Illum previous editions

ILLUM 5 November 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1510992

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

aħbarijiet IL-ĦADD 5 TA' NOVEMBRU 2023 • illum il-mina, il-'metro' u l-mitjar Għawdex diġà kellu forom ta' servizzi tal-ajru, u Borg qal li l-kunċett ta' mitjar żgħir hija idea tajba – "kull forma ta' aċċessibbiltà tgħin". Apparti dan, Borg qal li servizz tal-ajru jkun ta' sostenn kbir għas-settur turistiku. Il-kelliem spjega kif dan il-proġett u l-proposti ppreżentati miegħu, għandu joffri wkoll skop għal niċeċ ġodda fejn jidħlu skejjel tal-avjazzjoni u kif ukoll ittestjar ta' 'drones'. Barra minn hekk, l-impatt fuq l-ambjent huwa wieħed minimu għax din se ssir f 'forma ta' mitjar żgħir u se tintuża biss art li bħalissa fiha ġie mormi skart tal-kostruzzjoni. Tkellimna wkoll mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said fejn qasam magħna r-reazzjoni tiegħu u x'pożizzjoni jieħu fir-rigward ta' dan il-proġett. Min-naħa tiegħu Said saħaq li għandhom isiru l-istudji kollha neċessarji minn esperti f 'kull qasam, ibda minn studji ġeoloġiċi sa dawk soċjali, ambjentali, ekomoniċi u oħrajn. Huwa kompla jgħid li għall kull studju li jseħħ, għandu jiġi ppubblikat fl-intier tagħhom u saħansitra jiġu mfissra lill-pubbliku. Said ma waqafx hawn. Huwa sostna li għandha ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa fejn jiġu diskussi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jinbtu minn dan il- proġett u x'impatt jistgħu jħallu fuq il-gżira Għawdxija. Fl-aħħar nett, Said qal li wara li tingħalaq il-konsultazzjoni u tinġabar l-informazzjoni kollha mir-riżultati tal-istudji, għandu jsir referendum li fih l-Għawdxin tingħatalhom l-opportunità sabiex jiddeċiedu għandhiex issir il-mina bejn Malta u Għawdex jew le. Meta mistoqsi dwar il-proġett li ġie propost fuq il-Ħeliport, Said temm jgħid li "numri ta' Ministri qalulna li dan ser isir fi żmien qasir" imma għaddew is-snin u dan baqa' ma seħħ xejn. Rigward dan il- proġett, Said jibqa' tal-istess fehma u jisħaq li għandhom jittieħdu l-istess proċeduri bħall-proġett tal-mina. Skontu, mhux biss konsultazzjoni u studji ta' riċerka ta' vantaġġi u żvataġġi biss, iżda għandha tittieħed konsiderazzjoni lejn in-nies Għawdxin, speċjalment lejn nies li joqogħdu fil-qrib, b'mod partikolari dawk ta' Għajnsielem u x-Xewkija li se jkunu l-iktar milquta minn dan il-proġett. Intant, Franco Mercieca, Eks- Chairman tal-Kumitat għall- Ambjent, kien kiteb fir-riżenja tiegħu mill-Bord, li l-imbuttatura konsistenti għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura għall-gżejjer Maltin kienet għal qalbu. Mercieca kien idderieġa dan il-proġett għal erba' snin qabel ir-riżenja tiegħu, hekk kif kienu għadhom kif ġew imħabbra erba' entitajiet li kienu qed jitfgħu offerti sabiex jiddisinjaw il-bini u manutenzjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex. Mercieca ħalla f 'idejn l-evalwazzjoni tal-bord sabiex il- ħolma ta' ħafna Għawdxin isseħħ. Meta mistoqsi dwar il-link bejn Malta u Għawdex, Mercieca wieġeb "jekk hi mina jew bridge lili ma tagħmillix differenza però il- konnessjoni permanenti hija għal min joqgħod Għawdex l-unika mod kif ikollu l-istess drittijiet". Filwaqt li sostna li konnessjoni permanenti hija l-unika mod sabiex titjieb is-sostenibilità f 'Għawdex. Ma waqafx hawn, saħaq li hemm bżonn intejbu s-servizzi tal-Fast Ferries u anke jekk saħansitra jsir mitjar – dawn qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-konnessjoni permanenti. Mercieca qal li r-reżistenza kontra l-mina hija frott ta' twemmin qarrieq, għax ħafna jemmnu li bil-mina se jiżdied l-iżvilupp fil- gżira u dan huwa kollu minħabba nuqqas ta' fiduċja fil-politiku li jikkontrolla l-iżvilupp. "Il-bini sfrenat jiddependi biss mill- permessi li jingħataw u mhux mill- konnessjoni permanenti." Mercieca sostna li l-futur t'Għawdex irid ikun msejjes fuq link li tnaqqas l-iskumdità tat- traġitt. Huwa kompla jenfasizza li "l-Malti sinjur irid jiġi joqgħod Għawdex, mhux bħalma qegħdin issa li jattira dawk tal-klassi baxxa għax il-proprjetà u l-ħajja hija orħos." La darba nirrealizzaw li bil-konnessjoni nżommu l-professjonisti Għawdxin, Għawdex għad ikollu ġid ta' valur għola. Skont Mercieca Għawdex qed jitlef l-identità tiegħu għax qed jingħata kas lill-kwantità milli kwalità. Bl-ekonomija t'Għawdex għad tissaħħaħ dik ta' Malta ukoll saħaq Mercieca. Huwa tefa' dawl fuq l-ammont ta' sussidju li jagħti l-Gvern biex Għawdex jinżamm kif inhu - "Sussidju għal Gozo Channel jammonta għal €22 miljun fis-sena. In-Nikolaus xi €5-8 miljun fis-sena u fast ferry €8 miljun oħra. €35 miljun fis sena sabiex persuna toqgħod Għawdex tmur Malta". "X'inhi l-ispiża tal 'positive discrimination' favur l-Għawdxi? Spiża biex żżomm l-istatus quo u l-Għawdxi jżommu 'miskin' , inferjuri bħala 'second class citizen'." Huwa kompla jisħaq li Għawdxi bżonn ta'emerġenza medika għandu iktar riskju li jmut milli Malti minħabba d-dewmien biex tasal għall-kura. "Aħna ħa nibqgħu b'moħħna magħluq?"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 November 2023