MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 28 July 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1524590

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

08 aħbarijiet IL-ĦADD 28 TA' LULJU 2024 • illum opinjoni Jeanette Borg hija l-President tal-grupp 'Il-Kollettiv' X'se nieklu? Jeanette Borg X'nieklu hu suġġett sempliċi u kumpless fl-istess ħin: sempliċi, għax nieklu ta' kuljum, kultant mingħajr ma naħsbu dwar l-att; iżda kumpless ukoll, għax wara kull prodott li jasal fil-platt tagħna, hemm storja u vjaġġ twil. Il-kwalità u l-varjetà tal-ikel li nikkonsmaw hi kruċjali għas- saħħa fiżika u mentali tagħna. Id-dibattitu dwar x'għandna nżidu u nnaqqsu mid-dieta ta' kuljum ilu għaddej, u bosta jsibuha iebsa jilħqu dak il- famuż bilanċ. Hemm qbil però, li l-inklużjoni ta' prodotti friski għandha tkun prijorità għal kull individwu – punt li flimkien ma' kollegi oħra fl-agrikoltura, ili nisħaq dwaru. ID-DIETA BILANĊJATA GĦADHA AFFORDABBLI? F'dawn l-aħħar snin, punt li kien fuq fomm kulħadd żgur kien il-prezz tal-ikel. Ħafna familji Maltin żgur ħassew it- tingiża taż-żieda fil-kont meta jmorru jixtru l-ikel bażiku ta' kuljum. Għalkemm il-prezz mhux l-uniku kriterju li bih nagħżlu x'nieklu, jibqa' aspett importanti li jiddetermina d-dieta tagħna. Is-sena l-oħra, il-Caritas irrapportat li koppja b'żewġt it-tfal tonfoq iktar minn seba' mitt ewro fix-xahar f 'ikel biss, li jissarraf f 'perċentwal pjuttost għoli mill-pagi tagħhom. Din is- somma ma tinkludix imbagħad spiża bħal ħarġa sa restorant, fejn hemm ukoll rajna żieda konsiderevoli fil-prezzijiet. Din it-tip ta' dejta hi ta' tħassib għalina għax tkompli tikkonferma dak li ilna nħossu min-nies fit-triq. Iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed naraw individwi u familji li jersqu lejn ir-riskju ta' faqar, u, jekk mhux faqar, lejn sitwazzjoni fejn ma jkunux f 'pożizzjoni li jagħmlu għażla lejn dieta varjata. Dan imbagħad iwassal għal problemi ta' saħħa, u iktar problemi finanzjarji minn dak il-lat, kemm għall-individwu, iżda wkoll għall-istat, anke għax is- sitwazzjoni tas-saħħa ġenerali diġà qed tpoġġi ħafna piż fuq ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa tal- pajjiż. X'INHU L-VANTAĠĠ TA' PRODOT T LOKALI FRISK? Ta' gżira li aħna kollox irid jasal bil-baħar jew l-ajru, u dan joħloq limitazzjoni loġistika li tirrifletti fuq il-prezz. Iżda fuq livell ta' produzzjoni nazzjonali, x'inhu għaddej? Skont l-NSO, għad għandna ftit inqas minn ħdax-il elf ettaru ta' art agrikola tinħadem, u ftit iktar minn elfejn u tmien mitt razzett għat- trobbija tal-annimali; dawn jirrappreżentaw inqas minn 20% tal-ikel li nikkunsmaw. Għalkemm dan jidher li huwa perċentwal żgħir, il-fatt hu li għad għandna l-kapaċità nipproduċu parti mill-ikel għalina nfusna lokalment. Dan hu kruċjali għal diversi raġunijiet. Kif rajna tul il-pandemija, is-sigurtà tal-ikel minn barra mhux bilfors hija ggarantita f 'kull żmien. F'dawk is-snin, il-produzzjoni lokali kienet kruċjali għalina lkoll. Iżda produzzjoni lokali mhux sigurtà biss toffri: id-dieta tagħna storikament dejjem kienet u għadha marbuta mal-prodotti staġjonali. Ngħidu aħna, il- frott u l-ħxejjex tas-sajf, bħat- tadam, bettieħ u dulliegħ, jikkaratterizzaw id-dieta tal- Maltin f 'dawn ix-xhur sajfin, u jikkontribwixxu għad-dieta bnina Mediterranja. STABBILTÀ – GĦAL MIN? Minkejja li d-domanda għall- ikel żdiedet, u żdied ukoll l-għarfien tal-importanza tal- prodott lokali, il-bdiewa u r-raħħala tagħna qed jaffaċċjaw iktar kompetizzjoni u ostakli, fost oħrajn minħabba li l-prodott ta' barra qiegħed jasal fi kwantitajiet kbar, u allura orħos minn dak lokali. L-importazzjoni bla rażan tant wasslet għal qtigħ ta' qalb fost produtturi Maltin li din is- sena saħansitra saret protesta storika. Ilkoll niftakru x-xeni tal-bdiewa u raħħal bit-tractors tagħhom fit-toroq, jesprimu r-rabja tagħhom għan-nuqqas t'appoġġ mill-Istat. Hija ħasra li l-iskema Stabbiltà mnedija mill-Gvern sabiex jorħos l-ikel kienet maħsuba primarjament biex tiffavorixxi l-importaturi. Mil-lista twila ta' kategoriji u prodotti li bbenefikaw, l-affarijiet li jiġu prodotti f 'Malta stess tista' tgħoddhom fuq id waħda. Jekk veru rridu nibżgħu għall- produtturi lokali, hemm bżonn li skemi bħal dawn jinkludu b'serjetà lill-bdiewa u r-raħħala li ta' kuljum qed jiggarantixxu l-produzzjoni friska lokali. M'hemmx għalfejn ngħidu li t-teħid ta' art għal iktar żvilupp bla rażan kompla jibla' mill-ftit raba' li baqa', u b'hekk baqgħet tonqos il-kapaċità li għandna biex nipproduċu għall- popolazzjoni tagħna stess – li dejjem qed tiżdied. Il-policies ta' ppjanar (jew in-nuqqas tagħhom) jgħidu li għandhom l-għan li jħarsu l-ambjent rurali, iżda kull min jgħix Malta jista' jara b'għajnejh kemm dan l-għan baqa' biss fuq il-karta. Il-Kollettiv huwa impenjat li jwassal l-għarfien fuq l-isfidi marbuta mal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-ikel. Nagħmlu dan għax il-produtturi lokali ħaqqhom sistema ġusta li tħarishom, u l-konsumatur ħaqqu prodott frisk lokali affordabbli. Ħadd ħlief min jaħdem lejl u nhar biex iwasslilna l-ikel fuq il-mejda ma jista' jwasslilna l-aqwa tagħrif – għalhekk, se nkunu qed naħdmu id f 'id mar-raħħala u bdiewa Maltin għall-promozzjoni ta' dal-qasam kruċjali. Minkejja li d-domanda għall-ikel żdiedet, u żdied ukoll l-għarfien tal- importanza tal-prodott lokali, il-bdiewa u r-raħħala tagħna qed jaffaċċjaw iktar kompetizzjoni u ostakli

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 28 July 2024