Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1539445
opinjoni illum • IL-ĦADD 14 TA' SETTEMBRU 2025 09 Fotografu tan-Natura, BirdLife Malta ARON TANTI M inflok ma jissapor- tu x-xtiewi ħorox tal-Ewropa, ħafna speċi ta' tajr tal-priża li jbejtu fl-Ewropa jippreferu jpas- su lejn in-Nofsinhar, l-Afrika. Hemmhekk isibu kundizzjonijiet aktar favorevoli u priża aktar abbundanti. Il-passa hi avveniment impenjattiv ħafna għall-għasafar, mimlija sfidi matul il-vjaġġ lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħhom. Sfidi ġeografiċi L-għasafar tal-priża joqogħdu lura milli jaqsmu żoni kbar ta' baħar miuħ. Dan għaliex il- kurrenti ta' arja sħuna li jitilgħu 'l fuq u li l-għasafar jużaw biex jitilgħu fl-għoli mingħajr ma jitħabtu, ma jiffurmawx fuq il- baħar. Riżultat ta' dan, l-għasafar tal-priża li jpassu bejn l-Ewropa u l-Afrika jgħaddu minn fuq żoni fuq l-art biex jevitaw li jtiru fit-tul minn fuq il-baħar. Fost l-aktar żoni importanti minn dawn hemm l-Istrett ta' Ġibiltà fil-Punent, il-Bosphorus fil- Lvant u r-rotta ċentrali li tgħaddi mill-Italja u Sqallija. L-għasafar li jpassu minn fuq il-Gżejjer Maltin huma dawk li jużaw dan il- passaġġ ċentrali. Anke lokalment, xi żoni jattiraw aktar għasafar tal- priża minn oħrajn, prinċipalment minħabba l-ambjent u l-post, u dan ivarja matul is-sena. Pereżempju, il-Buskett hu ideali għall-osservazzjoni tal-għasafar tal-priża fil-ħarifa, iżda mhux daqstant fir-rebbiegħa. L-impatt tat-temp It-temp jinfluwenza bil- kbir il-passa tal-għasafar. Riħ favorevoli jgħin lill-għasafar jiffrankaw l-enerġija, filwaqt li kundizzjonijiet mhux favorevoli jistgħu jtellfuhom u jikkawżawlhom aktar dewmien biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Il-maltemp u x-xita qawwija jistgħu jwasslu għal eżawriment jew saħansitra mewt, speċjalment jekk l-għasafar jiltaqgħu mal-maltemp waqt li qed ipassu minn fuq il-baħar. It- temperatura u l-pressjoni tal-arja wkoll jistgħu jaffettwaw iż-żmien tal-passa. Għalhekk, it-temp hu fattur kruċjali li jinfluwenza sew in-numru ta' għasafar li jżuru l-gżejjer tagħna. Iż-żmien tas-sena Il-passa tat-tajr tal-priża fil- Mediterran hi staġjonali ħafna, u sseħħ prinċipalment fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Fir-rebbiegħa, l-għasafar ipassu mill-postijiet fejn iqattgħu x-xitwa fl-Afrika lejn it-territorji tagħhom fejn ibejtu fl-Ewropa, filwaqt li fil-ħarifa jerġgħu lura lejn in-Nofsinhar biex jevitaw ix-xitwa ħarxa tat- Tramuntana. Iż-żmien tal-passa jvarja skont l-ispeċi. Pereżempju, il-kuċċard ipassi f 'numri kbar fl-aħħar tas- sajf u fil-bidu tal-ħarifa, filwaqt li l-ajkli ġeneralment ipassu aktar tard. Il-frieħ tal-għasafar ukoll għandhom it-tendenza li jpassu wara l-adulti u dan jagħmel l-osservazzjonijiet tal-għasafar aktar interessanti għax ikun hemm varjetà f 'temp ta' it ġimgħat. Diversità tal-ispeċi Għalkemm il-Gżejjer Maltin forsi ma jarawx in-numri kbar li jidhru f 'postijiet oħra ta' passa fil- Mediterran, xorta waħda jattiraw varjetà wiesgħa ta' għasafar tal- priża, speċjalment f 'żoni bħall- Buskett. Fost l-għasafar tal-priża regolari li jiġu osservati hawn hemm il-Kuċċard, il-Bagħdan Aħmar, l-iSpanjulett, l-iSparvier, is-Seqer tal-Ħannieqa, il-Bies