Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1532271
MALTA DDIKJARAT LI QED TISTENNA L-'MUMENT IT-TAJJEB' BIEX TIRRIKONOXXI L-ISTAT PALESTINJAN. X'INHI R-REAZZJONI TIEGĦEK GĦAL DAN L-APPROĊĊ KAWT, U X'TAĦSEB LI GĦANDHA TAGĦMEL MALTA B'MOD DIFFERENTI BĦALISSA? L-istqarrija ta' Malta li qed "tistenna l-mument it-tajjeb" biex tirrikonoxxi lill- Palestina hija xhieda ta' politika ta' dewmien u konvenjenza diplomatika li tipproteġi l-interessi tal-pajjiżi imperjalisti fuq il- ġustizzja u d-drittijiet tal-popli. Il-ħolqien ta' stat Palestinjan mhuwiex kwistjoni ta' mument "tajjeb" jew mhux, iżda ta' ġustizzja storika. Anke kieku Malta tiddikjara l-appoġġ tagħha għall-istat Palestinjan, dan ikun pass minimu ħafna. Ir- rikonoxximent biss mhux biżżejjed – jeħtieġ li Malta tieħu pożizzjoni ċara kontra l-apartheid żijonista, tappoġġja s-sanzjonijiet kontra l-entità żijonista u tissospendi kull forma ta' relazzjoni militari jew diplomatika magħha. Meta pajjiż żgħir bħal Malta jrid jimxi fuq il-linji tal-poteri kapitalisti u jżomm approċċ "kawt," dan ma jfissirx li huwa newtrali. Ifisser li qed iċedi għall-pressjoni tal-alleanzi neokolonjali bħall-UE u n-NATO, li huma kompliċi mal-ħakma illegali u l-ġenoċidju li qed jitwettaq kontra l-Palestinjani. Malta trid tieqaf tistenna u tieħu azzjoni konkreta. Malta trid: • tirrikonoxxi lill-Palestina immedjatament, mhux bħala ġest simboliku, imma bħala parti minn politika konkreta kontra l-kolonjaliżmu żijonista. • tinsisti fuq sanzjonijiet internazzjonali kontra l-entità żijonista, inkluż il- projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-armi. • tirtira kull forma ta' koperazzjoni militari ma' pajjiżi imperjalisti li jappoġġjaw l-apartheid żijonista. • tibni solidarjetà konkreta mal-poplu Palestinjan, inkluż permezz ta' għajnuna umanitarja u diplomazija attiva fil-fora internazzjonali. Kull dewmien f 'rikonoxximent u azzjoni huwa kollaborazzjoni ma' sistema ta' oppressjoni u ġenoċidju. FRONT MALTIN INQUMU JENFASIZZA N-NEWTRALITÀ TA' MALTA BĦALA PRINĊIPJU MORALI. MINĦABBA L-VJOLENZA LI GĦADDEJJA F'GAŻA, TAĦSEB LI N-NEWTRALITÀ GĦADHA L-AĦJAR POŻIZZJONI, JEW MALTA GĦANDHA TIEĦU POŻIZZJONI AKTAR B'SAĦĦITHA U AKTAR VOKALI B'APPOĠĠ GĦALL-PALESTINA? Assolutament. U hawn jeħtieġ li wieħed jiddefinixxi x'inhi n-newtralità fi ħdan il-Front Maltin Inqumu; in-newtralità li tant tħabatna għaliha mhijiex waħda ta' indifferenza u iżolazzjoni. L-indifferenza hija l-madmad tal-istorja, mentri li rridu nħaddnu hi l-mutur. Hi newtralità attiva, li wieħed kapaċi jkollu l-faċilità jieħu deċiżjoni morali u tattika mingħajr ma wieħed ikollu t-theddida taħt xi forma ta' telf ta' kwalunkwe tip. Dan qisek qed tgħid żewġt iħbieb inkorlaw, mort nofroqhom u t-tnejn