MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 29 September 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1527187

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 15

09 ittri IL-ĦADD 29 TA' SETTEMBRU 2024 • illum Is-Suwiċidju: intemmu s-silenzju Settembru huwa x-xahar għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. It-tema internazzjonali għall-2024-2026 hija "Nibdlu n-Narrattiva dwar is-Suwiċidju" u sejħa għall-azzjoni: "Ibda l-Konverżazzjoni". L-għan hu li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jkollna konverżazzjonijiet miftuħa biex titnaqqas l-istigma u jiġu evitati s-suwiċidji. Dan ir-rakkont huwa miktub minn omm b'kollaborazzjoni ma' Crisis Resolution Malta. Jagħti perspettiva ta' omm dwar l-esperjenza ta' bintha wara li tilfet ħabib b'suwiċidju. J iġu mumenti fil-ħajja meta tibqa' bla kliem. Bħal meta f 'lejla tas-sajf tas-sena l-oħra, smajt lil binti Christine* ta' 17-il sena nieżla t-taraġ tnejn tnejn minn fuq. "Ma!!..." Qalbi ħebritni li kien ġara xi ħaġa. "Għadni kemm irċevejt messaġġ li Alex* ħalliena!" "X'inhu?! X'ġaralu? Korra?" weġibtha, ixxukkjata. Alex kien ħabib tal-klassi, bilgħaqal u kwiet, sena iżgħar minnha. "Qed jgħidu li suwiċidju..." leħinha nkiser, u bqajna nħarsu lejn xulxin, ibikkmin. Niakarni ksaħt. "Kif, Ma?" staqsietni, bid-dmugħ nieżel ma' ħaddejha. "Kif qatt tista' tiġri xi ħaġa hekk?" Dak il-mument ħassejt li quddiemi ma kellix tfajla ta' 17-il sena iżda tifla ta' seba' snin, titlob lil ommha tfehemha xi ħaġa li ma setgħetx taħkimha. Il-mamà, wara kollox, dejjem kellha t-tweġibiet kollha. Ħlief din id-darba. Ma kellix kliem xi ngħid. Stajt biss ngħannaqha u nibki. Bkejt magħha. Bkejt għaliha. Bkejt għal Alex. U bkejt għal ommu. Ma kelli l-ebda idea x'kelli ngħid, x'kelli nagħmel, jew kif infarraġha. "Kien tant intelliġenti, tant umli, tant qalbu tajba ..." kienet qed tolfoq. "Kien l-iktar student intelliġenti fil-klassi ... ried jilħaq kirurgu, ma ..." qaltli b'ton ta' qsim il-qalb. "Mulej għinni," tlabt f 'qalbi, hekk kif indunajt li kien kważi se jtiha attakk ta' paniku. "Għidli x'nagħmel," smajt lili nnifsi ngħidilha hekk kif ħtaha minn spallejha. "Ċempel lill-mentor tiegħi tal-iskola," talbitni minnufih. "Hi biss tista' tiimni." Dik kienet l-unika ħaġa li stajt nagħmel. Ċempilt l-iskola f 'ġurnata sajfija u bdejt nitlob li xi ruħ tajba tkun wara l-iskrivanija flok il-baħar. Wieġeb xi ħadd ma nafx min, u tlabt biex niġu kkuntattjati mill-mentor ta' Christine – mara intelliġenti, sensittiva u reżiljenti immens, u li ovvjament kienet taf lil Alex. Wara ħames minuti ċempel il-mobile. Nibqa' għal dejjem grata lejn dik il-vuċi kalma, mimlija mħabba u empatija li f 'mument daqshekk diffiċli kienet hemm ghaliha. Għal mod kif ippruvat tispjegalha kif iċ-ċirkostanzi personali diffiċli ħafna ta' Alex, li qatt ma kien qal xejn lil sħabu tal-iskola, kienu tqal wisq għal ġuvni ta' 16-il sena biex iġorrhom. Baqgħet titkellem magħha sakemm Christine kkalmat u waqfet. Il-ġranet u x-xhur ta' wara kienu diffiċli ħafna għal Christine. Ta' 17-il sena wieħed ma jkunx