MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 4 August 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1524835

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 15

13 kotba IL-ĦADD 4 TA' AWWISSU 2024 • illum ddumx ma toħdilha postha bħala l-figura materna f 'ħajjet Amber; l-iskola; u d-dar taz-zijiet fejn tmur tgħix Amber. Imma f 'din tal-aħħar jibdew jiġru affarijiet xejn tas-soltu. Kultant, tard billejl, Amber mill-ġdid tittrasporta ruħha għal xi mkien ieħor, jew aħjar, tibqa' fejn hi imma l-affarijiet ta' madwarha jinbidlu. F'dawn il-mumenti, tibda tara lill- persuna li kienet tgħix f 'kamritha iżjed minn tletin sena qabel, Elizabeth, li tkun għaddejja minn esperjenzi simili. Din mhix sempliċi tieqa għall-passat, imma; il-liwja maġika hi li Elizabeth, ukoll, tista' taraha, donnu nfetaħ xi forma ta' bieb fejn żewġ żminijiet differenti jikkoinċidu u jiġru fl-istess mument. Għalkemm ma jistgħux jitkellmu ma' xulxin direttament, jibdew iħallu sinjali u messaġġi lil xulxin fil-forma ta' kitbiet fi djarju u fuq karti, u malajr tinbet forma ta' ħbiberija interġenerazzjonali bejn Elizabeth u Amber, żewġ tfajliet li mad-daqqa t'għajn qishom tal-istess età imma li fil-verità hemm għexieren ta' snin bejniethom, minn eri differenti b'teknoloġiji, drawwiet, u interessi differenti. Amber, ħerqana, tibda ssir taf iżjed dwarha, u tagħmel li tista' biex tgħin lil Elizabeth bħalma Elizabeth, darba, għenitha b'somma. Din Elizabeth min hi? Għalfejn tfaċċat f 'ħajjet Amber? Fatata, jew għadha ħajja? Amber tgħid biha lil Rose, il-ħbiberija interġenerazzjonali l-oħra f 'ħajjitha li similarment tiżviluppa bil-kelma miktuba, f 'dal-każ bl-emails, u flimkien jipprovaw jitkixxfu iżjed. U dan kollu kif jorbot mal-bidliet kbar li seħħew fil-ħajja t'Amber wara li telqet il-mamà? Għal dan kollu nħalli l-qari jaqtgħalkom il- kurżità. Kont ili naqra ma naqbad ktieb li ma stajtx inneħħih minn idejja sakemm kont lestejtu kollu u skoprejt kulma kien hemm x'tiskopri, tant hi l-ħila ta' Rita Saliba. Kont ili, imma ma domtx wisq ma reġa' ġrali l-istess, hekk kif dort għall-ktieb li rebaħ l-edizzjoni tal-2017, 360° (Klabb Kotba Maltin, 2020) ta' Josianne Block. Dan ir-rumanz ukoll, b'mod iżjed ovvju, jittratta ħbiberija interġenerazzjonali li tiżviluppa permezz tal-kelma miktuba, dik bejn Claire Consuela Marie Ebejer, tfajla adolexxenti mill-Mosta, u Jon Martin Hawkes, żagħżugħ ta' 28 sena minn Londra. Lejla minnhom waqt li kienet qed taħdem fuq proġett tal-iskola, Claire taqbad l-ewwel indirizz f 'Londra li ssib fuq Google Maps u jfettillha tikteb ittra lil min jgħix hemm. "Ħanina, x'idea ħelwa dik," sibt ruħi ngħid. Filwaqt li fil-plott tiegħu dan ir-rumanz ma fihx elementi maġiċi, Block toħloq il-maġija mis-sempliċità tal-ħajja ta' kuljum. Ħlief għal xi episodji qosra, ir- rumanz jikkonsisti f 'sensiela ta' ittri mibgħuta minn Claire u Jon, ikkwotati kelma kelma, u kultant xi kartolina. Lil Claire m'għandniex l-istess aċċess għal ħsibijietha bħalma għandna ma' Amber fil-ktieb ta' Saliba. Insiru nafuha biss ftit ftit minn dak li tniżżel fuq il-karta, eżatt l-istess bħal Jon li, bħall-qarrej, ma jaf xejn iktar u xejn inqas minn