ippontawli xkubetta ma' rasi jew ipprovaw jiġbduni lejhom. In- newtralità, għalhekk, marbuta mal-ħelsien, li wieħed jieħu d-deċiżjoni abbażi ta' moralità u kjarezza ta' ħsieb. IR-RISPONS TA' IAN BORG GĦAT- THEDDID TA' DONALD TRUMP KIENET IKKRITIKATA BĦALA 'DGĦAJFA'. TEMMEN LI L-POLITIKA BARRANIJA TA' MALTA HIJA WISQ DEFERENZJALI LEJN L-ISTATI UNITI, U MALTA NEWTRALI KIF GĦANDHA TWIEĠEB GĦAL THEDDID INTERNAZZJONALI BĦAL DAN? Ir-rispons ta' Ian Borg għal Trump ma kienx biss dgħajjef, imma juri kemm Malta tibqa' deferenzjali lejn l-Istati Uniti, anke quddiem theddid dirett u politika imperjalista. Minflok ma ħa pożizzjoni soda kontra l-kolonjaliżmu u l-aggressjoni, għażel li jitkellem b'mod vag biex ma joffendi lil ħadd – għax l-għan tal- Gvern mhuwiex il-prinċipju, imma li jżomm ruħu tajjeb mal-Punent kapitalist. Dan mhuwiex xi episodju ġdid. L-istorja turi kif Malta, minkejja n-newtralità kostituzzjonali tagħha, wisq ta' spiss resqet ruħha mal-linja Amerikana. Ikkundannat, u sew għamlet, l-invażjoni tal-Ukrajna, imma biss biss ħadet nota dwar il-ġenoċidju fil- Palestina. Stiednet lil Lavrov biex "tiddiskuti l-paċi," imma għaffġitu mal-art bħallikieku hu l-ikbar dnub tad-dinja, filwaqt li l-istess persuni li jbigħu l-armi għal din il-qerda ma ġewx mgħajra lanqas b'kelma waħda. Trump mhuwiex uniku f 'dan il-każ. L-istess alleati ta' Malta kapitalista kienu siekta quddiem dittaturi bħal Suharto, Duarte, Somosa, Pinochet, Videla, Mobutu, Campaore', Afewerki u Marcos fost ħafna u ħafna oħrajn, kollha sostnuti mill-Punent. Illum, nitkellmu dwar id-demokrazija, imma nżommu siekta dwar it-taqlib fl-Afrika ta' fuq, dwar kif il-Burkina Faso, il-Mali u n-Niger ġew imkażbra u msawta talli talbu ħelsien minn Franza. Dwar kif il-Yemen ġie mfarrak taħt il-bombi ffirmati minn Trump. Dwar kif qed tikkonfoffa fl-istess kuntratti li r-Rwanda qed tibbenefika mill- oppressjoni ta' Goma fil-Congo. Dwar kif qed nikkundannaw lil min jaħrab minn dan kollu, imbagħad inħalluhom jegħrqu fil-baħar jew nibagħtuhom lura f 'migration hubs li huma eżatt il-ħabsijiet u kmamar tat-tortura tal- imperu modern. Dwar kif nikkundannaw l-użu ta' viruses online għal spjunaġġ minn naħa imma normalizzata u leġittima fuq in- naħa l-oħra. U ħafna, u ħafna oħrajn. U mbagħad nistaqsu; fejn hu l-barometru intervista IL-ĦADD 9 TA' FRAR 2025 • illum 06 Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Front Maltin Inqumu, grupp oriġinarjament imwaqqaf mill- Eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff, u mmexxi minn eks ħaddiem tat-tarzna, u trejdjunjonista, Sammy Meilak. Ma' dan il-ġurnal, Raphael Borg jitkellem dwar id-difiża tan- newtralità ta' Malta. 'Ir-rispons ta' Ian Borg għal Trump imma juri kemm Malta tibqa' deferenzjali