Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1526668
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 15 TA' SETTEMBRU 2024 MIN HUMA N-NIES ĠODDA FIT-TMEXXIJA LABURISTA? Id-delegati tal-Partit Laburista ħarġu bi ħġarhom biex jivvutaw f 'elezzjonijiet interni li kkonfermaw liż-żewġ deputati mexxejja ġodda, Ian Borg u Alex Agius Saliba. Id-delegati eleġġew ukoll 12-il membru tal-eżekuttiv tal-partit u għażlu l-president li jmiss f 'elezzjoni taħraq bejn Alex Sciberras u Norma Saliba. Elezzjoni oħra kienet għall-kariga ta' segretarju internazzjonali bejn Georvin Bugeja u John Grech. Filwaqt li karigi oħra fl-amministrazzjoni tal-partit ma kinux ikkontestati. Il-votazzjoni bdiet il-Ġimgħa u spiċċat is-Sibt fis-2pm. Ftit wara, il-kummissjoni elettorali tal-partit ħabbret li mis-775 delegat eliġibbli biex jivvutaw, 721 tefgħu l-vot tagħhom, għal attendenza ta' 95.2% John Grech ġie maħtur Segretarju Internazzjonali tal- Partit Laburista wara li ġab 57.6% tal-voti mixħuta dan wara li minn 721 hu ġab 406 vot. Georvin Bugeja, il-kandidat l-ieħor għal dan l-irwol, ġab 42.4%. F'irwoli ta' Viċi President se jibqa' Louis Gatt, bħala Segretarju Organizzattiv se jibqa' l-Perit William Lewis u bħala Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali se tibqa' Catherine Fenech. Grech jaf hu wiċċ ġdid għal bosta, iżda d-delegati Laburisti jafuh bħala konsulent fil- ministeru tal-Ekonomija. Alex Sciberras huwa l-President ġdid tal-Partit Laburista wara li rebaħ l-elezzjoni b'14-il vot biss aktar minn Norma Saliba. F'elezzjoni fuq xifer ta' sikkina, Sciberras ġab 51% tal-voti, filwaqt li Saliba ġabet 49%. Il-mixja tiegħu fil-Partit Laburista bdiet aktar minn għoxrin sena ilu, fejn serva f 'kull livell. Huwa sar l-ewwel Sindku Laburista tal-Imsida u hemm segwiet il- ħidma tiegħu bħala Segretarju Distrettwali. Irrappreżenta ukoll lill-Konferenza Ġenerali fl- Eżekuttiv bħala membru elett. Kien attiv fit-tfassil u t-twettiq tal-politika tal-Gvern, kemm lokalment kif ukoll fl-Ewropa. Sciberras huwa avukat u l-iben tal-eks imħallef Philip Sciberras. Alex Agius Saliba, il-Membru Parlamentari Ewropew, ikkonfermat Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal- Partit Laburista. Hu se jieħu post Daniel Micallef wara li ġab b'92.3% tal-voti. Alex Agius Saliba, ta' 36 sena, huwa t-tnax-il Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista. Beda l-attiviżmu politiku tiegħu żgħir, meta ta' 17-il sena ġie elett Segretarju Ġenerali tal- Pulse. Aktar tard, serva bħala Segretarju Ġenerali u President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Bejn l-2008 u l-2013, ħadem fil- kamra tal-aħbarijiet ta' ONE. Fl-2019, ġie elett bħala Membru Parlamentari Ewropew u nħatar Viċi President tas- Soċjalisti u d-Demokratiċi. Fl-2020, ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar Ewroparlamentari influwenti minn Politico. Agius Saliba rċieva tifħir minn e Wall Street Journal għall-inizjattiva tal- charger komuni fl-UE. F'Ġunju li għadda, reġa' ġie elett fil-Parlament Ewropew bi kważi 64,000 vot. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ġie kkonfermat Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament b'vot ta' fiduċja ta' 95.8%. Dan ifisser li b'mod awtomatiku huwa jieħu post Chris Fearne bħala Deputat Prim Ministru. Minn 721 vot, il-Ministru Borg ġab 678 vot iva, 30 le u 13-il astensjoni. Ian Borg beda l-karriera politika tiegħu fl-2005 meta ġie elett Sindku ta' Ħad-Dingli. Reġa' ġie elett fl-2008 u fl-2012. Fl-2013, ġie elett fil-Parlament u sar l-iżgħar membru tal-Kabinett bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza tal-UE tal-2017 u l-Fondi Ewropej. Fl-2017, inħatar Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, fejn mexxa proġetti kapitali, fosthom il-proġett tat-toroq ta' €700 miljun u l-Marsa junction. Fl-2022, Borg sar Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ. Kien President tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u bħalissa huwa Chairperson- in-Office tal-OSCE. Fl-2017, ġie msemmi mal-aqwa 40 taħt l-40 minn European Voice, u fl-2013 kien fost l-aqwa 30 taħt it- 30 minn Forbes.