Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1509677
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 15 TA' OTTUBRU 2023 • illum Noel Tanti jitlaq għal għonq it-triq flimkien ma' sensiela ta' għanjiet dwar il-Camino de Santiago. Pass wara pass Il-mixi minn dejjem kien meqjus bħala attività li tmur lil hinn mis-sempliċi traġitt minn lokalità A sa lokalità B. Minkejja li l-aspett utilitarju tal-mixi huwa bżonnjuż għax dejjem għandna xi mkien fejn immorru, meta l-mixi jingħaqad mal-idea tal-vjaġġ jieħu xejra oħra: il-mixi jsir proċess intern li jżewweġ il- fiżiku, il-mentali u l-ispiritwali. Il-pellegrinaġġi huma vjaġġi li jħaddnu sinifikat reliġjuż u li ħafna drabi jinvolvu żjara ta' siti sagri jew postijiet ta' importanza storika. Wieħed mill-iktar pellegrinaġġi popolari llum il-ġurnata huwa l-Camino de Santiago li kien ġie stabbilit fil- bidu tas-seklu disgħa. Ir-rotot jitilqu minn Spanja, Franza u l-Portugall, u kollha kemm huma jwasslu għall-Katidral ta' Santiago de Compostela fil- Galizja, fil-Majjistral ta' Spanja, fejn jingħad li hemm miżmuma l-fdalijiet ta' San Ġakbu l-Kbir (iben Żebedew). Kull sena, mijiet ta' eluf ta' pellegrini jidħlu għal din l-isfida bil-pass, bir- rota jew mezzi oħrajn, minn belt għal oħra, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, sakemm jaslu l-Katidral. Alex Vella Gregory għamel il-Camino Franċiż, li jitlaq minn Saint-Jean-Pied-de-Port, raħal ċkejken biswit il-Pirenej. Il-mixjiet tiegħu ġabarhom f 'Codex Melitensis (Klabb Kotba Maltin, 2022), sensiela ta' għanjiet li jesprimu l-ħsibijiet u l-meditazzjonijiet tiegħu tul dan il-pellegrinaġġ. Il-ktieb huwa mqassam b'mod rigoruż, qisu biċċa xogħol mużikali. Għandek prologu u epilogu b'żewġ partijiet kull wieħed u, bejniethom, il-parti li tiġbor fiha l-maġġoranza tal- għanjiet. Hemm għanja għal kull ġurnata mixi, bid-data u l-post imniżżlin, u antifona qabel kull waħda. Il-qoxra hija awstera, sewda, bit-titlu u isem l-awtur bl- abjad. Bajda wkoll hija x-xbieha eleganti tal-arzella magħrufa bħala l-Pellegrina, simbolu tal-Camino. L-isem 'Codex Melitensis' jista' jiġi tradott bħala 'Ktieb Malti', bil-kelma 'codex' tirreferi għall-ewwel forom ta' kotba li għandna, paġni ta' manuskritti meħjutin flimkien bl-idejn. Ħafna minnhom kienu testi reliġjużi. Kollox ma' kollox, nistgħu ngħidu li Vella Gregory ħoloq tip ta' missal/djarju li fih ġabar l-esperjenza tiegħu tal- Camino. Il-Camino jattira firxa wiesgħa ta' nies bi twemmin u motivazzjonijiet varji. Pereżempju, hemm min jarah bħala opportunità sabiex jagħmel ħbieb ġodda u jwitti d-differenzi kulturali. Hemm ukoll dawk li jqisuh biss bħala sfida fiżika ('Ant. 15 – Iċ- Ċiklist'); il-kurżitarji, li Vella Gregory jsejħilhom 'pellegristi', neoloġiżmu magħmul minn 'pellegrini' u 'turisti' ('Għanja 28 – Illum'); u hemm ukoll dawk li jagħmluha għal skopijiet purament kummerċjali, biex isaħħu r-reputazzjoni tagħhom fuq il-midja soċjali, bħal ngħidu aħna l-influencers ('Għanja 16 – "Influencer" (Għanja Komuni)'). Iżda ħafna pellegrini jsostnu li