Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1526668
kultura illum • IL-ĦADD 15 TA' SETTEMBRU 2024 05 Għaxar snin ilu, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta xtaq jagħti xi ħaġa lura lill-Gżejjer Maltin u l-komunitajiet li jopera biswithom u kien dan li wassal biex f 'Settembru 2014 iwaqqaf il-Malta Airport Foundation. L-għan ewlieni tal-Fondazzjoni huwa wieħed, jiġifieri li tinvesti direttament fis-settur tat-turiżmu, bil-finanzjament ta' proġetti li permezz tagħhom tipproteġi, tikkonserva u tippromwovi l-patrimonju rikk li l-Gżejjer Maltin huma mżejna bihom. F'din il-paġna nagħtu ħarsa lejn uħud mill-proġetti li l-Fondazzjoni wettqet fi tliet oqsma prinċipali, jiġifieri fil-ħarsien tal-patrimonju arkitettoniku, il-konservazzjoni tal- patrimomju artistiku u l-ħarsien tal- patrimonju marittimu. IL-ĦARSIEN TAL-PATRIMONJU ARKITETTONIKU L-ewwel proġett li l-Fondazzjoni daħlet għalih kien ir-restawr ta' Torri Xutu, f 'Wied iż-Żurrieq, wieħed minn sensiela ta' torrijiet tal-għassa li l-Ordni ta' San Ġwann bena biex jgħasses il-kosta tal-Gżejjer Maltin. Torri Xutu nbena fi żmien il-Gran Mastru Lascaris u serva bħala prototip għat-torrijiet li bnew is-suċċessuri tiegħu. Torri Xutu serva wkoll bħala torri tal-għassa fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u bħala għassa tal-Pulizija sakemm spiċċa abbandunat. Permezz ta' kollaborazzjoni ma' Heritage Malta, il-Fondazzjoni tat mill-ġdid il-ħajja lil dan it-torri u fl-2019 infetaħ mill- ġdid għall-pubbliku. Proġett ieħor għal qalb il- Fondazzjoni huwa r-restawr tal- Combined Operations Room u l-kmamar anċillari, li jagħmlu parti minn dawk magħrufa bħala l-Lascaris War Rooms u li jinsabu taħt il-Barrakka ta' Fuq fil-Belt Valletta. Dan il-kumpless inbena fl-1566 mill-Ordni ta' San Ġwann u mill-1941 serva bħala kwartieri tal-Gwerra mill-Ingliżi. Fost is- sejbiet l-aktar interessanti ta' dan il- proġett kienu żewġ mapep moħbija taħt mappa oħra ta' 20 metru, li kienet tintuża minn NATO biex jiġu ntraċċati sottomarini Russi. Wara snin abbandunat u vittma tal-vandaliżmu, permezz ta' kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Wirt Artna, dan il-kumpless inbidel f 'mużew tal-gwerra u attrazzjoni ewlenija fil-Kapitali. Aktar riċenti, il-Fondazzjoni tat mill-ġdid il-ħajja lil ġawhra moħbija fil-limiti tal-Isptar San Luqa. Villa Hay, proprjetà żgħira li tmur lura għall-1740 u li tinsab fil-ġonna ta' Villa Frere, kienet tintuża bħala post ta' mistrieħ minn John Hookham Frere, politiku Ingliż u rifuġju minn intelletwali Maltin, inkluż Mikiel Anton Vassalli, missier il-Lingwa Maltija. Matul is-snin, din il-binja sofriet minn ħsarat kbar u spiċċat abbandunata, sakemm Friends of Villa Frere bdew ir-rijabilitazzjoni tagħha bl-għajnuna tal-Malta Airport Foundation. Illum, Villa Hay, tospita diversi wirjiet u saret destinazzjoni popolari fil-ġonna rrestawrati ta' Villa Frere. IL-KONSERVAZZJONI TAL- PATRIMONJU ARTISTIKU Minkejja ċ-ċokon tagħhom, il- Gżejjer Maltin mhumiex nieqsa mill-patrimonju artistiku. Il- Fondazzjoni investiet bi kbir f 'dan il-qasam, inkluż bir-restawr ta' xogħlijiet ta' arti sagra, anke fid-dawl tal-fatt li n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż qiegħda dejjem tikber. Fost dawn, il-Fondazzjoni appoġġjat ir-restawr ta' trittiku importanti ddedikat lill-Madonna tas-Sokkors li jifforma parti mill- kollezzjoni tal-arti tal-Kapitlu tal-Katidral. Bis-saħħa ta' dan ir- restawr, it-trittiku seta' jiġi attribwit lil Antonio de Saliba u ġaladarba nħadem madwar l-1490, seta' jingħad b'ċertezza li l-Gżejjer Maltin esperjenzaw ir-Rinaxximent artistiku qabel il-wasla tal-Ordni ta' San Ġwann f 'Malta. Proġett ieħor importanti, kien ir-restawr ta' pittura kbira ta' Mattia Preti li tinsab fil-Knisja Arċipretali ta' Santa Katarina taż-Żurrieq. Preti pitter din il-pittura fi żmien li Malta kienet inħakmet mill-pesta, fl-1676 u turi lil Santu Rokku, San Bjaġju, San Duminku