Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1505127
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 6 TA' AWWISSU 2023 • illum Waħda mill-mistednin ewlenin tal-Festival ta' dis-sena hija Claudia Gauci, poeta, traduttriċi u għalliema tal-Malti. Mixja max-Xatt li tieħdok il-Forti Sant'Iermu Wieħed mill-iktar avvenimenti letterarji importanti huwa l-Festival Mediterranju tal- Letteratura ta' Malta. Imniedi minn Inizjamed fl-2006, dan il-Festival għen mhux it sabiex tissawwar kultura letterarja iktar sana u b'saħħitha permezz tat-tlaqqigħ ta' kittieba lokali ma' kittieba barranin. Il-Festival jinkludi diversi attivitajiet bħal workshops tat-traduzzjoni, Palk Ħieles, diskussjonijiet, intervisti u qari mill-awturi mistiedna. Waħda mill-mistednin ewlenin tal-Festival ta' dis-sena hija Claudia Gauci, poeta, traduttriċi u għalliema tal-Malti. Ippubblikat żewġ ġabriet tal-poeżija: Sekonda qabel tqum (Edizzjoni Skarta, 2012), li kiseb it-tieni post tal- Premju Nazzjonali tal-Ktieb; u Max-Xatt tat-Tamarisk (Kotba Calleja, 2022), innominat għall- istess premju tal-2023 u bħalissa fil-lista finali. Barra minn hekk, ittraduċiet diversi kotba għat-tfal, bl-aħħar wieħed ikun Orkubellu ta' Fabrizio Silei (Merlin Publishers, 2022). Claudia ġentilment laqgħet l-istedina tiegħi għal din l-intervista. Is-sena l-oħra ħriġt ġabra ta' poeżiji jisimha Max-Xatt tat- Tamarisk. Għaddew għaxar snin mill-aħħar pubblikazzjoni tiegħek. Kif inbdilt minn dak iż- żmien? Kif inbidlet il-kitba? Inbdilt u allaħares le. F'dawk l-għaxar snin qrajt iktar, ġarrabt iktar u tgħallimt iktar. Ma stajtx nibqa' l-istess. Fejn tidħol il- kitba, dejjem nipprova nżomm f 'moħħi xi nkiteb diġà u kif qed isseħħ il-kitba llum. Naħseb li, rifless taż-żmien t'issa, il-poeżija tiegħi hija iktar fluwida ħdejn l-ewwel ġabra. L-istil huwa iktar fluwidu. Fit-tieni ġabra kont iktar konxja minn kif qed nikteb: ekonomizzajt iktar fil-kliem, evitajt b'ċerta saħħa l-klixejiet u r-repetizzjonijiet u fuq kollox, naħseb li ppruvajt inkun iktar jien. Xi ttik il-poeżija li ma jagħtukx forom ta' espressjoni oħra? Ittini spazju li fih, għalkemm fil-qosor, inħossni dejjem komda. Insib l-isfida li nesplora l-kelma u nużaha bl-aħjar u l-isbaħ mod letterarju kemm jista' jkun. Il-poeżija nħossha taqdini tajjeb ħafna meta niġi biex nikteb mumenti, aneddoti, emozzjonijiet, tiiriet li huma kollha parti minni jew li b'xi mod ħallew marka fuqi: mumenti, bħan-nifs li nieħdu l-ħin kollu, qosra imma sinifikanti ħafna. Il-kitba tal-poeżija hija eżerċizzju intimu ħafna. Kif tinnaviga l-linja bejn l-espressjoni personali u l-universalità fil-poeżiji tiegħek? Naħseb li l-personali, fil-fatt, huwa universali. Dak li għandi xi ngħid jien, b'xi mod jew ieħor, se jħalli reżonanza ma' ħaddieħor. Għalhekk inħoss li dak li għandi f 'moħħi għandi nittraduċih f 'kelma miktuba li tkun kemm jista' jkun aċċessibbli. Taqsam magħna poeżija minn Max-Xatt tat-Tamarisk li sibtha diffiċli immens biex tikteb, u għaliex? Naħseb waħda minn dawk id-diffiċli kienet "Kif ħassejtek