Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1530960
X'qalu mal-ILLUM matul l-2024? Ħarsa lejn ftit intervisti li għamilna ... 08 ħarsa lura lejn l-2024 IL-ĦADD 29 TA' DIĊEMBRU 2024 • illum "Kritika kostruttiva tiegħi hija li Mater Dei kien żgħir għall-popolazzjoni qabel l-2013, mela xi ngħidu għal-lum meta diġà għandna żieda fil-popolazzjoni u li l-poplu edukajnieh biex ifittex jieħu ħsieb aktar saħħtu?" Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-politika soċjali, Stephen Spiteri, 21 ta' Jannar 2024 "Qegħdin inħarsu li t-turist li jiġi Malta jħalli iżjed flus milli kien iħalli ta' qabel. It- turiżmu u l-importanza tiegħu tinħass għax minnu qed jiekol kulħadd; mit-taxxi tas- settur tat-turiżmu qed jirnexxilna nsostnu l-programm soċjali tal-Gvern, mis-sussidji fl-enerġija, dan ġej mit-taxxa tat-turiżmu." L-Eks Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, 3 ta' Marzu 2024 "Waħda mil-linji l-ħomor għalija kienet l-abort. Nemmen li dan hu suġġett filosofiku, jew temmen li fetu huwa ħajja, jew le. Jekk inti ma temminx li dan hu l-ħajja, nifhimha, li għalik l-abort hu okay, imma għalija l-fetu huwa ħaj u rrid li nindukrawh. Dak kien il-punt prinċipali, li sseparani mill-Alternattiva." Kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet Ewropej, Arnold Cassola, 26 ta' Mejju 2024 "Aħna qatt ma għedna li l-faqar huwa perċezzjoni. Importanti li niftakru li s-soċjetà qed tinbidel. Il-faqar li naraw fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali qed jiġri parzjalment minħabba l-ammont għoli ta' persuni li qed jisseparaw. Jien kont tajt statistika inkwetanti li wriet li l-problema ġejja primarjament mill-isfaxxar ta' żwiġijiet jew relazzjonijiet." Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, 4 ta' Frar 2024 "Apparti l-fatt li l-Ponta tal-Qawra saret żona fejn ma tistax issir kaċċa (u dan bis-saħħa tal-pressjoni li għamlet BirdLife Malta), fil-bqija nista' ngħid li ma sar assolutament xejn. U dan ma jfissirx li kieku kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien ikun hemm xi ħaġa differenti." Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta, Mark Sultana, 21 ta' April 2024 "Huwa ċar li kull telf ta' vot huwa raġuni għal riflessjoni serja u evalwazzjoni onesta tal-mod kif il-partit qed jaħdem. Ir-rebħa hija dejjem tifkira li għandna x'naqdfu, imma t-telf ta' voti juri li hemm oqsma fejn nistgħu u għandna ntejbu." L-MEP Laburista, Thomas Bajada, 16 ta' Ġunju 2024