MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 7 December 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1541836

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

08 aħbarijiet IL-ĦADD 7 TA' DIĊEMBRU 2025 • illum intervista ILENIA DEBONO Hemm bżonn ta' struttura għall-isport tas-sewqan f 'Malta bħalma għandhom sports oħra, insista Pierre Vella, ġurnalist veteran tal-isport tal-Formula 1 għal kważi 30 sena. Din il-gazzetta tkellmet ma' Vella fuq l-isport fih innifsu, l-isport f 'Malta, l-esperjenza tiegħu bħala wieħed mill- unika ġurnalisti ta' dan l-isport f 'Malta, u dwar xi wħud mill-istejjer tiegħu fuq it- trakka ma' sewwieqa rinomati internazzjonalment. Huwa ddiskuta t-talent Malti fil-qasam tat-tlielaq, b'diversi sewwieqa ta' dixxendenza Maltija pereżempju Keith Camilleri li kien ibbrilla fil- Formula 4 u riċentement hemm is-sewwieq Jacob Micallef li beda l-karriera tiegħu fil-Formula 4. Hu qal li, sfortunatament, il- problemi li jaffaċċjaw sewwieqa Maltin u anke tfal li jagħmlu l-karting li huma kapaċi daqs jekk mhux iżjed minn sewwieqa barranin fil-livell tagħhom, hija l-fondi u n-nuqqas ta' appoġġ meta mqabbel ma' sports oħrajn. Hu rrakkonta fuq żminijiet fejn hu stess kien jagħmel kompetizzjonijiet tat- tlielaq li kienet tkun kompletament iffinanzjata mill-kumpanija RedBull. Din il-kompetizzjoni kienet tinkludi kategoriji ta' tlielaq tal-go karting fejn is-sewwieqa jiġu eleminati u kien hemm snin fejn Vella tella' xi sewwieqa l-Awstrija jikkompettu kontra sewwieqa oħra barranin li rebħu fil-livell nazzjonali tagħhom. "Id-diqa tiegħi kienet tkun li aħna qed nagħmlu kollox ta' dilettanti u [is-sewwieqa barranin] ġejjin armati sa snienhom," irrimarka Vella. Hu qal li hemm bżonn ta' struttura simili kif hemm fil-futbol u l-waterpolo fejn żgħażagħ, tfal jew min għandu interess f 'dan l-isport ikollu iżjed konoxxenza dwar l-isport. Il-ġurnalist qal li din tmur lil hinn mit-trakka l-ġdida, imma l-bżonn li s-sewwieqa jew dawk li jixtiequ jsiru sewwieqa jkollhom taħriġ adekwat pereżempju fil-qasam ta' kif jitkellmu mal- midja. Xi ħaġa li hu qal kien għamel minn jeddu lil dawk is-sewwieqa li ħa barra minn Malta wara li rebħu fuq livell nazzjonali. Vella kkummenta fuq il- popolarità tal-isport f 'Malta, fejn qal li minn dejjem kien hawn numru kbir ta' segwaċi tal- Formula 1 f 'Malta. Madankollu, dawn l-aħħar erba'-ħames snin donnu l-isport ħa spinta kbira, anke fuq livell globali. Hu attribwixxa dan l-entużjażmu ma' diversi fatturi inkluż is-serje tad-drama ta' Netflix 'Drive to Survive' ibbażata fuq x'jiġri bejn is-sewwieqa lil hinn mit- trakka. Barra minn hekk, huwa qal li aspett ieħor li għen f 'din l-ispinta kien ir-rappurtaġġ li jsir fuq dan l-isport, kemm minn aspett ġurnalistku kif ukoll mill- aspett tal-midja soċjali. "Illum il-ġurnata mhux bħal 30-40 sena ilu," irrakkonta Vella fuq meta kien jara tellieqa mbagħad jistenna ħmistax bil-ħerqa għal magazine biex jaqra fuq dik it-tellieqa. Illum il-ġurnata t-tlielaq qed jiġu mxandra b'xejn fuq stazzjon lokali b'kuntratt ta' tliet snin li ngħata lill- istazzjon nazzjonali. Vella qal li din tat daqqa t'id lill-isport f 'termini ta' popolarità f 'Malta hekk kif minbarra