MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 1 March 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543557

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 1 TA' MARZU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fl-ewwel paġna letterarja tagħha għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Michaela Pia Camilleri tintervista lil Loranne u Joe li huma l-kofundaturi ta' Aphroconfuso – ġurnal letterarju li eventwalment żviluppa f'pubblikatur b' ideat partikulari dwar il-kittieba u l-kitba bil-Malti. "Jekk tipproduċi kitba tajba, toħloq udjenza għaliha" Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju bil-Malti li tnieda fl-1 ta' Mejju 2023. Minn dakinhar, wessgħu l-kappa tagħhom għal pubblikaturi, b'erba' kotba stampati taħt isimhom, u b'sitta oħra ħerġin dis-sena. Dal-ġurnal letterarju/pubblikatur ħoloq niċċa għalih, u jippubblika mhux biss stejjer u poeżiji, iżda wkoll esejs, djarji, traduzzjonijiet u xogħlijiet letterarji li mhux faċli tikklassifikahom. Għandu interess f 'xogħlijiet li jidħlu fl- identità soċjopolitika Maltija, esperjenzi femministi u realtajiet marġinali u queer. Tkellimt mal-fundaturi u l-edituri ta' dan il-ġurnal, il-kittieba Loranne Vella u Joe Gatt, fuq il-proċess editorjali tagħhom, l-għażla li jsiru organizzazzjoni mhux għall-profitt, u l-aspirazzjonijiet tagħhom għax-xena letterarja Maltija. Għalfejn ħassejtu l-bżonn li toħolqu Aphroconfuso? X'inhu l-iskop li qed tippruvaw tilħqu bih? Joe: Wasalna f 'punt fix-xena letterarja Maltija fejn il-kitba kienet qed tintgħażel skont x'jinbiegħ. Affarijiet esperimentali, u affarijiet li xtaqna naqraw aħna, ma kinux qed jiġu ppubblikati. Anke xi xogħol tagħna stess ma konniex nafu fejn nippubblikawh. Loranne: Id-diskors t'hemm barra li "l-Maltin ma jaqrawx" idejjaqna, għax nafu li mhux vera. Dejjem emminna li jekk tipproduċi xi ħaġa tajba, ħa toħloq udjenza għaliha. Aphroconfuso huwa ġurnal u dar tal- pubblikazzjoni mmexxija mill-kittieba. Ridna noħolqu komunità ta' kittieba fejn nitrawmu minn xulxin. Kif tagħżlu x-xogħlijiet u l-kittieba? Loranne: Ma ridniex noħolqu ġurnal għal kittieba li diġà jeżistu. Għalina kienet importanti li tinħoloq kitba ġdida minn kittieba ġodda. Ħafna mill-kontributuri tagħna l-ewwel darba li qed jiktbu bil- Malti, u għal uħud, l-ewwel darba li qed jiktbu. Joe: M'aħniex interessati f 'affarijiet lesti. Infatti, ma nagħmlux sejħiet għall- kitba, iżda nkellmu 'l-kittieba aħna stess. Però ġieli jiġu fuqna nies interessati li jippubblikaw magħna. Għalfejn għażiltu li ssiru ġurnal online? Joe: Irrealizzajna li m'hemmx biżżejjed kitba u kittieba biex nimlew ġurnal stampat mill-inqas kull tliet xhur. Għarafna li qed naħdmu ma' nies b'ħin limitat, u b'hekk ridna xi ħaġa li taħdem bil-pass tagħha – ċerti affarijiet idumu anke sena u nofs biex jiġu żviluppati. Nemmnu f 'relazzjonijiet fit-tul mal-kittieba tagħna. B'erba' kotba diġà fil-qoffa, sirtu tqisu lilkom infuskom bħala pubblikaturi, jew ġurnal? Joe: It-tnejn. Il-kitba l-ewwel tidher online, imbagħad nippubblikaw antoloġija kull sena li tinkludi kważi kulma jkun ġie ppubblikat online. Il-kotba li noħorġu kważi dejjem jibdew minn xogħol li beda fil-ġurnal, jew ma' nies li ħdimna