Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1526109
GĦALIEX GĦAŻILT LI TOĦROĠ GĦAL DIN IL-KARIGA? Nemmen li bl-esperjenza li ksibt tul iż-żmien tal-karriera tiegħi fil-media u ġurnaliżmu, nista nagħti kontribut b'mod konkret fl-organizzazzjoni u fit-tisħiħ tal- istrutturi tal-Partit Laburista, inkluż il-mezzi ta' komunikazzjoni tal-Partit, biex dan il-Partit ikompli jiġġedded, jissaħħaħ u jkun aktar effettiv bl-għan li jibqa' forza politika b'saħħitha f 'pajjiżna. B'hekk il-Partit Laburista jibqa' jwettaq ir- riformi neċessarji u l-bidla li għandna bżonn biex nilqgħu għall-isfidi u l-opportunitajiet tal- lum u tal-ġejjieni. Dan isir fil-kuntest tat-twemmin tal-Partit Laburista jiġifieri li jaħdem għal soċjetà inklussiva li tipprovdi xogħol għal kulħadd, isseħħ il-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tal-istess soċjetà titkejjel mill-progress ta' dawk l-iktar dgħajfa fost il-membri tagħha. Bosta kienu d-delegati u l-membri tal-Partit Laburista li ħajruni u ħeġġewni biex nagħmel dan il-pass. B'umiltà u bi mħabba lejn il- Partit Laburista ddeċidejt li nitfa' ismi bħala kandidata għall-kariga ta' President tal-Partit Laburista. X'TIXTIEQ TAGĦMEL JEKK TIĠI ELETTA? Irrid inwettaq dmirijieti bħala President tal- Partit skont kif mitlub minni bl-istatut u kif mistenni mit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-Partit. Nixtieq inkompli ntejjeb l-istrutturi interni u s-sisien organizzattivi tal-Partit u nara li bħala Amministrazzjoni naħdmu bis- sħiħ biex naċċertaw li ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jkun tassew id-dar tal-membri u l-post għall-ideat biex nibqgħu partit progressiv. Inkun minn ta' quddiem nett biex nirriformaw is-sistema ta' customer care ħalli l-membri tagħna mhux biss jinstemgħu, imma nixtarru l-każi tagħhom, u nassiguraw li naġixxu fuq it-talbiet tagħhom. Nara li jkun hemm iktar kordinament u sinerġija mal-fergħat kollha tal-Partit u b'mod speċjali nerġgħu nagħtu l-ħajja u r-rikonoxximent lill-ħidma li titwettaq mill-Kumitati Lokali u Distrettwali, kif ukoll mis-Sezzjoni Kunsilliera. Inkun ta' spalla għad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u li nassigura li d-direzzjonijiet mogħtija mill-Mexxej u d-Deputati Mexxejja jkunu segwiti. Żgur li se nkun qed naħdem ħafna biex nara li l-komunikazzjoni interna u l-media tal- Partit, kif ukoll mal-pubbliku inġenerali tkun iktar effettiva, proattiva u ta' livell professjonali. Mill-esperjenza tiegħi fix- xandir u l-ġurnaliżmu, nista' nagħti ħafna kontribut f 'dan il-qasam. Tinħass ukoll il-ħtieġa li l-membri tal- Kabinett u l-Membri Parlamentari Laburisti jkollhom iktar preżenza u rwol effettiv fi ħdan il-Partit bħala eżekuturi tal-Manifest Elettorali mħejji mill-Partit. Fuq kollox naħdem biex il- Partit jibqa' tim wieħed u rebbieħ! GĦALFEJN GĦANDHOM JIVVUTAW GĦALIK ID-DELEGATI? Id-delegati minn dejjem għarfu s-sinjali taż- żminijiet. Fis-sitwazzjoni tal-lum jaraw fija persuna li sforz il-kwalifiċi u l-esperjenza li għandi, u iktar minn hekk sforz l-imħabba li għandi lejn il-Partit Laburista, nista' ngħin biex nilħqu l-għanijiet tal-Partit Laburista li jibqa' jkun forza politika b'saħħitha f 'pajjiżna filwaqt li l-messaġġ tal-Partit Laburista jkun wieħed b'saħħtu u mobilizzat mal-elettorat. L-għaqda