dakinhar li ttawwaltlek?" li titkellem fuq il-maternità. Ħafna nies jirromantiċizzaw dan il- perjodu partikolari fil-ħajja ta' mara imma mhuwiex il-każ li dejjem u kollox ikun perfett. Anzi! Iktar milli nikteb fuq esperjenza personali iktar xtaqt nuri li jekk xi nisa jġarrbu esperjenza kerha, minfok sabiħa, meta jsiru ommijiet, m'għandhomx iħossuhom ħatja. Il-poeżija tinqara minn numru ristrett ta' qarrejja. Anki barra minn Malta, ma tantx tara ġabriet ta' poeżija fil-listi tal-kotba li l-iktar jinbiegħu. Għalfejn taħseb li hu dan? Forsi l-poeżiija mhix għal kulħadd? Aktarx li l-poeżija mhix għal kulħadd. Inħoss li hija għal min jogħxa jara l-kelma użata b'modi differenti, jaraha tiġġebbed u tittrasforma ruħha biex toħloq dinjiet oħra. Huwa eżerċizzju partikolari ħafna, inħoss, kemm biex tiktibha u kemm biex taqraha. Jien, bħala għalliema wkoll, naffaxxina ruħi kif kull darba li naqra poeżija dejjem niskopri xi ħaġa li tkun ħarbitli fiha. Taħseb li l-poeżija għandha użu pedagoġiku? Għadni kif semmejt li ngħallem imma, fil-fatt, niddejjaq ħafna ngħid ngħallem il-poeżija. Il- poeżija ma naħsibx li tista' tgħallimha jew wisq inqas titgħallimha. Fl-istess ħin, ma tistax ma tippreżentahiex lill- istudenti bħala parti importanti ħafna mill-pakkett letterarju li, jekk xejn, għall-inqas ikunu jafu li teżisti. Hemm poeżija miktuba speċifikament għat- tfal u jsiru ħafna tentattivi tajbin f 'pubblikazzjonijiet varji. Hemmhekk, jista' jkollna l-opportunità li nippreżentaw dinja attraenti lit-tfal permezz tal-poeżija. Dan l-aħħar qrajt xi ġabra li laqtitek b'mod partikolari? Qrajt C+nto & Othered Poems ta' Joelle Taylor li hija wkoll waħda mill-kittieba mistednin għall-Festival Mediterranju tal- Letteratura ta' Malta ta' din is- sena. Int waħda mill-mistiedna prinċipali tal-Festival. X'qed tistenna minn din l-esperjenza? X'għandu jistenna min jattendi l-festival? L-ewwel nett ħerqana li nipparteċipa fil-workshops tat- traduzzjoni li jsiru kull sena għal tlieta, erbat ijiem sħaħ eżatt qabel l-iljieli tal-festival. Meta tittraduċi lil kittieba oħra, mhux talli tiskoprihom u tapprezzahom iżjed iżda huwa wkoll eżerċizzju fantastiku għal min qed jittraduċi. Itik id-dixxiplina u fl-istess waqt il-gost kbir li tilgħab bil-kelma u toħloq dinjiet li ma kinux tiegħek, primarjament, iżda li bil-lingwa ġdida li qed tlibbishom isiru poeżija ġdida. Min se jattendi għandu jistenna atmosfera sabiħa immens, qari ta' poeżiji minn kittieba li din is-sena inzertaw kollha nisa. Għandu wkoll jistenna li jisma' poeżiji moqrija f 'ilsna oħra, mhux bil-Malti jew bl- Ingliż biss. Se jkun hemm intervista interessanti ma' Adania Shibli, kittieba mill-Palestina. Se jkun hemm ukoll mużika, ikel u xorb u fl-aħħar nett ma nistax inħalli barra l-bejgħ tal-kotba, fosthom il-kotba tal-awturi mistiedna. Is-serati finali tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta se jsiru bejn l-24 u s-26 t'Awwissu fil-Forti Sant'Iermu ġewwa l-Belt Valletta. Il-biljetti jinkisbu minn https://www. showshappening.com/inizjamed/ fmlm23.