Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1506015
aħbarijiet 07 IL-ĦADD 20 TA' AWWISSU 2023 • illum Il-problema tal-iskart fl-eqqel tal-istaġun turistiku jagħti l-agħar riklam għal pajjiżna Tkompli minn Paġna 1 Is-sitwazzjoni jidher li saret waħda drastika, tant li wħud qed jirrikorru għal miżuri drastiċi sabiex jindirizzaw il-problema serja ta' żibel fuq il-bankini, fit- toroq u fil-kampanja. Fost in- nies li kellhom jieħdu azzjoni biex jimmitigaw din il-problema, għalkemm dan m'huwiex xogħolhom, kien hemm is-Sindku ta' Ta' Sliema John Pillow. Fuq il- midja soċjali, Pillow saħansitra deher jiġbor l-iskart minn mal-art u jieħdu lura għand min remih barra, sabiex juri kemm hi faċli li l-uffiċjali tal-infurzar jagħmlu xogħolhom. Pillow, kif ukoll il-Membru Parlamentari Eve Borg Bonello, it-tnejn tellgħu filmati fuq il-paġni mal-midja soċjali rispettivi tagħhom sabiex juru diżapprovazzjoni lejn is- sitwazzjoni kurrenti, bil-filmat ta' Borg Bonello saħansitra juri ġrieden fost munzelli ta' żibel f 'żoni urbani. Intant, il-bogħod miż-żoni urbani, jidher li l-problema tibqa' eżistenti, hekk kif l-għaqda Nadur Nadif ukoll ħarġet stqarrija sabiex tilmenta fuq l-ammont ta' skart li qed ikun hemm fuq Kemmuna. Filwaqt li apprezzaw l-isforzi ta' min inaddaf iż-żona sabiex jiprovaw iżommuha nadifa, saħqu li dawn mhux qed ilaħħqu mal- volum li qed jiġi prodott ta' kuljum. Din il-problema, għalkemm issa qed tiddomina bosta lokalitajiet madwar il-pajjiż, ġejja minn numru ta' fatturi differenti li ilhom jakkumulaw għal żmien twil. Fosthom, wieħed jinnota li l-problema ta' żibel mormi bl- addoċċ qed tgħolli rasha fix-xhur tas-sajf, b'mod speċjali f 'żoni turistiċi. Dan żgur mhux forsi jorbot mal-fatt li bħalissa, waqt l-eqqel tal-istaġun turistiku, hawn eluf kbar ta' persuni jgħixu f 'Malta li ma jkunux f 'pajjiżna f 'xhur oħra. Fil-fatt, it jiem ilu l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kien ħareġ stqarrija fejn intqal li nqabeż ir-rekord ta' persuni li għamlu użu mill-ajruport, liema rekord inqtqabeż b'aktar minn 25,000 passiġġier. Apparti dan, kien ġie mbassar ukoll li f 'jumejn minn Awwissu, l-ajruport kellu jara aktar minn 32,000 persuna f 'kull jum. L-impatt tat-turisti fuq din is- sitwazzjoni tista' tiġi kkonfermata bil-każ ta' Kemmuna, fejn tħabbar li din il-gżira, tiġġenera aktar minn elfejn borża taż-żibel kull ġimgħa fl-eqqel tas-sajf. Ikkonferma dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li fuq Facebook innota li l-Bajja ta' Santa Maria u anke Blue Lagoon jitnaddfu tliet darbiet kuljum minn skart li jiġġeneraw kull min iżur din il-gżira protetta. Minkejja din ir-realtà, tkun inġustizzja jekk wieħed jitkellem fuq il-problema tar-rimi ta' skart bl-addoċċ u jsemmi biss it-turisti, hekk kif huwa fatt magħruf li l-Maltin għandhom tort ukoll f 'din is-sitwazzjoni. Xhieda ta' dan huwa ż-żibel li wieħed isib mormi fl-għelieqi u fil-kampanja, apparti f 'żoni residenzjali oħra. B'mod xokkanti, anke fil-belt kapitali ta' pajjiżna jidher li m'hemx biżżejjed għaqal u infurzar fost ir-residenti, hekk kif fid-19 t'Awwissu, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit wera ritratt ta' ras ta' ħanżir mormi f 'borża taż-żibel imqatta fuq bankina. Dan kollu qed iwassal għal numru ta' problemi, fosthom marbuta mal-indafa, iżda wkoll problemi li għandhom x'jaqsmu ma' pajjiżna bħala prodott turistiku li qed jitlef is-sbuħija tiegħu fost dawk li jżuruh. Fil-fatt, numru ta' turisti wrew l-iskuntentizza tagħhom b'pajjiżna minħabba din il-problema permezz ta' kummenti fuq pjattaformi tal- midja soċjali. Dan ifisser li turisti prospettivi li jkunu qed jaħsbuha jqattgħux ħinhom f 'Malta, ikunu jistgħu jaraw dawn il-kummenti, fejn fosthom hemm tgergir dwar l-indafa u l-volumi kbar ta' nies. Soluzzjoni ta' din il-problema li sabet ruħha f 'kull kantuniera tal-gżejjer Maltin hija l-infurzar effettiv, li apparti l-kampanji tal- edukazzjoni li kienu u għadhom għaddejjin, ikun hemm ukoll kastigi neċessarji għal min ma jimxix mar-regoli. Bħalissa, jidher li minkejja n-numru ta' entitajiet inkarigati bl-infurzar tal-indafa, dan mhux biżżejjed.