fi ħdan il-Partit trid tkun il-mutur li tmexxina fil-ħidma tagħna. Kulħadd huwa bżonjuż u għandu x'jikkontribwixxi. Għalhekk nemmen bis-sħiħ li l-Partit Laburista għandu spazju għal kulħadd u rrid nara li kull membru jħossu kburi li jifforma parti integrali minn din il-familja Laburista. Il-ħidma volontarja tiegħi nqisha bħala missjoni biex nassigura l-għaqda fostna. X'DIFFERENZA TISTA' ĠĠIB F'DIN IL- KARIGA? Skont l-istatut tal-Partit, il-President trid tippresiedi l-Konferenza Nazzjonali, il-Kungress Nazzjonali u l-Assemblea tad-Delegati waqt li tifforma parti mill- Amministrazzjoni. Dawn huma d-dmirijiet statutorji. Iżda l-President għandha responsabbiltajiet iktar minn hekk. Trid tara li l-istrutturi tal- Partit jitmexxew b'ħila, ħeġġa u dinamika. Waqt li huma essenzjali r-rapporti u l-konferenzi, iżda l-President trid tkun hands- on, jiġifieri mhux tinqafel f 'uffiċċju quddiem laptop, iżda tkun qrib l-attivisti u l-membri matul is-sena kollha. Trid tiem il-polz tal- membri l-ħin kollu u għalhekk l-aħjar mod ta' kif tamministra l-ħidma huwa l-bottom-up approach. Id-deċiżjonijiet jittieħdu wara li d-delegati u l-membri tal-Partit jingħataw l-opportunità li jsemmgħu leħinhom. Dan hu l-istil li bih nixtieq inwettaq id-dmirijiet tiegħi kemm-il darba ningħata l-fiduċja tad-delegati. IL-PARTIT LABURISTA QED JITLEF L-APPOĠĠ JEW ĦADDIEHOR QED IŻID FL-APPOĠĠ? L-elettorat Laburista bagħat messaġġ ċar. Nemmen li l-Partit Laburista għandu bżonn urġenti li jindirizza l-isfidi, filwaqt li jibdel il- mod ta' kif iwettaq ċerti miżuri u inizjattivi. In-nies m'għandhomx tama fil-Partit Nazzjonalista. In-nies iridu verżjoni aħjar tal- Partit Laburista. U biex dan iseħħ, irid jinstab il-bilanċ bejn l-aspettattivi tal-għeruq tal-Partit u x-xewqat tal-elettorat moderat. Jien se nimpenja ruħi biex nara li jinstab dan il-bilanċ fl-iqsar żmien possibbli. B'hekk nistgħu nassiguraw rebħa b'maġġoranza b'saħħitha fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. KEMM HU VALIDU LI TKUN MEMBRU TAL-PARTIT LABURISTA? Kull min jemmen fil-ħsieb progressiv imsejjes fuq il-prinċipji Soċjali-Demokratiċi, ġustizzja u mobilità soċjali, l-inklużjoni u l-ugwaljanza, drittijiet fundamentali tal- bniedem, ħidma favur il-paċi, u l-ħarsien tal-ambjent u l-kultura, postu huwa fil-Partit Laburista. Dawn huma prinċipji li meta tħaddimhom fil-prattika jagħtu d-dinjità lill-bniedem u jgħinu bis-sħiħ biex titjieb il-kwalità tal-ħajja. Dawn mhumiex biss l-aspirazzjonijiet tal- membri tal-Partit Laburista, imma wkoll ta' kull min jemmen f 'soċjetà ġusta li tħares lid- dgħajjef u lil min hu żgħir fis-soċjetà tagħna. Il-validità li tkun membru tal-Partit Laburista toħroġ mill-fatt li huwa l-Partit Laburista li b'ħidmietu jista' jilħaq dawn l-għanijiet nobbli. Għalhekk b'wiċċi minn quddiem naħdem biex iktar nies jissieħbu fil- Partit. TEMMEN LI L-PARTIT LABURISTA M'GĦADUX VIĊIN IL-BATUT U L-EMARĠINAT? Meta tqis il-politika soċjali li dejjem imxew biha Gvernijiet Laburisti jkun biżżejjed biex tirrealizza kemm il-Partit Laburista baqa' viċin il-batut u l-emarġinat. Daħħal liġijiet, introduċa benefiċċji ġodda, żied il-paga minima, żied il-pensjonijiet, żied il-benefiċċji soċjali, żied l-allowance tat-tfal, housing soċjali u żied in-nefqa soċjali li laħqet il-biljun