din il-mixja twila tqanqal il-kontemplazzjoni, l-introspezzjoni u konnessjoni profonda mal-univers, in-natura u d-divin; u ħafna mill-għanjiet ta' Vella Gregory huma propju dwar dawn. F''I – Donostia', għanja li nsibu fil-Preludju, Vella Gregory jindirizza hekk lil dan ir-raħal ċkejken Bask imgezzez mal- kosta viċin il-fruntiera ma' Franza: "Saqajk mal-art, / Rasek mgħollija: / Tifred u twaħħad". Sa minn qabel ma beda l-mixja, Vella Gregory jesprimi l-paradoss li jeżisti bejn l-uman u d-divin. Bħala pellegrin, saqajh huma tabilħaqq imwaħħlin mal- art iżda persuntu tipponta 'l fuq, lejn is-sema, u l-preżenza tiegħu tgħaqqad, tirrikonċilja u tiċċelebra dawn iż-żewġ estremi. Jagħmilha ċara li dak li qed ifittex hija l-ewwel u qabel kollox rabta iktar profonda mat- twemmin tiegħu. Il-vrus infatti jfakkruk fi kliem il-figura ta' Hermes Trismegistus: "As above, so below, as within, so without, as the universe, so the soul." Meta n-natura tal-vjaġġ timplika r-ritorn, il-bidla hija inevitabbli. Bħalma Ulisse kien inbidel huwa u sejjer lura daru f 'Itaka, hekk ukoll Vella Gregory lesta ruħu għal xi tip ta' trasformazzjoni. Fl- ewwel għanja, ir-riħ jieħu s-sembjanzi ta' aġent ta' inizjazzjoni li "Jgħarwnek. / Jaħslek. / Joborxok. / Iqaxxrek. / Isawwar minnek bniedem ġdid" ('Għanja 1 – Il-Magħmudija ta' Roncesvalles'). Vella Gregory kien ippreparat u lest li jeħles mis-saborra u jilqa' l-esperjenza tal-Camino kollha kemm hi, b'dak kollu li ġġib magħha, it- tajjeb u l-ħażin. Fl-aħħar mill- aħħar, il-punt tal-pellegrinaġġi mhix id-destinazzjoni iżda l-għarfien li jinkiseb waqt il- vjaġġ innifsu, wara ħin twil fi stat li jqanqal il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni. Għalhekk il- bidu huwa iktar importanti mit- tmiem. F''Għanja 24 – L-Ewwel Pass', Vella Gregory jisħaq kif minkejja li ma jiftakarx il- ġurnata li fiha, bħala tarbija, mexa għall-ewwel darba, "dak il-pass mal-għabex tat-tmienja ta' Mejju" se jibqa' jiftakru għal dejjem. Meta nitkellem dwar trasformazzjoni jew bidu ġdid, m'iniex qiegħed neċessarjament nirreferi għal episodji kbar li jgħeżżu s-sisien tal-qagħda ġewwiena tiegħek. Ma naħsibx li Vella Gregory ġie lura mill- Camino jiddi qisu Mosè wara li niżel minn fuq is-Sinaj. Ħafna drabi huma l-affarijiet hekk imsejħa 'żgħar' li jbiddlu l-andament ta' ħajtek. Bħal pereżempju l-mod kif tħares lejn id-dinja jew lejn in-nies; x'tgħożż u xi jdejqek; għalfejn tagħmel dak li tagħmel; il-kliem li tuża. Dawn jagħmlu differenza enormi, kemm għalik u kemm għan-nies ta' madwarek, tant li "Meta tiġi lura, ma jagħrfukx" għax "Ser tiġi lura mgħobbi / B'dak li qatt ma tlabt / Iżda teħtieġ" ('III – L-Għasar tal- Pellegrini'). Li ssir konxju ta' dan hija bidla enormi. Allura l-qarrejja ta' Codex Melitensis jistgħu jgħaddu minn din il-bidla? Iva. Kull għanja hija mixja u kull mixja kellha sehem importanti fil-vjaġġ ta' Vella Gregory. Ċkejken kemm hu ċkejken, kull pass huwa bidu jew kontinwazzjoni ta' proċess u din il-ġabra tista' faċilment tkun spunt għal tluq ieħor. Alex Vella Gregory