Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544022
13 arti u kultura IL-ĦADD 22 TA' MARZU 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Għidli naqra: Halcyon F'din is-sensiela, il-gazzetta titkellem ma' bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f'Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha L-isem tal-band jissuġġerixxi kuntrast kbir bejn it-tifsira reali tal-isem u t-tip ta' mużika li jdoqqu ILENIA DEBONO Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? Il-band bdiet tifforma meta Zain (il-kitarrist u kantant) kien qed ifittex membri għall-istess band, kemm permezz ta' posts fuq il-midja soċjali, u kemm bil- fomm. Diversi membri ġew introdotti fil-band sakemm l-isem "Halcyon" ġie ssuġġerit mill-eks bassist tagħna, u b'hekk imbagħad il-lineup ġie determinat. Il- band bdiet bħala band death metal magħmula minn tliet membri, imbagħad ħadet approċċ differenti fit-teknikalità tal-kitba tal-mużika u b'hekk ġie introdott ir-rwol ta' kitarrist sekondarju. Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien? Meta Victor (id-drummer) ingħaqad mal-band, ma konniex nafuh qabel, imma bih, ir-relazzjoni bejn il-membri kibret u ġabet għaqda totali. Bil-line-up attwali tagħna, lil Aidan (il-bassist) apparti li kien diġà ħabib tagħna, konna nafuh ukoll sew mix-xena lokali u Leander (il- kitarrist) l-istess, nafuh mix-xena. Kif għażiltu l-isem tal-band? L-isem tal-band jissuġġerixxi kuntrast kbir bejn it-tifsira reali tal-isem u t-tip ta' mużika li ndoqqu. Xtaqna dak il- kuntrast. Halcyon tħares lejn perjodu ta' żmien fil-passat fejn dak kollu li issa nħarsu lejh u nfittxuh kien preżenti. Żmien ta' paċi u prosperità, imħabba u ġentilezza. Halcyon huwa wkoll mat-tema tal- lirika tagħna, għax bħala band death metal, il-lirika tagħna mhix relatata ma' gore, demm u l-lirika tipika. Hemm ħafna iktar ħsieb warajhom. U għalkemm ma niddejqux b'dik it-tip ta' lirika, għall- band it-temi huma pjuttost metaforiċi u jitkellmu dwar l-umanità, is-soċjetà u l-lirika kosmika li huma vitali u jikkumplimentaw l-isem Halcyon. Ngħidu kollox … Halcyon huwa wkoll għasfur gustuż! Liema hu l-iżjed proġett għal qalbkom? Li aħna erbat iħbieb li niltaqgħu biex indoqqu flimkien huwa diġà proġett fih innifsu li hu għal qalbna. Imma, kollettivament, kburin b'dak li s'issa rnexxielna noħolqu f 'dawn l-aħħar tliet snin: demos, singles u issa qed naħdmu fuq l-aktar ħaġa li aħna kburin biha … album sħiħ. X'inhu l-pass li jmiss? Il-pass li jmiss hu li nkomplu niktbu materjal ġdid u nħejju għall-kunċert li jmiss fis-7 ta' Marzu. Għandna materjal li juri tassew kemm qegħdin nimmaturaw u nikbru bħala band u kif semmejna qabel, ninsabu ħerqana nirrekordjaw dak il-materjal biex ninkluduh fl-album. Dan ovvjament huwa proġett li qed nipproduċu b'reqqa kbira minħabba li huwa kollezzjoni sħiħa ta' dak kollu li aħna kapaċi niktbu u ndoqqu kollu f 'pakkett wieħed. Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom? Kull membru għandu l-ispirazzjoni individwali tiegħu li finalment tidher mill-mod kif indoqqu. Il-ħoss ta' Halcyon huwa primarjament ispirat mill-ħidma ta' Chuck Schuldiner tal-band Death, u Muhammed Suiçmez tal-band technical death metal Necrophagist. Ma jistax jonqos li nsemmu ismijiet ta' bands kbar oħra bħal Opeth, Ulcerate u Obscura li wkoll jagħtu kontribut fil-kitba tal- mużika tagħna. Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lill-artisti li għadhom jibdew? Ix-xena lokali tipprovdi opportunità għal artisti lokali ġodda u tista' anke tibda fanbase ċkejkna għalihom. Imma meta tikkunsidra d-daqs tax-xena lokali, l-opportunitajiet huma kemxejn limitati ta' fejn u kemm wieħed jista' jdoqq. Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix- xena mużikali Maltija, xi tkun? Ix-xena mużikali lokali għandha karatteristika distintiva waħda … l-appoġġ bla tmiem li nagħtu lill-artisti lokali oħra ta' ġeneri u sfondi differenti. Il-mużika tgħaqqad u għalhekk għandna nkomplu nissapportjaw lil xulxin mingħajr l-element ta' kompetizzjoni anke jekk il-ġeneru huwa differenti.