ħafna magħhom fuq il-ġurnal, u li diġà għandna relazzjoni magħhom. Fit-18 ta' Jannar ħabbartu li sirtu organizzazzjoni mhux għall-profitt. X'wassalkom għal din l-għażla? Joe: Li tipprova tagħmel il-flus minn xi ħaġa li diġà diffiċli tagħmel il-flus minnha, qisek qed tipprova toħrog id-demm minn ġebla. Bħala organizzazzjoni mhux għall- profitt, intgħażilna għal programm li se jippermettilna biex tul it-tliet snin li ġejjin inkunu nistgħu inħallsu b'mod xieraq lill- kittieba li ma jaffordjawx jiktbu magħna. Fit-tieni sena se nibdew nagħmlu workshops biex inħarrġu lin-nies ħalli jaħdmu magħna bħala edituri, u fit-tliet sena se nagħmlu internships bi ħlas. Nixtiequ nittrasformaw f 'organizzazzjoni li tista' tevolvi. Apparti minn hekk, din is-sena se niktbu u nippubblikaw manwal ta' dak kollu li nagħmlu. Loranne: Id-dokumentazzjoni hi mod kif ix-xogħol kollu li għamilna s'issa ma jintilifx, u jkun il-bażi ta' iżjed xogħol anke għal organizzazzjonijiet oħra. Il-fatt li tgħixu barra minn Malta kif affettwakom bħala pubblikaturi? Joe: Il-perspettiva internazzjonali hi importanti ħafna. Għalina l-Malti huwa mod kif nistgħu nitkellmu bl-iżjed mod intimu u intelliġenti fuq dak li rridu ngħidu, u kif nimmetabolizzaw ċerti ideat u teoriji. Tkun ħasra li jkollna idea limitata ta' x'nistgħu ngħidu bil-Malti, u li ma nistgħux nitkellmu bih fuq kollox. Il-fatt li hemm tant x'jinkiteb hija xi ħaġa eċitanti ħafna għalina. Qegħdin f 'punt storiku fejn minkejja li nkiteb ħafna bil-Malti, fadal ħafna x'jinkiteb. Kif tarawha tevolvi x-xena letterarja Maltija? Loranne: Fenomenali. Aħna qed naħdmu biex f 'temp ta' għaxar snin oħra, naraw ix-xena letterarja tevolvi u b'saħħitha. Joe: Għalina importanti ħafna li l-ġurnal jibqa' aċċessibbli għal kulħadd. M'hemmx għalfejn tkun persuna ta' tip partikolari, jew ta' klassi partikolari biex taqrah. X'kotba qed tippjanaw li toħorġu? Loranne: Dis-sena għandna sitt kotba ġodda. F'April se joħroġ ir-rumanz tiegħi, Travi taċ-Ċedru, Saqaf taċ-Ċipress, f 'Ġunju/Lulju se joħroġ Bur Mgħeż, ta' Omar N'Shea, f 'Ottubru ħierġa it-tieni edizzjoni tar-rumanz tiegħi Marta Marta, u f 'Novembru ħa noħorgu tliet kotba: l-Antoloġija annwali, l-esej ta' Berardi Nifs: Kaos u Poeżija, tradott għall-Malti minn Karl Baldacchino, u ktieb ieħor tal- poeżija. Is-sena d-dieħla se noħorġu edizzjoni ġdida ta' Frammenti ta' Saffo, ta' Warren Bartolo, u r-rumanz ta' Joe. X'inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal Aphroconfuso fuq is-suq barrani? Hemm interess għal- letteratura Maltija? Joe: L-idea hi li jkollok kotba b'saħħithom biżżejjed. L-agħar ħaġa li tista' tagħmel biex tkun attraenti għal pajjiżi oħra hi li tikteb bl-iskop tat-traduzzjoni, li tipprova taqta' x'ħa jkun relevanti għal suq partikolari. Loranne: Għalina importanti li lill- kittieba tagħna mhux biss insegwuhom fuq is-suq Malti, imma li ngħinuhom biex ix- xogħol tagħhom jiġi tradott u ppubblikat barra. Il-kittieb huwa dak li jikteb kollox, iżda l-iktar wieħed vulnerabbli. Ħafna drabi l-kittieb huwa l-aħħar u l-inqas wieħed li jitħallas. Ix-xogħol u l-kittieb għandhom jiġu protetti. Loranne u Joe, il-kofundaturi ta' Aphroconfuso

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 1 March 2026