t-tellieqa nfisha, in- nies jistgħu jaraw is-sezzjonijiet ta' prattika u anke l-parata tax- xufiera. Madankollu dan l-isport xorta jiġi mwarrab, speċjalment meta mqabbel ma' ċerti sports oħra bħall-futbol. Huwa kkummenta fuq in-nuqqas ta' attenzjoni mill-midja lokali fuq dan l-isport, pereżempju jekk kien hemm xi tellieqa taħraq li xi ħadd ma setax isegwi, ikollu ċ-ċans li jaqra fuqha fuq xi ġurnal. "Il-midja kultant tħares lejn jekk ikunx hemm xi ħaġa spettakolari, li ma naħsibx huwa ġust." Vella qal li avolja għalina dan huwa xi ħaġa ta' divertiment, għal 20 sewwieq, dan hu xogħolhom, u normalment meta jkun hemm xi ħaġa mhux tas- soltu twassal għal xi inċident li fortunatament ma tantx għad iseħħu imma meta jseħħu jkunu tal-waħx. Għalhekk hu jemmen li dawn l-atleti ħaqqhom iżjed rispett. Hu spjega li hu kien ilu jsegwi dan l-isport minn mindu kien għadu tifel. "Fl-1979 kont iddeċidejt li dan id-delizzju rrid nieħdu naqra aktar bis- serjetà. Jien ma nsegwi l-ebda sport ieħor," qal b'entużjażmu Vella. Minbarra l-eċitament tas-sewqan, hemm l-aspett tekniku tal-karozzi, it-taħriġ tas-sewwieqa li minn dejjem ħajru. Hu qal li l-karriera tiegħu kompliet tikber meta kien hemm ġurnalist fl-1994 u qallu li ta' kull sena l-kamra tal-aħbarijiet tiegħu tirċievi rapport ta' kull tellieqa flimkien ma' numru ta' ritratti, li għaddielu dan ir- rapport fl-aħħar tas-sena. Kollox inbidel għal Vella fl- 1982 meta miet wieħed mis- sewwieqa favoriti tiegħu, u mbagħad minn ġot-taġen għal ġon-nar meta fl-1994 miet il- leġġenda tas-sewqan Ayrton Senna. "Naħseb dak iż-żmien kont għedt, daqshekk Formula 1 għalija." Hu qal li dan kollu ġara f 'Mejju, u f 'Settembru tal-istess sena Vella kien avviċinat minn xi ħadd li ħajru jibda programm televiżiv u minn hemm beda kollox. Avolja fejn kien jaħdem sab ħafna appoġġ, u minn dejjem kellu xogħol ieħor sabiex jibqa' għaddej. Vella rrakkonta esperjenza unika li vera ftit kellhom l-unur jgħaddu minna. Hu qal li fis- sajf tal-2001 kien qiegħed fin- Nofsinhar tal-Ingilterra mal- familja meta rċieva telefonata mingħand ħabib tiegħu fejn stiednu jitla' sa Donington Park għaliex għandu opportunità jitla' f 'waħda mill-karozzi tal-F1 tal-Minardi li għandha żewġ siġġijiet dakinhar li kellu jsiefer lura lejn Malta. Huwa qabad ħwejġu mal- mara u t-tfal u ħaftu fil-kelma, hekk kif beda l-vjaġġ tiegħu lejn Donington. Hemmhekk sieħbu qallu li għandu ċ-ċans jitla' fil- karozza ma' Nigel Mansell, li dak iż-żmien kien isem stabbilit fid- dinja tal-Formula 1. Madankollu Vella rrifjuta u qallu li jrid jirkeb mas-sewwieq Fernando Alonso li dak iż-żmien kien għadu kif jibda. "Dak għad jirbaħ it-tazza mondjali," Vella qal lil sieħbu. U hekk kellu jkun, hekk kif Alonso rebaħ it-tazza darbtejn fl-2005 u fl-2006. Hu qal li hu u Alonso baqgħu ħbieb kbar sakemm rebaħ il-kompetizzjonijiet, u wara biż-żmien baqgħu ħbieb ta' saħħa u bonġu, imma Alonso baqa' jirreferi għal Vella bħala "My Maltese Friend". Dak li għalina huwa delizzju, għal ħaddieħor huwa karriera, jgħid ġurnalist Malti tal-Formula 1 Pierre Vella (xellug) huwa ħabib sew tas-sewwieq magħruf internazzjonalment, Fernando Alonso

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 7 December 2025