Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1510124
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 22 TA' OTTUBRU 2023 • illum Elena Cardona taqbad żewġ "kotba rari u prezzjużi" biex tmur lura fl-istorja permezz tal-imaġinazzjoni u tkun xhieda ta' maġija li marret żmerċ "Kotba rari u prezzjużi" Meta joqorbu t-testijiet jew l-eżamijiet spiss nisma' lill- ġenituri jieħdu nifs qawwi li s-suġġetti tar-Reliġjon u l-Istudju Soċjali m'għandhomx għalfejn jistudjawhom ma' wliedhom għax dawn ma baqgħalhomx eżami. Qiegħda nsemmi dan il-punt mhux biex niddiskuti jekk naqbilx jew le mal-eżamijiet, imma wieħed mill-vantaġġi tal-eżami tal-Istudju Soċjali kien li l-istudenti jkunu jafu l-għeruq tagħhom u lid-dinja ta' madwarhom. Veru li dan is-suġġett xorta waħda għadu jiġi mgħallem l-iskola, imma allura t-tfal għaliex mhumiex konxji mill- istorja ta' Malta u mid-dinja ta' madwar? Inħossu li hu dmir kulturali ta' kull wieħed u waħda minna li nkunu konxji tal-istorja tagħna. M'hemmx bżonn ta' xi dettalji kbar - dak xogħol l-istoriċi, imma li tkun taf minn bena l-Belt Valletta jew li l-Ingliżi kienu l-aħħar kolonizzaturi, mhux idea ħażina. Dan kollu jfakkarni f 'Il- Bebbuxu Trumbetta ta' Claudia Aloisio u illustrazzjonijiet ta' Matt Stroud. Dan il-ktieb ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-2022 hu wieħed mill- finalisti fis-sezzjoni Xogħlijiet Oriġinali għal Tfal ta' bejn 8-12- il sena. Il-protagonist hu Sam, li jħobb ħafna l-baħar u dejjem issibu ma' ħuh ikbar minnu Mark, li jissaportih minkejja li jġennu. Sam għandu xewqa waħda – jidħol fit-torri ta' ħdejn il-bajja meta dan ikun miftuħ. Imma x'jiġri meta t-torri jkun miftuħ u Sam jiddeċiedi li jidħol? Kif kienu jgħinu n-nisa f 'xi attakk mill-għadu? Għoġobni immens il- fatt kif Aloisio tamalgama rakkont fittizju ma' elementi storiċi li seħħew f 'pajjiżna u tippreżentahom lit-tfal. L-illustrazzjonijiet ta' Stroud, bħalma aċċennajt f 'reċensjonijiet oħra, huma eċċezzjonali – dejjem jaqblu mat-test, jekk mhux ukoll jagħtu ħajja aktar lill-kliem imferrxa mal-paġni. Il-karattri tal-istorja huma illustrati b'mod mirqum, waqt li l-kuluri jgħinu lill-qarrejja jiffukaw fuq l-affarijiet li qegħdin jiġru fl-istorja. It-tieni ktieb li għażilt huwa wkoll għat-tfal u bħal Il- Bebbuxu Trumbetta hu stampat minn Klabb Kotba Maltin bil- kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. L-Apprentist tas-Saħħar, miktub minn Victor Fenech u illustrat minn Matt Stroud, għadu ħiereġ mid-"dar stramba f 'tarf il-bosk" tas-saħħar xiħ fl-2023. Is-saħħar xiħ li "rari kont tarah jidħak, imma daqstant rari tarah jirrabja", kellu miegħu tifel li kien jgħinu fit-tindif tad-dar u fl-istess waqt jitgħallem il- maġija. Darba minnhom is-saħħar kellu bżonn imur f 'raħal qrib tagħhom biex jixtri xi apparat ġdid u jgħid lit-tifel biex inaddaflu d-dar kollha. Imma x'jiġri meta jiltaq is-saħħar? X'tibda tagħmel l-ixkupa li ssir biċċtejn? Kif jirreaġixxi t-tifel