MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 19 May 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1520946

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 11

06 aħbarijiet IL-ĦADD 19 TA' MEJJU 2024 • illum opinjoni H uma għaxra l-punti ewlenin li l-Partit Laburista ħabbar li se jkunu l-qofol tal-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Bl-istess mod li kull lokalità għandha l-manifest elettorali tagħha, u hekk kif sentejn ilu kellna l-elf proposta, f 'dawn l-elezzjonijiet Ewropej qed naraw lill-Partit Laburista jipproponi għaxar punti ewlenin li se jkunu l-bażi tal-hidma tal-Ewroparlamentari tagħna wara Ġunju li ġej. Dan jikkuntrasta bil-kbir mas-sitwazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fejn hemmhekk mhu qed jiġi propost xejn dwar xejn u kull mhu qed nisimgħu hu kliem aggressiv ta' diżubbidjenza parlamentari, gwerer qaddisa, u li se jużaw kull għodda possibbli kontra Malta. Aħna ma nemmnux f 'dik it-tip ta' politika. Aħna nemmnu f 'politika pożittiva li tipprietka l-għaqda u li nkomplu nibnu Malta aħjar flimkien. L-isfidi mhu se jonqsu qatt. U fl-aħħar snin sfidi kellna bil-bosta. Biss ħdimna ponn wieħed bħala poplu Malti u Għawdxi wieħed biex dawn l-isfidi negħlbuhom u noħorġu iktar b'saħħitna. Għamilna dan kollu kemm lokalment u anke fuq livell Ewropew. Jien bħala Ministru spiss nattendi għal- laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri fid-diversi formazzjonijet tagħhom. Fil-karriera tiegħi attendejt għal erba' formazzjonijiet differenti u ppresedejt għal it inqas minn sitt xhur tnejn minnhom. F'din il-ħidma kollha dejjem ħdimna favur Malta. Qatt ma poġġejna l-avvanz tagħna l-ewwel imma dejjem Malta kienet fuq quddiem nett u qabel kollox. Ispirati minn dawn il-valuri tant importanti nidejna dawn l-għaxar prinċipji: MALTA L-EWWEL: SODI MA' DAK LI NEMMNU FIH Fil-fehma tiegħi qatt daqs dawn is-snin ma ħarġet biċ-ċar l-importanza li Malta jkollha rappreżentanti li jġibu l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin l-ewwel u qabel kollox. Kif jgħid il-manifest stess, Malta żammet sod meta kienet iffaċċjata bi pressjonijiet internazzjonali biex inbiddlu l-mudell soċjo-ekonomiku tagħna li joffri stabbiltà, prosperità u li jsostni l-familji u n-negozji. Eżempju ċar ta' dan kien fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija. Għamilna dan għax nemmnu li din hija miżura ekonomika daqskemm hi soċjali. Il-prinċipju li jiggwidana huwa li naraw li nipproteġu l-għejxien tal-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani u n-negozji Maltin u Għawdxin, li naraw li l-ekonomija tagħna tibqa' tikber. Hekk biss nistgħu nibqgħu nsostnu u nsaħħu l-qafas soċjali ta' pajjiżna. Jien se nivvota lill-kandidati kollha tal- Partit Laburista għall-Parlament Ewropew għax naf li meta huma affaċċjati b'għażla bejn li javvanzaw huma jew jiddefendu lil Malta, huma se jiddefendu lil Malta. Meta jkunu affaċċjati minn pressjonijiet li jmorru kontra dak li huwa ta' interess għal Malta u Għawdex, qas għandi l-iċken dubju li l-Ewroparlamentari tagħna se jżommu sodi. MALTA: LEĦEN IL-PAĊI Dejjem urejna li Malta kienet, għadha u se tibqa' promutur ewlieni tal-paċi fl-Ewropa, u f 'kull rokna tad-dinja. Dan it-twemmin ħareġ iktar biċ-ċar fl-aħħar xhur bil-mod ta' kif Malta mexxiet 'il quddiem aġenda favur il-paċi kemm bħala membru fuq il-Kunsill