Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1541359
15 kotba IL-ĦADD 16 TA' NOVEMBRU 2025 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tħares lejn il-kotba għat-tfal finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Filwaqt li tagħraf l-evoluzzjoni tal-ktieb Malti għat- tfal, tixtarr fejn għad fadlilna nissaħħu. Avventura, maġija, u doża realtà Waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb il- ġimgħa li għaddiet, mexxejt diskussjoni — li dalwaqt se tkun disponibbli online fuq l-istazzjoni Youtube tal-Kunsill — dwar il-ktieb Malti għat-tfal flimkien ma' pubblikatur, kittieba, illustratriċi u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal- Ktieb. Iddiskutejna l-qċaċet u l-ostakli li taffaċċja x-xena letterarja għat-tfal illum, xi ksibna u x'għadu nieqes. Jien, li kbirt naqra Qrempuċu f 'Belt il-Ġobon, Sardinellu u l-Praspar ta' Fra Mudest, fost l-oħrajn, nara kif din id-dinja evolviet biex il-kotba tat-tfal issa qed jippruvaw jgħallmu mingħajr ma jkunu preskrittivi żżejjed, jittrattaw suġġetti ibsin li qabel forsi kienu tabù, bħall-mard u l-emozzjonijiet, u jkunu inklużivi biex jirriflettu r-realtà li ngħixu fiha u d-diversità ta' madwarna. Minkejja l-qedem tagħhom, nistqarr li kultant jiena nostalġika għal dawk il-kotba li kbirna bihom. Minkejja li kellhom riżorsi umli, it-tpinġijiet kienu awtentiċi u l-istejjer rilevanti lokalment. Il-kwalità kienet bażika, imma għall-inqas ma kinitx qed tipprova timita b'mod fqir prodotti oħra. Daż-żmien insibu ħafna kotba b'kuluri u tpinġijiet sbieħ fil-ħwienet tagħna, però xi drabi nsaqsi lili nnifsi hux qed jidhru kollha l-istess u jimitaw wisq il-kotba tat-tfal kummerċjali ta' barra. L-illustrazzjoni diġitali ma tgħinx l-oriġinalità u kultant l-istili donnhom jixxiebhu wisq. Waħda mill-problemi li qamu waqt id-diskussjoni kienet in-nuqqas ta' baġit disponibbli biex jinħoloq ktieb tat-tfal minħabba li l-popolazzjoni ċkejkna ta' Malta ma tippermettix li jiġu stampati biżżejjed kotba biex ipattu għall-ispiża. L-illustraturi b'hekk spiss jużaw mezzi diġitali biex jiffrankaw it ħin, filwaqt li l-pubblikatur limitat f 'liema tip ta' karta u format juża. Niem dawn il-kwistjonijiet, però qed iwasslu għal ċirku vizzjuż: jekk twaqqa' l-kwalità tal-ktieb, inqas se jinbiegħ u jħabbatha ma' kotba barranin, u inqas u inqas għandu ċans jinbiegħ lil pubblikaturi barranin, xi ħaġa li kieku tagħmel lis-settur sostenibbli. Bi it immaġinazzjoni, nemmen ukoll li xorta nistgħu ngħollu l-kwalità. Glenda u l-magna tal-granita ta' Claudia Aloisio rebaħ il-Premju Nazzjonali tal- Ktieb Terramaxka, għal kotba għat-tfal bejn 0-7 snin. L-illustrazzjonijiet ta' dan il-ktieb saru manwalment minn Nathalie Micallef, u diġà nara fihom iktar ħajja u karattru minn xi wħud mill-illustrazzjonijiet diġitali omoġeniċi li saru tant popolari, minkejja li anki l-illustrazzjoni diġitali taf issir b'ħila u stil individwali. Il-kitba ta' Aloisio hi mexxejja u b'ritmu dinamiku. Tittratta problema kurrenti tal-vizzju għall-mobile phones permezz ta' storja fejn iddaħħal element ta' maġija permezz ta' magna misterjuża tal-granita. It-tmiem jinħass forsi kemxejn maħtuf iżżejjed, imma l-istorja hi ħelwa u miktuba tajjeb. Fi ktieb ieħor ta' Aloisio, Il-Bebbuxu Trumbetta, did-darba illustrat minn Matt Stroud, insibu elementi simili. Il-kitba mexxejja tal-awtriċi terġa' teħodna fuq storja ta' avventura li tħaddem elementi lokali — ġranet il-baħar bir-ramel u l-ajjar, l-istorja ta' pajjiżna b'rabta mal-furbani. Aloisio lanqas ma zzokkor iżżejjed id-dettalji, u tinkludi partijiet realistiċi, bħan-nisa jitfgħu l-misħun jagħli minn fuq il-bejt tal-knisja għal fuq l-għadu. Il-Malti ta' Aloisio hu wkoll rikk u tħaddem kliem li qed jintesa bħal 'jibbru', 'xwieni', 'abjad qotna'. F'dan il-ktieb, iżda, ħassejt li l-istorja ntemmet ħesrem wisq eżatt kif laħqet bdiet tinbena u ssaħħar lill-qarrej, forsi minħabba l-limitu tal-kliem. Gaby ma tridx tirritorna d-dar ta' Marisabelle Ebejer illustrat minn Louiselle Sciberras kien ktieb finalist għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Terramaxka għall- kotba tat-tfal bejn 0-7 snin. Is-suġġett hu wieħed iebes u importanti, għax jittratta tfal li jinsabu l-isptar, u jgħinhom jinnavigaw din l-esperjenza. Però jkolli ngħid li l-kwalità tal-ktieb hi diżappuntanti. It-test seta' jiġi żviluppat iktar u t-teknika diġitali użata għall-illustrazzjoni għandha bżonn tirfina. Dan il-ktieb, bħal dawk imsemmija qablu, hu prodott mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Inħoss li l-kotba li toħroġ l-Aġenzija mhux dejjem qed jilħqu l-livell meħtieġ jekk tassew irridu niġbdu t-tfal lejn il-qari u nikkompetu ma' kotba barranin. In-nuqqas ta' kotba proposti fit-traduzzjoni wkoll iġiegħel lil wieħed isaqsi kemm dawn il-kotba qed jimmiraw ukoll għas-suq internazzjonali, xi ħaġa li kieku trendi l-ktieb Malti iktar sostenibbli finanzjarjament u xxerred xogħol l-awturi u l-illustraturi lil hinn minn xtutna. Fil-ħwienet illum insibu ħafna kotba Maltin attraenti għat-tfal. Nittama li biż- żmien inkomplu nitbiegħdu mis-sempliċi imitazzjoni ta' kotba kummerċjali u nleħħnu stejjer tassew tagħna, kif forsi kienu jagħmlu iktar kittieba fil-passat. L-iskuża ta' baġit limitat ma tistax tibqa' dejjem tiġġustifika nuqqas ta' sforz biex nirfinaw il-kotba li jagħtu l-ewwel impressjoni tal-letteratura lil uliedna. Għandna bosta kittieba u illustraturi ta' ħila li jistħoqqilhom preżentazzjoni ta' kwalità. "Nittama li biż- żmien inkomplu nitbiegħdu mis-sempliċi imitazzjoni ta' kotba kummerċjali u nleħħnu stejjer tassew tagħna, kif forsi kienu jagħmlu iktar kittieba fil- passat"