dak li jaqra f 'dawn l-ittri. U l-istess jgħodd għal dak li Claire titgħallem fuq Jon. Diffiċli ma nidentifikawx mal-karattri meta dawn jaqdu, kważi kważi, l-istess funzjoni tagħna. Claire u Jon huma wkoll qarrejja tal-istess kliem li naqraw aħna, li jsiru jafu karattru, storja u post permezz tal- kitba. Block tikkontrolla r-ritmu tar-rumanz b'ħila kbira. Ma' kull ittra nsiru nafu b'xi żvilupp sinifikanti ġdid, imma Block dejjem tħalli mill-inqas karta waħda f 'idha moħbija. Is-sens ta' kurżità ma jgħib qatt, lanqas wara l-aħħar kelma tar-rumanz. Din hija storja ta' bidu imma mhux ta' tmiem. Sa ċertu punt, riflessjoni taż-żgħożija, perjodu qasir f 'ħajjitna bil-bidu u t-tmiem tiegħu — Claire tul ir-rumanz tispiċċa l-iskola sekondarja — li iżda ma jfissirx tmiem definit, għax ikun għad għandna ħajjitna kollha quddiemna. L-istess il-ktieb. Jagħlaq fuq nota sodisfaċenti ħafna, imma mingħajr sens ta' finalità. Anzi. Tgħid xi jmiss għal dawn iż-żewġt iħbieb? Hemm numru ta' paralleli bejn dawn iż-żewġ kotba anki hekk kif jinħassu differenti ħafna. Il-ħbiberija interġenerazzjonali, żewġ min-nies li għaddew minn esperjenzi simili f 'żgħożithom imma fi snin differenti, l-enfasi fuq il-messaġġi miktuba, il- problemi d-dar, il-ħbieb tal-iskola, is-sens ta' "tgħid jiltaqgħu?". Dan is- sens ta' kotba l-istess imma differenti rajtu ssimbolizzat f 'kumbinazzjoni ħelwa: filwaqt li fil-ktieb ta' Saliba, iż- żagħżugħa tal-lum tbati fil-matematika u ż-żagħżugħa tal-passat teċċella fiha, Block tgħidilna li Claire, iż-żagħżugħa tal-lum, tmur l-iżjed tajjeb fil-fiżika u l-matematika, filwaqt li Jon, iż- żagħżugħ tal-passat, qatt ma kienu ħbieb tiegħu dawn is-suġġetti. Paralleli iva, ripetizzjoni le. It-tnejn huma kotba ta' kwalità li kien jistħoqqilhom jiġu ppremjati. Jekk hemm differenza bejniethom, hija fl-esperjenza tal-awturi. Dan huwa l-uniku ktieb ippubblikat ta' Josianne Block, filwaqt li Rita Saliba stabbiliet ruħha bħala waħda mill-kittieba ewlenin f 'pajjiżna, kemm fil-letteratura għaż-żgħażagħ — il- Konkors rebħitu tliet darbiet — kif ukoll xorta oħra. Din hija l-maġija tal-Konkors tal-Letteratura għaż-Żgħażagħ. Anki għaliex il-manuskritti jiġu sottomessi bi psewdonimu, joffri l-opportunità, fuq naħa, li jservi bħala l-ewwel pass biex iwasslilna kittieba promettenti ġodda. Josianne Block hija biss waħda minn diversi; il-Konkors introduċielna kittieba żgħażagħ oħrajn li ħerqan naqra iżjed mingħandhom, bħal Matthew Schembri, Roberta Bajada u Lon Kirkop, u kien ukoll fost l-ewwel pjattaformi għal awturi li llum saru ġganti tal-letteratura lokali, bħal Rita Saliba stess, Leanne Ellul, u Antoinette Borg. U min-naħa l-oħra, ikompli jħeġġeġ lil awturi stabbiliti biex jiktbu għal din l-udjenza tant prezzjuża, kif jixhdu l-eżempji ta' Rita Saliba stess u ta' Leanne Ellul, li wkoll rebħitu iżjed minn darba. Għal din is-sena, il-manuskritti jistgħu jintbagħtu sat-2 ta' Settembru f 'nofsinhar, fi tliet kopji u ffirmati minn psewdonimu. Għandhom ikunu bejn 20,000 u 25,000 kelma u mmirati lejn udjenza ta' bejn it-13 u t-18-il sena. Għad-dettalji sħaħ u l-linji gwida, żuru s-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 4 August 2024