ta' Sigurtà tal- Ġnus Magħquda u kemm bħala President tal-Organizzazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa. Aħna nieħdu pożizzjonijiet ċari u dak li hu aggressur ngħidulu aggressur u dak li hu vittma ngħidulu vittma. Biss il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jaħdmu sabiex bl-ebda mod l-Ewropa li nagħmlu parti minnha ma tkun aġent tal-kunflitti u l-gwerer, iżda tkun pont ta' paċi u djalogu għall-benefiċċju tal-popli kollha madwar id-dinja. MALTA KOMPETITTIVA F'SUQ WAĦDIENI ĠUST Aħna nemmnu li l-kompetittività tal- Unjoni Ewropea hi fattur importanti immens biex jinħoloq il-ġid, u mal-ħolqien tal-ġid, l-opportunitajiet ġodda. Hu kruċjali li fit-tfassil tar- regolamentazzjoni, ma jinħoloqx xkiel ġdid u li r-regoli li jsiru jkunu mfassla b'mod li jagħmlu sens għan-negozji Maltin u Għawdxin ukoll. Malta għandha r-realtajiet tagħha bħala stat membru gżira fil-periferija tal- Unjoni Ewropea u dawn iridu jittieħdu inkonsiderazzjoni biex in-negozji tagħna jkunu jistgħu jikkompetu b'mod ġust, u jibbenefikaw mill-benefiċċji tas-suq waħdieni. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jkunu fuq quddiem biex il-leġiżlazzjoni Ewropea taħseb f 'dawn ir-realtajiet. IT-TIBDIL FIL-KLIMA It-tibdil fil-klima hija sfida globali li rridu nsarrfuha f 'opportunità. Għalhekk neħtieġu politika li tkun imfassla b'għaqal u b'reqqa fuq livell Ewropew. Politika li tkun realistika u adattata għar-realtajiet ta' kull Stat Membru. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jkunu qed jaħdmu favur riformi ambjentali li jikkumplimentaw il-ħolqien tal-ġid, b'leġiżlazzjoni ambizzjuża li tikkunsidra wkoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħna bħala stat membru gżira fil- Mediterran. L-IMMIGRAZZJONI L-isfidi f 'dan is-settur huma kontinwi u vasti, iżda rnexxielna nnaqqsu l-wasliet. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jibqgħu jaħdmu sabiex l-Unjoni Ewropea jkollha sistema ġusta tal- ażil u mhux waħda bbażata fuq il-populiżmu u l-mibegħda li jwasslu għar-razziżmu u l-politika tal-lemin estrem. Kif jgħid il-manifest innifsu, is-soluzzjoni ta' din l-isfida hija l-prevenzjoni. Irridu politika soda kontra t-telf ta' ħajjiet fuq il-baħar. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal- bnedmin trid issir bil-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u ta' oriġini. Dan qed nimplimentawh ta' kuljum, anke għaliex naħsbu li ma nistgħux niddependu fuq is-solidarjetà ta' Stati Membri oħra biex titqassam ir-responsabbiltà. Permezz ta' tisħiħ tal-għodod legali u diplomatiċi, naħdmu sabiex l-immigranti li ma jkollhomx dritt jibqgħu fl-Unjoni Ewropea, jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal- oriġini tagħhom. Għandu jkun hemm aktar inċentivi li jattiraw ħaddiema kwalifikati lejn l-Unjoni Ewropea, b'rispett sħiħ lejn skemi nazzjonali li jħaddem pajjiżna diġà. KONNETTIVITÀ B'SAĦĦITHA Il-konnettività hi kruċjali biex ikollna iktar ġid u tkabbir ekonomiku għaliex biha jissaħħaħ il-moviment tal-persuni u l-prodotti u jinħolqu opportunitajiet ġodda ma' pajjiżi oħra kemm fl-Unjoni Ewropea u anke lil hinn minnha. Kif jispjega l-manifest innifsu, fl-aħħar snin rajna kif il-leġiżlazzjonijiet tat-trasport u l-klima affettwaw il-konnettività direttament u dan għaliex bħala stat membru gżira, għalina l-oqsma tal-avjazzjoni u l-marittimu għandhom relevanza aktar