u San Nikola ta' Tolentinu jinterċedu għall-Maltin. Investiment ieħor fil-patrimonju artistiku reġa' ħa lill-Fondazzjoni fil-Belt Valletta, din id-darba għar- restawr tal-Via Sagra storika li tinsab meqjuma fil-Knisja Ta' Ġieżu fil-Belt. Dan ir-restawr, mifrux fuq ħdax-il xahar, tefa' iżjed dawl fuq l-istorja ta' dawn l-erbatax-il pittura u kixef l-idejn ta' żewġ artisti prominenti, jiġifieri Francesco Zahra u Gian Nikola Buhagiar. Bħala parti mill-missjoni tal-Ajruport Malti li jinvesti fil- komunitajiet li jopera biswithom, il-Malta Airport Foundation bħalissa għaddejja bi proġett ta' tisbieħ fil-Knisja Parrokjali ta' San Leonardu f 'Ħal Kirkop. L-artist Anthony Spagnol tqabbad ipitter il-kopletta u l-lunetti tal-kappellun tal-Kurċifiss, liema pitturi, se jagħtu dehra kontemporanja lil dan il- kappellun u se jippreżentaw qaddisin kontemporanji. IL-ĦARSIEN TAL-PATRIMONJU MARITTIMU Bosta turisti jżuru lill-pajjiżna għall-baħar u l-bajjiet sbieħ li l-Gżejjer Maltin huma mżejna bihom. Iżda fl-aħħar snin kibret ukoll il-kuxjenza dwar il- patrimonju marittimu tal-gżejjer tagħna li qed jattira eluf ta' għaddasa fis-sena. Dan l-aspett huwa għal qalb ħafna l-Fondazzjoni u fih investiet bi kbir. Fost dawn, biżżejjed insemmu l-appoġġ tal-Malta Airport Foundation għall-iskavar ta' nawfraġju ta' żmien il-Feniċi, skopert fl-2007, 'il barra mix-Xlendi, f 'baħar fond 110 metri. Din is-sejba kompliet titfa' iżjed dawl fuq l-irwol importanti li Malta kellha fuq il- mappa tal-kummerċ marittimu tal-Feniċi. Diversi artifatti ttellgħu mill-baħar u l-istudji dwar is-sit għadhom għaddejin. Riċentament, il-Fondazzjoni għenet ukoll lil Heritage Malta tiddikjara l-ewwel Park Arkeoloġiku f 'Baħar Fond fid- dinja. Dan is-sit ġie skopert fl-1993 lil hinn mill-Bajja tax-Xlendi, f 'fond ta' 105 metri, u jikkonsisti f 'materjal arkeoloġiku Puniku mifrux fuq medda ta' 67,000 m2. Biex tkompli żżid il-kuxjenza dwar l-ambjent marittimu, il- Fondazzjoni investiet f 'żewġ sensieli ta' dokumentarji. L-ewwel sensiela, ħadet lis-segwaċi taħt wiċċ il-baħar qrib il-gżira misterjuża ta' Filfla u l-ibħra kaħlana madwar Kemmuna biex jitpaxxew bis-seħer tal-ħajja marittima kkulurita tagħhom. It- tieni sensiela, 'Submerged World' tieħu lis-segwaċi jesploraw sitt bastimenti nawfragati madwar il- Gżejjer Maltin. KONKLUŻJONI Jekk l-ewwel għaxar snin tal- Malta Airport Foundation kienu storja ta' suċċess, is-snin li ġejjin u l-proġetti li diġà huma ppjanati, se jkomplu jkunu xhieda tal-impenn tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta biex jinvesti direttament fil- prodott turistiku tal-Gżejjer Maltin u fil-komunitajiet li fihom jopera. Il-Gżejjer Maltin għandhom ħafna iżjed x'joffru minn temp sabiħ u bajjiet pittoreski u l-Fondazzjoni se tibqa' taħdem biex tkompli tpoġġi lil Malta bħala waħda mill-aqwa destinazzjonijiet Ewropej minn kull aspett. Għal aktar tagħrif dwar il-proġetti tal-Fondazzjoni nħeġġuk iżżur is-sit www.maltairport.com/ foundation INVESTIMENTI OĦRA TAL-MALTA AIRPORT FOUNDATION • Installazzjoni ta' seabins f'Marsaxlokk u Wied il- Għajn • Restawr ta' gallarija tal-arti tal-artist Victor Pasmore fil-Belt Valletta • Appoġġ lill-NGO Żibel għat-tindif tal-baħar minn xbieki tas-sajd mistura • Appoġġ lil żewġ klabbs tal-għaddasa għal tindif f'qiegħ il-baħar. F'erba' snin inġabru aktar minn 10 tunnellati ta' skart Għaxar snin ta' investiment fil-patrimonju Malti: L-istorja tal-Malta Airport Foundation Membri tal-Bord tal-Fondazzjoni flimkien mar-restawraturi waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett ta' konservazzjoni fuq pittura ta' Mattia Preti fil-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq. Torri Xutu f 'Wied iż-Żurrieq, irrestawrat mill-Malta Airport Foundation u miftuħ għall- pubbliku fl-2019 Is-sensiela ta' dokumentarji 'Submerged World' (disponibbli fuq YouTube) tesplora sitt bastimenti nawfragati fl-ibħra Maltin u l-ambjent marittimu madwarhom.