ippreparat għal telfa, wisq inqas għal telfa f 'ċirkostanzi diffiċli bħal dawn. Kiddha wisq il-ħsieb li Alex ma kienx qasam il-piżijiet tiegħu ma' sħabu, u li kieku tkellem, sħabu żgur li kienu jduru qaqoċċa miegħu u jgħinuh. Ma setgħetx tiem kif żagħżugħ b'saħħtu f 'daqqa waħda jgħib u ma jidhirx iżjed. Wasal Settembru u Christine marret lura l-iskola, imma s-siġġu ta' Alex kien vojt. Bil-mod il-mod bdiet trabbi rabja kontra Alla talli ppermetta li ġuvni twajjeb bħal Alex jiġrilu li ġralu. Christine dejjem kienet spiritwali ħafna, iżda wara l-mewt ta' Alex ma setgħetx tmur knisja iżjed. Ħassitha ttraduta u beżgħana. Saret ħosbiena u ma setgħetx torqod sew. Indunat kemm hi fraġli l-ħajja u kemm hi kiefra t-telfa ta' xi ħadd għażiż. Ma nistax nispjega kemm kien diffiċli għalija bħala omm li nara lil binti għaddejja minn esperjenza bħal din. Ta' 17-il sena tkun trid tara lil uliedek bla ħsieb, jiddevertu, jidħku. Minflok kienet imnikkta u anjuża. Christine kellha bżonn sena ta' psikoterapija, pilloli, u sapport minn ħafna bnadi biex tasal taċċetta l-mewt ta' Alex. Daqqa kienet tħossha li qed tirpilja, u daqqa kienet terġa' titnikket. Il-kapitlu għalqitu pass pass, bil-mod, u fuq medda ta' żmien. Kitbitlu poeżija emozzjonali li bikkiet lil kull min qraha. Kienet tħoss il-preżenza tiegħu l-iskola u titolbu jgħinha. Kienet tiakar fih kull darba li tara farfett. Ftakret fih f 'għeluq sninu … "Alex kieku jien jagħlaq 17-il sena llum. Ħbiebu se jkomplu jikbru, imma Alex se jibqa' dejjem ta' sittax." Qattajna ħafna sigħat nitkellmu bil-kwiet. Ippruvajt noħloq spazju fejn setgħet taqsam l-iktar ħsibijiet profondi. "Jien mhux biss lil Alex tli, ma," qaltli darba. "Tli punt ta' referenza importanti – tli lil Alla wkoll." Fuq parir tat-terapista tagħha, ħeġġiġtha taqra l-ktieb "When Bad ings Happen to Good People" ta' Harold Kushner. Eventwalment, bil-mod il-mod, ħsibijietha bdew jiċċaraw u n-niket beda jinbidel f 'konsolazzjoni u rassenjazzjoni. L-aħħar ostaklu li kellha tegħleb kien it-tiswija tar-relazzjoni tagħha m'Alla. In-nuqqas tal-ħajja fil- parroċċa, il-quddies ta' kull nhar ta' Ħadd u t-tradizzjonijiet tal-Milied ħassithom wisq. F'Sibt il-Għid fl- aħħar sabet il-kuraġġ biex tkellem direttur spiritwali żagħżugħ tal- fiduċja tagħha. Aktar tard qaltli li sema' dak kollu li għaddiet minnu b'rasu baxxuta u mingħajr ma lissen kelma; u li s-silenzju tiegħu kien aktar qawwi minn dak li qatt seta' qal. Il-messaġġ li ntbagħat kien li quddiem telfa traġika bħal din, anke bniedem ta' Alla kellu bżonn jitlob għal direzzjoni. Mingħajr ħafna paroli, ivvalida l-emozzjonijiet tagħha u anki wasal biex qalilha li l-emozzjonijiet kollha tagħha kienu forma ta' komunikazzjoni mal-istess Alla, u li hi qatt ma tbiegħdet minnu kif kienet ħasbet. Ħarġet minn hemm bil-barka tiegħu u bi tbissima fuq wiċċha li kont ili ma nara bħalha. Kultant nistaqsi lili nnifsi jekk Alex kienx konxju kemm kemm kien maħbub. Kemm nixtieq li fetaħ qalbu mqar ma' sħabu dwar l-isfidi li ħabbat wiċċu magħhom. Kemm nixtieq li rrealizza li ma kienx waħdu, u li dejjem hemm