MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 22 September 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1526918

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 22 TA' SETTEMBRU 2024 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Elena Cardona taffaxxina ruħha bil-kitba ta' Trevor Żahra u tiddeċiedi li hi wkoll toħloq storja dwar arloġġ. Ejja Nfasslu Storja Issa li qegħdin fuq l-għatba ta' sena skolastika ġdida, fis niakar f 'dawk l-istudenti li se jerġgħu jibdew l-iskola. Għal diversi studenti, il-bidu tas-sena skolastika tfisser li se jerġgħu jiltaqgħu ma' sħabhom. Hemm oħrajn li jkunu eċitati peress li jkollhom basket tal-iskola ġdid u lapsijiet, gomom u rigi tal-karattri favoriti tagħhom, waqt li oħrajn ikunu ddispjaċuti li l-vaganzi tas-sajf waslu fi tmiemhom. Issib ukoll min ikun se jibda skola għall-ewwel darba għalhekk ikollu taħlita ta' emozzjonijiet – bejn il-biża' u l-ansjetà li ma tafx x'se tistenna fl-ewwel jum tal-iskola, u l-ferħ li se tibda avventura ġdida. Niakar li jien ħassejt dawn l-emozzjonijiet kollha fit-traġitt tiegħi mill-iskola primarja sal- iskola sekondarja. Meta kont nattendi l-iskola primarja kien ikolli geddum sal-art li se nerġa' nibda bir-rutina tal-lezzjonijiet. Kont inkun għand in-nanna mdawra biz- zijiet u l-kuġini, kollha jikkunslawni li l-ewwel ġurnata biss hi tqila. Minflok jgħinuni kont inħossni agħar u arani nimsaħ id-dmugħ minn għajnejja bit-tarf tal-flokk. Meta mbagħad mort is-sekondarja kont bdejt inħoss il-piż tal-ħafna suġġetti li konna nitgħallmu. Insejt, però, insemmi biża' partikolari marbut mal-iskola, li xi darba jew oħra kulħadd esperjenza. Naħseb li jkun aħjar jekk insejħilha frustrazzjoni aktar milli biża'. Allura għal liema frustrazzjoni qiegħda nirreferi? Din hi l-frustrazzjoni li ġġib magħha l-kitba tal- komponiment. Ibda mill-ammont ta' kliem li l-istudenti jridu jiktbu, li jiżdied kull sena jew it-titlu antipatku, u spiċċa fil-famuża kreattività. Fil-verità, nisma' ħafna ġenituri jilmentaw li wliedhom mhumiex daqshekk kreattivi u meta jiġu biex jgħinuhom fil-kitba tal-komponiment jispiċċaw dejjem jiġġieldu magħhom. Il-problema tan-nuqqas ta' kreattività hija agħar milli jkollok problema ta' ortografija. Nemmen li l-kreattività hi xi ħaġa li wieħed jitwieled biha. Bl-ebda mod m'jien qiegħda ninsinwa li l-kreattività ma tistax taħdem fuqha. Anzi, bil-kontra. Wieħed mill-iktar pariri utli u li jirrakkomanda kulħadd hu li taqra kemm tiflaħ biex bħala qarrej tiġi espost għal ideat differenti. Barra minn hekk, l-għalliema tiegħi dejjem tawni l-parir li nżomm pitazz fejn fuqu nieħu nota ta' kliem, frażijiet u sentenzi jew ideat li jkunu laqtuni. Fil-fatt għadni nagħmel hekk sal-lum speċjalment meta niġi biex nikteb il-poeżija jew stejjer qosra. Apparti li wieħed għandu jaqra biex ikompli jimraħ fid-dinja kreattiva u jespandi l-vokabularju tiegħu, jeżistu diversi għajnuniet fosthom kotba ta' kif għandek tikteb stejjer b'mod mhux tas- soltu u li