappreżenta hu qiegħed fil- Gvern, saħaq fuq il-bżonn li l-affarjiet jinbidlu għall-aħjar permezz ta' azzjoni u bidla, hekk kif il-prinċipji ta-Partit Laburista huma prinċipji favur il-ħarsien tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Minkejja l-folla numeruża li attendiet il-protesta nazzjonali, deċiżjonijiet għad-detriment għall-ambjent, xorta baqgħu jittieħdu. Jiem biss wara l-protesta, il-Qorti approvat proġett massiċċ ta' DB Group f 'Pembroke, filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat żvilupp fuq art agrikola fiż-żona tan-Nigret fiż-Żurrieq. Dawn id-deċiżjonijiet kienu suġġetti wkoll għal rabja minn residenti u għaqdiet favur l-amjent fost l-oħrajn. Minkejja dan, l-istess sentiment ta' dawn l-għaqdiet u r-residenti, Josef Masini Vento tenna li l-ġlieda kontra dan l-isfreġju se tkompli. 'Il-ħtieġa tal-protesta kontra l-iżvilupp bla rażan tmur lil hinn mill-partiti politiċi' - is-Sindku ta' Ħal Qormi Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Sindku Laburist ta' Ħal Qormi, Josef Masini Vento li attenda l-protesta nazzjonali 'Xebbajtuna', fejn stqarr li din il-protesta hija xhieda ta' bżonn ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu biex issir ġustizzja mal-ambjent u l-poplu Malti Josef Masini Vento kien voċiferu kontra d-deċiżjonijiet tal-ippjanar li qed jittieħdu madwar pajjiżna, u stqarr li din il-ġlieda hija waħda ta' kulħadd, irrispettivament mill-partiti politiċi