minn pajjiżi oħra. Jien se nagħżel il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista għaliex dawn se jaħdmu biex filwaqt li tkompli d-dekarbonizzazzjoni f 'dawn l-oqsma, naraw li l-leġiżlazzjoni tkun waħda li tassigura l-interessi ta' gżejjer żgħar bħal Malta. GĦAWDEX GŻIRA TA' VILLAĠĠI Il-kambjament għall-aħjar li rat il-gżira Għawdxija kien xi ħaġa kbira ħafna fl-aħħar snin. Illum Għawdex sar mutur ekonomiku in its own steam, tant li l-ammont ta' ħaddiema fis-settur privat irdoppja. Għawdex Gżira ta' Villaġġi hija l-istrateġija distinta li se tmexxina 'l quddiem sabiex Għawdex ikun fuq quddiem fi proġetti ewlenin, l-ewwel carbon neutral zone – gżira ta' opportunitajiet għall-familji u n-negozji Għawdxin. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il- Partit Laburista se jaħdmu f 'din id-direzzjoni b'mod li nisfruttaw il-vantaġġi distinti li gżira bħal Għawdex jista' jkollha. FONDI EWROPEJ Il-Prim Ministru Robert Abela nnegozja allokazzjoni rekord ta' fondi Ewropej għall- perjodu 2021-2027, li se twassal biex isiru investimenti li jikkumplimentaw dawk li saru minn baġits passati u minn fondi nazzjonali. Dan kollu sar filwaqt li ħaddieħor kien impenjat jagħmel dak kollu li jista' biex ixekkel il-fondi għal pajjiżna. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jkunu parteċipi f 'kull diskussjoni dwar fondi Ewropej biex jaraw li nisfruttaw bl-aħjar mod possibbli l-potenzjal ta' pajjiżna f 'dak li għandu x'jaqsam mal- allokazzjonijiet, l-aċċessibbiltà u l-użu ta' fondi Ewropej. L-AGRIKOLTURA U S-SAJD Gvern Laburista kien spalla ma' spalla mal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda fl-isfidi li affaċċjaw minħabba fatturi internazzjonali. Aħna konxji mill-karba tal-bdiewa Maltin u dawk Ewropej sabiex ehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi jkunu sensittivi għas-settur tal-agrikoltura u s-sajd. Għalhekk se nkunu qed naraw li fi ehimiet ġodda li jkunu qed jiġu nnegozjati mill-Unjoni Ewropea, ikun hemm analiżi mistħoqqa dwar l-impatt soċjo-ekonomiku fuq is-settur u li dawn ma jkunux ta' detriment għall- produzzjoni fis-swieq Ewropej. Nagħrfu l-importanza li nsaħħu l-ħidma favur is-sigurtà tal-ikel li tiddependi minn setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-akwakultura sostenibbli. Flimkien mal-Gvern Malti, il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jaħdmu mill-qrib mal-bdiewa, mar-raħħala u mas-sajjieda Maltin biex ikollna suq li jgħinhom ikunu kompetittivi billi jittaffew il-piżijiet amministrattivi, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u ġusti għall- Ewropej. L-UNJONI EWROPEA TA' GĦADA Fil-leġiżlatura li jmiss huwa mistenni li d-diskussjoni se tkompli tiżvolġi b'għadd ta' deċiżjonijiet sensittivi li jridu jittieħdu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-manifest jgħid ċar li hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tkompli tevolvi u tintegra, iż- żamma ta' diviżjoni ċara tal-kompetenzi hija vitali biex jitħarsu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Ma nemmnux li għandu jipprevali l-prinċipju tal-one-size-fits-all. Il-Membri Parlamentari Ewropej f 'isem il-Partit Laburista se jkunu fuq quddiem biex jiġu promossi diskussjonijiet ma' sħab strateġiċi oħra lil hinn mill-Unjoni Ewropea. Għaxra Owen Bonnici hu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 19 May 2024