jgħinuk takkwista aktar marki wkoll. Il-ktieb Trid Niktbu Storja Flimkien? ta' Trevor Żahra, b'illustrazzjonijiet ta' Nadine Debattista Briffa huwa għodda utli f 'idejn dawk kollha li jixtiequ jiktbu storja. Nazzarda ngħid li anke l-ġenituri u l-għalliema tajjeb ikollhom kopja ta' dan il-ktieb biex ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom u lill-istudenti tagħhom. Dan il-ktieb, immirat għall-etajiet ta' bejn is-sitt u l-għaxar snin, ġie ppubblikat din is-sena minn Merlin Publishers. Apparti d-diversi għajnuniet ta' kif wieħed jista' jikteb storja, il-ktieb hu mżewwaq bi stampi li jgħinu iktar biex l-immaġinazzjoni tixxettel u toħloq stejjer straordinarji. Għoġbitni immens il-ħarsetta ta' dan il-ktieb li hi stedina għal dawk kollha li juru x-xewqa li jiktbu storja. Barra minn hekk, mill- ewwel tirrealizza li Żahra qiegħed joffri daqqa t'id għal dawk li għal xi raġuni jew oħra jaqtgħu qalbhom waqt il-vjaġġ tal-kitba: 'Qatt xtaqt tikteb storja? Forsi storja dwar xi kelb jew qattus, dwar xi ħadd li tafu, jew forsi dwar xi oġġett li għandek id-dar … bħal xi arloġġ. Tħossok taqta' qalbek? M'għandekx għax tikkonfondi. Jien se ngħinek … anzi se niktbuha flimkien. F'dal-ktieb se ssib dak kollu li għandek bżonn biex tikteb storja, anki ħafna stampi sbieħ. Ejja … tlaqna!' U mal-kelma tlaqna, il-qarrej mistieden jiaħ il-ktieb u wara li jikkommetti ruħu li se jikteb storja flimkien mal-awtur għandu għażla ta' erba' stampi: qattusa, tifla bil-kelb, arloġġ u raġel anzjan. Eventwalment dawn l-istampi kollha se jiżvolġu fi storja. B'kapaċità kbira, Żahra jibni dawn l-istejjer pass pass. Matul dawn l-istejjer wieħed jitgħallem dwar min qiegħed jirrakkonta l-istorja. Din hi deċiżjoni kruċjali qabel ma tibda tikteb storja li tiddeċiedi minn liema punt di vista tista' tiktibha. Nieħdu l-eżempju tal- istorja tal-qattusa. Irid jintgħażel isem u wara l-ġeneru tal-istorja: tal- biża', tad-daħk, ta' misteru, inkella ta' fantasija. Wara jkun imiss il- karattru. X'temperament għandha din il-qattusa? Hija fuq ruħha jew qisha baqqa? Bil-għaqal u xwejħa jew żvelta u kaċċatura? Matul dan il-vjaġġ ta' kitba hemm spazji provduti apposta biex wieħed jikteb l-għażliet tiegħu. Peress li l-istorja tal-qattusa hija l-ewwel waħda u qiegħda biex isservi ta' eżempju ta' kitba ta' storja, din hija verament iddettaljata. Hemm diversi ideat ta' kif tista' tiżvolġi l-istorja u wieħed jista' jagħżel jekk tkunx storja fattwali jew ixxaqleb għall-finzjoni. Fl-aħħar, wara li wieħed jiddeċiedi l-bidu tal-istorja jista' jibda jsensel il-ġrajja tiegħu. Jien ukoll qiegħda nikteb storja flimkiem ma' Trevor Żahra. Għażilt l-istorja tal-arloġġ u l-arloġġ tiegħi hu xiħ, imwaħħal f 'kampnar tal- knisja, josserva l-bidliet li jseħħu madwaru. Sieħbu hu għasfur tal- bejt li kuljum jiġi jitperreċ fuq il-minutiera. X'intom tistennew? Akkwistaw dan il-ktieb ħalli tibdew tiktbu wkoll l-istejjer tagħkom!

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 22 September 2024