Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1529156
17 arti u kultura IL-ĦADD 10 TA' NOVEMBRU 2024 • illum Din il-paġna nkitbet bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti Kunċert tal-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta b'risq Id-Dar tal-Providenza Mużika tas-seklu 20 mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta Bħal kull sena, Id-Dar tal-Providenza se torganizza kunċert speċjali marbut mal-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li jiġi ċċelebrat kull sena fit-3 ta' Diċembru. Din is-sena, il-kunċert se jsir nhar il-Ġimgħa 29 ta' Diċembru fis-7.30 ta' filgħaxija fil-knisja parrokkjali ta' Santa Katerina V.M. fiż- Żejtun. Il-kunċert se jkun taħt il-patroċinju distint tal- Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna u se jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta taħt id-direzzjoni tal-Maestro u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg. Il- programm jinkludi xogħlijiet mużikali minn kompożituri rinomati bħal Puccini, Hansen, Schubert, Vivaldi, Morricone, De Haan, Lloyd Webber, Innocenzi u Swearingen, kif ukoll kompożizzjonijiet ta' kompożituri Maltin bħal Tano Monseigneur, Ssgt Gilbert Camilleri u Ray Magri. Matul is-serata, se jiġu mħabbra wkoll ir-rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi, li jingħata bħala rikonoxximent lil dawk il-persuni jew organizzazzjonijiet li jagħtu kontribut sinifikanti favur Id-Dar tal-Providenza u s-settur tad-diżabilità. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas. Dawk li huma interessati jattendu huma mitluba jirriżervaw post billi jikkuntattjaw lir-reception desk ta' Id-Dar tal-Providenza fuq in-numri 21462844 jew 21464915, jew permezz tal-email fuq info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar tard mill- Ġimgħa 15 ta' Novembru. L-Orkestra Filarmonika ta' Malta se tkompli bis-serje ta' kunċerti chamber il-Ħadd 17 ta' Novembru fil-11:00 a.m. fis-Sala Robert Samut, il-Furjana. Dan il-kunċert jiffoka fuq mużika tas-Seklu 20, b'xogħlijiet miktuba għal strumenti differenti u jinkludi 'Sonata għall-Klarinett' ta' Poulenc u 'Sonata għall-Vjolin' ta' Hindemith, flimkien ma' żewġ xogħlijiet ta' Joseph Vella, 'Għanjiet op. 51' għas-sopran, perkussjoni u pjanu, u 'Riflessioni su un Tema di Stravinsky op. 107', ispirata minn sketch li Stravinsky kien għamel fuq kartolina. Is-Sopran Maria Frendo se tkun akkumpanjata minn Francis Camilleri fuq il-pjanu, Michael Camilleri fuq il-perkussjoni, Pierre Louis Attard fuq il-vjolin, Natasha Chircop fuq il- flawt, Chiara Telleri fuq l-obo, Godfrey Mifsud fuq il-klarinett, Maria Spiteri Zahra fuq il-fagott u Etienne Cutajar fuq il-kornu. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq showshappening.com.