tar- Reġina, u l-iSpanjulett Sekond. Dawn l-għasafar spiss jidhru fi qtajja' mħallta jinġabru fis-sema fuq il-Buskett, speċjalment tard waranofsinhar. Minbarra dawn l-ispeċi komuni, okkażjonalment jidhru wkoll xi għasafar tal-priża aktar rari. Dawn jinkludu l-Avultun Abjad, il-Bies tal-Lvant, l-Ajkla Bajda, l-Ajkla tal-Kalzetti, u l-Ajkla tat-Tikek. Xi speċi, bħall-Avultun Abjad, naqsu drastikament fl-Ewropa u għalhekk il-protezzjoni tagħhom waqt il-passa hija kruċjali għas- sopravivenza tagħhom. L-importanza tal- konservazzjoni Il-konċentrazzjoni tal-għasafar tal-priża f 'żoni partikolari tal-Mediterran tenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni ta' dawn ir-reġjuni. Minħabba li tant għasafar jgħaddu minn żoni relattivament żgħar, kwalunkwe theddida tul dawn ir-rotot jista' jkollha impatt sproporzjonat fuq popolazzjonijiet sħaħ. Il-kaċċa illegali tibqa' problema serja f 'partijiet tal-Mediterran, inkluż fil-Gżejjer Maltin, fejn l-għasafar tal-priża spiss ikunu fil-mira tal- kaċċaturi minkejja li huma speċi protetti. It-telf ta' abitat fil-postijiet fejn jieqfu jistrieħu u xokkijiet elettriċi minn linji tal-elettriku ddisinjati ħażin, ukoll huma riskji sinifikanti. L-għasafar tal-priża huma partikolarment vulnerabbli għall-persekuzzjoni peress li waqt il-passa, jinġabru f 'postijiet prevedibbli. Flimkien mal-fatt li jirriproduċu bil-mod, il-qerda tagħhom jista' jkollha effett negattiv mifrux f 'reġjuni u ġenerazzjonijiet sħaħ. Monitoraġġ u riċerka Il-konċentrazzjonijiet prevedibbli ta' tajr tal-priża f 'żoni ewlenin tal-passa jagħmlu dawn iż-żoni postijiet ewlenin għar- riċerka u l-monitoraġġ fit-tul. F'Malta, il-Buskett hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa siti għall-osservazzjoni tal-għasafar tal-priża li jpassu fil-ħarifa. L-għadd, kull sena, jipprovdi dejta prezzjuża dwar it-tendenzi tal-popolazzjoni u l-istatus tal- konservazzjoni. Dejta miġbura f 'Malta mhux biss tgħin fil- konservazzjoni nazzjonali iżda tikkontribwixxi wkoll għal monitoraġġ internazzjonali, fejn l-informazzjoni minn diversi pajjiżi tinġabar biex tinbena stampa aktar kompluta. Riċentement, it-telemetrija bis- satellita irrivoluzzjonat l-għarfien tagħna dwar il-passa tal-għasafar tal-priża u offriet tagħrif aktar fil- fond dwar il-movimenti tagħhom. Sinifikat ekoloġiku L-għasafar tal-priża mhumiex biss għasafar impressjonanti u kariżmatiċi iżda wkoll speċi importanti mil-lat ekoloġiku. Bħala predaturi ewlenin, jirregolaw il-popolazzjonijiet ta' għasafar, rettili u mammiferi iżgħar u jgħinu biex jinżammu ekosistemi bilanċjati. Il-passa tagħhom fil-Mediterran tfakkarna wkoll fl-interkonnessibilità tal- ekosistemi bejn il-kontinenti, billi tgħaqqad il-postijiet fejn ibejtu fl-Ewropa mal-ambjent fejn iqattgħu x-xitwa fl-Afrika. L-isforzi ta' konservazzjoni fil-postijiet tal-bejta jew fejn iqattgħu x-xitwa huma effettivi biss jekk dawn l-għasafar jiġu ssalvagwardjati anke meta jpassu. L-għasafar m'għandhomx fruntieri: huma ta' kulħadd. Il- protezzjoni tagħhom hija dmir u li narawhom u ngawduhom hu privileġġ li rridu nassiguraw għall-ġenerazzjonijiet futuri. Is-sema tal-Buskett fil-Ħarifa Seqer tal-Ħannieqa Sparvier Bagħdan Aħmar Kuċċarda Ritratti: Aron Tanti