Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543147
13 arti u kultura IL-ĦADD 8 TA' FRAR 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Għidli naqra: Il-Band Angelcrypt F'din is-sensiela ġdida, il-gazzetta titkellem ma' bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f'Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha Shawn Mizzi (vuċi u kitarri), Karl Friggieri (kitarri), Jean Cutajar (bass) u Robert Friggieri (drums) Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? Angelcrypt hija band tal-ġeneru Melodic Death Metal minn Malta, imwaqqfa fl-1997. Il-proġett beda meta l-kitarrist Shawn Mizzi ried joħloq stil uniku li jgħaqqad aggressività qawwija ma' melodiji intensi. Tul il-vjaġġ ta' 29 sena tal-band, il-formazzjoni nbidlet diversi drabi, b'Shawn jibqa' l-forza ewlenija wara Angelcrypt. Id-determinazzjoni u l-imħabba tiegħu lejn il-mużika żammew il- band għaddejja u dejjem tfittex livelli ġodda. Il-formazzjoni attwali tikkonsisti minn Shawn Mizzi (vuċi u kitarri), Karl Friggieri (kitarri), Jean Cutajar (bass) u Robert Friggieri (drums). Illum, Angelcrypt hija meqjusa bħala waħda mill-aktar bands Maltin attivi fit-touring internazzjonali, u pparteċipat f 'diversi festivals flimkien ma' bands kbar ta' fama internazzjonali madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil- band flimkien? Minkejja li kien hemm għadd kbir mhux ħażin ta' eks membri li kienu jdoqqu f 'din il-band, il-line-up kurrenti tista' tgħid li ilu stabbli mill-2021. Però ilna nafu lil xulxin ħafna aktar minn hekk. Ix-xena Maltija tal- heavy metal hija magħmula minn komunità żgħira ta' fans li jħobbu dan il-ġeneru ta' mużika u għalhekk tista' tgħid li kulħadd jaf lil xulxin. Waħda mill-ewwel esperjenzi tmur lura għas-sena 2000 meta konna daqqejna gig flimkien iżda f 'bands differenti. Dak iż-żmien l-Angelcrypt kienet tikkonsisti minn membri oħra; fil-fatt Shawn huwa l-unika membru oriġinali tal-band. Karl u Robert kienu jdoqqu f 'band oħra u din kienet l-ewwel darba li konna ltqajna. Imbagħad snin wara ngħaqadna flimkien fil- lineup kurrenti. Kif għażiltu l-isem tal-band? L-isem Angelcrypt jirrifletti dan il-kunċett, qabar għall-anġli, simbolu ta' ideali mejta, twemmin imsaddad, u ġlidiet interni li ma jsibux maħfra. Il-mużika tagħhom saret mezz biex jesprimu rabja, riflessjoni u reżistenza kontra l-ipokrezija, il-gwerra, u t-tifrik spiritwali tal-bniedem. Liema hu l-iżjed proġett għal qalbkom? Ma naħsibx li hemm proġett wieħed partikolari. Bħala band għandna l-fortuna li mmorru tajjeb ħafna flimkien; nistgħu ngħidu li aħna ħbieb l-ewwel u qabel kollox u għal dir-raġuni qatt ma kien hemm okkażjonijiet fejn ma qbilniex bejnietna fuq id-direzzjoni artistika u mużikali tal-band. Għal dir-raġuni naħdmu u nistinkaw ħafna biex indoqqu barra minn Malta sabiex inwasslu l-mużika tagħna. Fil-fatt dawn l-aħħar ħames snin daqqejna mal-mitt kunċert/gig barra minn xtutna, b'numru ta' tours ta' għaxart ijiem jew aktar f 'pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda, l-Iżvizzera, il-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija, l-Islovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, il-Georgia, l-Armenja, u oħrajn. X'inhu l-pass li jmiss? Minkejja li ktibna u ħriġna erba' singles f 'dawn l-aħħar ħames snin, il-pass li jmiss se jkun dak li noħorġu album ġdid. Ovvjament peress li konna impenjati sew bis-safar regolari, ma kienx hemm wisq ħin biex niddedikaw għall-kitba ta' materjal għall- album. Dan se jkun il-pass li jmiss. Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom? L-ikbar ispirazzjoni tagħna ġejja minn bands klassiċi tal-metal bħal Metallica, Iron Maiden, Black Sabbath u Manowar. Aħna kbirna nisimgħu dawn il-bands u dejjem xtaqna nkunu bħalhom. Naturalment, illum hawn eluf kbar ta' bands eċċellenti li wieħed jista' jisma' u minnhom jieħu ispirazzjoni biex jikteb mużika ġdida. Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lill-artisti li għadhom jibdew? Ix-xena Maltija hija żgħira u limitata u l-postijiet fejn il-bands jistgħu jdoqqu mhumiex daqstant numerużi. Minkejja dan, dawn l-aħħar snin kellna l-fortuna li nassistu għat-twelid ta' numru ta' festivals fuq skala akbar u aktar professjonali. Qed nitkellmu dwar festivals li ġew mistiedna għalihom bands kbar mix-xena internazzjonali tal- metal li naturalment taw l-opportunità lil numru ta' bands Maltin biex jipparteċipaw fihom. Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix-xena mużikali Maltija, xi tkun? Kieku kellna nbiddlu ħaġa waħda, tkun in-nuqqas ta' viżibbiltà għal stili mużikali niche bħalma hu tagħna u għalhekk il-midja mainstream u n-nies b'mod ġenerali ħafna drabi lanqas biss ikunu jafu li jeżistu bands bħal tagħna. Minkejja li dorna l-Ewropa kollha u anke lil hinn minnha, u li jsegwuna wkoll barra minn Malta, hawnhekk aħna magħrufa l-aktar biss fix-xena tal-metal. Xi drabi nitkellmu ma' nies li jibqgħu sorpriżi meta jsiru jafu li hemm bands Maltin bħalna li jsiefru kontinwament u li qed jagħmlu isem fuq livell internazzjonali. Sfortunatament, Malta għadha ddominata mill-mużika kummerċjali, filwaqt li stili bħall-metal spiss jitħallew fil-ġenb u it jingħataw spazju jew attenzjoni.