tama. Kemm nixtieq li xi ħadd spjegalu li s-suwiċidju mhuwiex soluzzjoni u li s-sbuħija tal-ħajja tinsab meta flimkien negħlbu l-isfidi tagħha. Kemm nixtieq li beda l-konverżazzjoni u bidel in- narrattiva. Kultant inħoss li t-telfa ta' Alex hi riflessjoni ta' soċjetà li falliet. Nixtieq li xi ħadd qallu li s-suwiċidju mhux soluzzjoni, imma li jħalli biss xmara ta' tbatija u wġigħ għal minn iġarrab it-telfa. Li għal kull persuna li jirnexxilha, tiżdied il-probabbiltà għal sitt persuni oħra qrib il-vittma. Nixtieq li ż-żgħażagħ tagħna jiġu mgħallma kif ikunu reżiljenti emozzjonalment u kif għandhom ipoġġu sitwazzjoni fil-kuntest proprju tagħha, minflok dejjem inġennuhom biex iġibu marka aħjar, biex ilestu qabel, biex jiggradwaw ta' 22! Nixtieq li l-adolexxenti tagħna jkunu ppreparati għal relazzjonijiet li ma jirnexxux. Nixtieq li ż-żgħażagħ ikunu mgħallmin fl-iskejjel dwar is-self harm, kif jużaw il-midja soċjali b'mod responsabbli, u kif jieħdu ħsieb xulxin. Nixtieq li jiġu mgħallma jistaqsu "Kif int?" u l-importanza li verament jisimgħu mhux biss it-tweġiba, imma wisq aktar dak li ma jintqalx. Kemm nixtieq li fil-mumenti l-aktar dgħajfin tiegħu, Alex qabad il-mobile u ċempel lil Crisis Resolution Malta – fejn kien hemm tim sħiħ ta' nies esperti lesti li jgħinuh bla ħlas lejl u nhar. Dan it-tim jagħti appoġġ lil kull min għandu bżonn u jsalva medja ta' erba' ħajjiet fil-ġimgħa. Nixtieq li t-tabù dwar is-suwiċidju jinqered permezz ta' kampanji edukattivi fl-iskejjel. Nixtieq li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jkollna konverżazzjonijiet miuħa biex titnaqqas l-istigma u jiġu evitati s-suwiċidji. Nixtieq li kieku l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa mentali ppubblikata fl-2019 kienet tinkludi strateġija għall-prevenzjoni tas- suwiċidju biex ħadd ma jagħżel li jieħu ħajtu b'idejh. Nixtieq li kieku kellna ċentru t'emerġenza apposta fl-Isptar Mater Dei biex kull min isib ruħu fi kriżi jmur hemm bla appuntament. Nixtieq li kieku dan l-artiklu jinqara minn politiċi li jingħaqdu flimkien biex jipproponu, jilleġiżlaw, jimplimentaw u jindirizzaw din il-pjaga nazzjonali. Nixtieq li sal-aħħar ta' Settembru, li huwa x-xahar għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, Malta tagħmel aktar għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. F'dik il-lejla tal-velja tal-Għid, Christine kienet bilqiegħda ħdejja fil-knisja bix-xemgħa mixgħula f 'idha. Rajt demgħa siekta nieżla ma' ħaddejha. Poġġejt idi fuq tagħha u ħarset lejja. "Tinkwetax, mama," qaltli minn taħt l-ilsien. "Dik demgħa ta' ferħ kienet. Alex ħaj hawn ġew". Taptpet fuq sidirha. "Se nipprova nwettaq il-ħolm tiegħi bħalma xtaq jagħmel hu … imma ma setax. Se jibqa' jgħix permezz tiegħi u ta' dawk kollha li ħabbewh." *L-ismijiet inbidlu biex jipproteġu l-privatezza. Jekk tinsab fi żmien ta' kriżi jew qed tesperjenza ħsibijiet negattivi, ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966 jew niżżel l-app 'KRIZI' b'xejn biex tkellem lil xi ħadd li jista' jgħin.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 29 September 2024