għal dan kollu? Din l-istorja, kif insibu lejn l-aħħar tal-ktieb, mhijiex biċċa xogħol oriġinali, għaliex hija storja popolari jew leġġenda li daret ma' diversi pajjiżi u kull darba li ġiet irrakkuntata jew miktuba, dejjem kellha l-laqta partikolari tagħha. Minkejja li għal ħdejn il-ktieb ta' Claudia Aloisio, mhuwiex frott l-immaġinazzjoni, ir- rakkont ta' din il-ħrafa minn Fenech hu wieħed impekkabli. Laqatni l-fatt li t-tifel minkejja li huwa l-karattru prinċipali tal-istorja jibqa' anonimu. Dan jiġri biex il-qarrejja jiffukaw fuq dettalji li jaħarbulhom bħat- tindif. L-awtur jinsisti diversi drabi li x-"xogħol l-inqas għal [qalb it-tifel] kien it-tindif tad-dar". Kien jippreferi jesperimenta bil-maġija u jittawwal fil-kotba milli jiżbarazza u jnaddaf. Il- qarrejja ċkejknin jirrelataw ma' dan it-tifel għax it-tfal ma tantx iħobbu jagħtu daqqa t'id u jagħmlu minn kollox biex jevitaw il-faċendi. Però dan il-ktieb, li hu mmirat għat-tfal tal-primarja, għandu jservi ta' mezz biex huma jirrealizzaw li biex jgħixu ġo ambjent sabiħ u nadif iridu jmiddu idejhom għax-xogħol tad-dar. Huwa minnu li t-tfal tal-lum għandhom skeda impenjattiva ħafna, imma hu d-dover ta' kull min jgħix ġod-dar li jmidd idu għax-xogħol. Ma nippretendix li t-tfal isajru xi ikla mustaċċuna però jistgħu jiġbru l-ġugarelli tagħhom, jixxuttaw ftit platti u tazzi u jkunu jafu jitwu l-ħwejjeġ. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn it- tfal iħossuhom kburin li qegħdin jgħinu fid-dar u bla ma jindunaw ikunu qegħdin jitgħallmu diversi ħiliet li jużawhom 'il quddiem f 'ħajjithom. Jorbot ma' dan kollu hemm il-fatt li t-tfal iridu jobdu minn dawk akbar minnhom – dejjem jekk dak ikun ta' ġid għalihom. L-apprentist tas-saħħar hu kemxejn prużuntuż. Għalfejn prużuntuż? M'għamilx kif qallu s-saħħar u naddaf id-dar kollha? Mitt darba u elf, imma ta' tifel li hu messu sema' mis-saħħar xiħ u ma ddeċidiex li jgħid il-kelma maġika biex l-ixkupa tibda tiknes għaliex ir-riżultat kien wieħed diżastruż. Widdbu kemm-il darba li kien għadu żgħir biex jitgħallem il- maġija mill-kotba. Ix-xiħ fl-istejjer, ħafna drabi hu simbolu tal-għerf u dan jixhdu wkoll il-qawl Malti: Kliem ix-xiħ żomm fih. Il-xiħ mimli esperjenza – ma jkunx iridilna ħlief ġid meta jagħtina xi parir. Sentenza li laqtitni immens hija din: "L-apprentist tbissem jarah imellishom bi mħabba kbira". Is-saħħar qiegħed imelles mhux lill-qtates jew il-klieb, imma l-kotba li "fihom l-għerf kollu tad-dinja". Is-saħħar kellu devozzjoni kbira lejn dawn il- kotba, li kien ipoġġihom fuq "librerija qadima" u ħa r-ruħ meta l-kotba l-aktar "rari u prezzjużi" ma kinux imxarrbin. L-illustrazzjonijiet ta' Matt Stroud huma mimlija ħajja, tant li l-ilma tħossu se jaqbeż minn fuq il-paġni għalik. Din l-imħabba tas-saħħar għall-ktieb għandna nrawmuha fit-tfal, iżda mhux biss. Il-ktieb għandu jkun parti mill-istil ta' ħajja tagħna u l-ħin tal-qari hu mezz ta' pjaċir u maturità u mhux kastig.