ewro. Dan minbarra li kompla jnaqqas il-faqar materjali. Ma jfissirx li ma baqax xi jsir u għalhekk il- Gvern jara li joħloq iktar ġid ekonomiku ħalli mill-istess ġid l-ewwel ma jaħseb ikunu f 'dawk li l-iktar għandhom bżonn. Ir-ruħ soċjali tal- Partit Laburista tibqa' ħajja u ma tmut qatt. IR-RIFORMI SOĊJALI U AMBJENTALI GĦANDHOM IKUNU PRIJORITÀ GĦALL-PARTIT LABURISTA? Ir-riformi soċjali u ambjentali diġà huma prijorità għall-Partit Laburista. Dan jixduh l-inizjattivi, il-liġijiet u l-aġġornamenti li saru matul il-11-il sena ta' Gvern Laburista. Tistaqsni sar biżżejjed? Le, għad fadal ħafna aktar. Anke għax l-aspettattivi tan-nies, bir- raġun kollu, għolew u l-mentalità tan-nies ukoll inbidlet maż-żminijiet. Irridu nammettu li l-qasam ambjentali jrid ikun fuq nett tal-aġenda, għax meta nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja m'għandniex inkejluha biss fuq it-titjib fl-ekonomija imma fuq kemm nistgħu ngawdu ambjent san minn kull aspett. L-ambjent qatt m'għandu jkun il-prezz li rridu nħallsu għat-titjib fl-ekonomija u fl-infrastruttura. Anzi jrid jintlaħaq bilanċ bejn l-ekonomija u l-ambjent, billi l-iżvilupp ekonomiku u infrastrutturali jridu jassiguraw l-iktar ħarsien possibbli tal-ambjent u kwalità ta' ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin. KIF JISTA' L-PARTIT JATTIRA AKTAR NIES MODERATI U TAN-NOFS? Il-Partit diġà għandu l-appoġġ tan-nies moderati u tan-nofs għax jafu li Gvern Laburista jwettaq dak li jwiegħed. Jekk tistaqsihom jgħidulek li taħt il-Labour marru aħjar. Iżda bir-raġun iridu wkoll li jogħlew l-istandards f 'kull qasam u viżjoni b'saħħitha tal-Gvern għall-pajjiż fit-tul. Iridu sens ta' professjonaliżmu u etika minn kull min għandu xi forma ta' responsabbiltà fit-tmexxija. Jistennew li tiżdied l-effiċjenza u titnaqqas il-burokrazija fl-amministrazzjoni pubblika. Jistennew li l-isfidi li għandu l-pajjiż ikunu indirizzati bla skossi. Jistennew li l-bread and butter issues ma jintefgħux taħt it-tapit. Iridu li t-trasport pubbliku u t-traffiku ma jibqgħux ikunu xkiel, li l-għoli tal-ħajja titrażżan, li l-immigrazzjoni tkun kontrollata, li servizzi tal-edukazzjoni u tas-saħħa jkunu tal-iprem livell. Nista' ngħid dan għaliex niltaqa' ma' dawn in-nies ta' kuljum u għax naf li l-Partit Laburista mhux maqtugħ minn din ir-realtà. Fejn għadna ma wasalniex ma jfissirx li m'għamilna xejn, imma għaddejjin bi proċess biex nilħqu dawn l-aspirazzjonijiet. Dawn huma t-temi li l-Partit Laburista għandu jkompli jiffoka fuqhom fl-immedjat u fuq l-azzjonijiet li nieħdu nsaħħu l-fiduċja tan- nies moderati u tan-nofs. JEKK MA TKUNX ELETTA X'INHUMA L-PJANIJIET TIEGĦEK? Jien għandi fiduċja kbira fid-delegati tal- Partit Laburista u nirrispetta d-deċiżjoni finali tagħhom. Jekk ma nkunx eletta xorta waħda nibqa' nagħti kontribut tiegħi fi ħdan il-Partit Laburista. Dan kif dejjem għamilt kull meta kont mitluba ngħin lill-Partit Laburista, fiż- żmien li kont nipproduċi programmi għal ONE TV, kif ukoll meta kont naħdem mal- General Workers' Union. 08 aħbarijiet IL-ĦADD 1 TA' SETTEMBRU 2024 • illum intervista 'L-ambjent qatt m'għandu jkun il-prezz li rridu nħallsu għat-titjib fl-ekonomija u fl-infrastruttura' 'Jien għandi fiduċja kbira fid-delegati tal-Partit Laburista u nirrispetta d-deċiżjoni finali tagħhom'